L-investiment privat fil-qasam tas-saħħa hu kruċjali u rridu nkomplu nsaħħuh
AĦBAR

L-investiment privat fil-qasam tas-saħħa hu kruċjali u rridu nkomplu nsaħħuh

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iżur l-Isptar DaVinci

Is-saħħa tal-poplu tagħna tkun prijorità għal Gvern ġdid Nazzjonalista. Bħalma dejjem għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti, se ninvestu biex insaħħu s-servizzi tas-saħħa billi nkomplu nsaħħu wkoll is-sħubija tas-settur privat ma’ dak pubbliku.

Waqt żjara fl-Isptar DaVinci f’Birkirkara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg insista fuq il-kontribut importanti li jagħtu kliniċi u sptarijiet privati bħal DaVinci – kemm fis-servizz tas-saħħa li jagħti l-privat imma anke fil-qasam tas-saħħa pubblika.

Hu qal li l-investimenti kbar li jagħmlu sptarijiet bħal DaVinci mhux biss huma ta’ min ifaħħarhom imma huma imprezzabbli għall-kura tas-saħħa f’pajjiżna.

Alex Borg kellu l-opportunità jitkellem mat-tmexxija tal-Isptar DaVinci dwar dawk li huma l-isfidi li jiffaċċjaw fl-operat tagħhom kif ukoll dwar l-ambizzjonijiet li għandhom biex ikomplu joffru dejjem aktar servizzi lil pazjenti f’oqsma differenti.

Hu ltaqa’ mal-ħaddiema tal-isptar u żar id-dipartiment differenti fejn seta’ jara kif it-tmexxija ta’ DaVinci għarfet dejjem tibni fuq servizzi ġodda biex dan kiber minn imaging clinic għal dak li llum huwa sptar ġenerali żgħir, fejn is-servizzi huma magħqudin flimkien. Apparti s-servizzi ta’ X-Rays u Ultrasound, l-isptar illum joffri servizzi ta’ speċjalisti u aktar.

Fl-isptar iservu aktar minn 100 speċjalist minn oqsma differenti u l-isptar jinkludi wkoll spiżerija u teatri għall-operazzjonijiet.

Preżenti mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri u x-Shadow Minister għall-Kurja Preventiva u Primarja Ian Vassallo flimkien mal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Paul Mazzola.

Din iż-żjara tkompli ma’ sensiela twila ta’ żjarat li qed jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista anke fis-settur privat biex il-PN ikompli jfassal politika li tħares l-investimenti li jsiru mill-privat u dawn ikomplu jsostnu mhux biss is-servizzi differenti f’pajjiżna iżda wkoll ikomplu joffru postijiet tax-xogħol lil bosta ħaddiema waqt li jikkontribwixxu b’mod importanti fl-ekonomija tal-pajjiż.

16.01.2026