L-Għawdxin għandhom bżonn opportunitajiet bis-serjetà u mhux taċ-cheap labour

Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li joffri opportunitajiet bis-serjetà għall-Għawdxin u mhux opportunitajiet taċ-cheap labour. Għax illum hu evidenti li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ma jridux biss pagi diċenti, iżda wkoll kundizzjonijiet tajbin fil-post tax-xogħol, daqskemm fis-soċjetà li jgħixu fiha.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul Round-Table Conference li saret f’Għawdex bħala parti mill-attivitajiet li qed jorganizza l-Partit fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem bit-tema “Nagħtu s-Saħħa lill-Ħaddiem”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit immexxi minnu jemmen li kulħadd jista’ jikkontribwixxi, ladarba kulħadd jgħix realtajiet differenti. Jemmen ukoll li t-triq ‘il quddiem biex naħtfu kull opportunità għal dan il-pajjiz hu li nikkonsultaw madwar il-mejda.
Hu rrefera wkoll għall-iżvilupp insostenibbli f’Għawdex, li qed jeqred dak kollu li jattira lit-turist f’din il-gżira. Minflok, Għawdex għandha bżonn aktar ħarsien ambjentali u tmexxija reġjonali.
Fir-Round-Table Conference ipparteċipaw diversi entitajiet u korpi kostitwiti, kif ukoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Alex Borg, il-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo u l-President tal-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex Paul Buttigieg. Preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.
27.04.2023
Posted Under: Uncategorized