L-Ewropa trid tibqa’ soda dwar il-prinċipji, id-dritt internazzjonali u s-sigurtà, filwaqt li tirrispetta n-newtralità ta’ Malta
AĦBAR

L-Ewropa trid tibqa’ soda dwar il-prinċipji, id-dritt internazzjonali u s-sigurtà, filwaqt li tirrispetta n-newtralità ta’ Malta

L-Unjoni Ewropea għandha timpenja ruħha skont il-prinċipji, kif ukoll id-drittijiet u d-dmirijiet internazzjonali. U pajjiżna għandu jibqa’ konsistenti man-newtralità kostituzzjonali tiegħu.

Meta kien qed iwieġeb għal Stqarrija Ministerjali li għamel il-Prim Ministru fil-Parlament dwar il-konklużjonijiet tal-aħħar Kunsill Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg esprima solidarjetà sħiħa mal-poplu Iranjan quddiem rapporti serji u xokkanti ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li saħaq li għandna dejjem nibqgħu niddefendu l-aspirazzjonijiet leġittimi għal-libertà u t-tmexxija demokratika.

Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, il-Kap tal-PN laqa’ l-appoġġ finanzjarju qawwi mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li sostna li d-difiża tas-sovranità Ukrena hi wkoll kwistjoni ta’ sigurtà Ewropea u kredibbiltà internazzjonali. Fl-istess waqt, enfasizza li s-solidarjetà trid timxi id f’id mar-rispett lejn il-qafas kostituzzjonali ta’ Stati Membri newtrali bħal Malta.

Alex Borg tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn enfasizza fost l-oħrajn l-importanza tal-waqfien mill-ġlied, iżda anke s-soluzzjoni ta’ żewġ stati bħala l-unika triq għal paċi dejjiema bejn l-Iżrael u l-Palestina. Hu rrefera wkoll għall-bżonn ta’ stabbiltà fil-Libanu u tranżizzjoni politika fis-Sirja, b’enfasi fuq is-sovranità u l-protezzjoni tal-minoranzi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrikonoxxa li l-isfidi tas-sigurtà Ewropea llum għandhom ikunu indirizzati b’diplomazija, reżiljenza u koperazzjoni internazzjonali mhux permezz ta’ abbandun tan-newtralità tagħha.

Dwar il-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea – li wkoll kien fuq l-aġenda tal-aħħar Summit tal-UE f’Diċembru li għadda – Alex Borg sostna li ftehim fil-ħin dwar il-qafas finanzjarju hu kruċjali biex ikunu protetti ċ-ċittadini, in-negozji u l-komunitajiet lokali. Dan jista’ jsir biss b’negozjati li jirriflettu wkoll il-bżonnijiet ta’ Stati Membri żgħar u periferali, bħal Malta.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Kap tal-PN tenna li s-solidarjetà Ewropea trid tkun prattika u ġusta, b’kontroll effettiv tal-fruntieri, kif ukoll tqassim ġust tar-responsabbiltajiet u ftehimiet serji bejn il-pajjiżi.

Hu kkonkluda li Malta trid tibqa’ sieħeb Ewropew kredibbli u affidabbli, b’politika barranija msejsa fuq il-paċi, id-djalogu u r-rispett lejn il-liġi internazzjonali, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ lest jappoġġja kull rwol ta’ responsabbiltà li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fl-Ewropa.

14.01.2026