Lest niltaqa’ mal-Prim Ministru fuq il-ħatra tal-Prim Imħallef anke llum stess, imma din il-ħatra m’għandniex nagħmluha ballun politiku – Alex Borg
Fil-Belt Valletta l-Kap tal-PN jgħid li d-diskussjoni u l-ismijiet għal ħatriet kostituzzjonali għandhom jibqgħu kunfidenzjali sakemm jintlaħaq qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni
Jien lest nkompli bid-diskussjonijiet kunfidenzjali dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef, anke llum stess, iżda mhux lest li nrendi din il-ħatra f’ballun politiku, kif qed jagħmel il-Prim Ministru.
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’intervista li saritlu mill-Editur Eżekuttiv tal-MaltaToday Kurt Sansone waqt l-attività tal-Partit Nazzjonalista Qrib Tagħkom li saret fil-Fondazzjoni AŻAD dalgħodu fil-Belt Valletta.
Alex Borg qal li l-Oppożizzjoni lesta tressaq numru ta’ ismijiet ta’ persuni li huma idonei li jokkupaw ir-rwol ta’ Prim Imħallef iżda hu se jżomm il-kelma ta’ raġel li għandu mal-Prim Ministru u n-negozjati jridu jibqgħu għaddejjin b’mod kunfidenzjali kif dejjem sar fuq karigi kostituzzjonali li jirrikjedu l-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-membri tal-Parlament. Huwa qal li meta jitperrċu ismijiet ta’ mħallfin prattikanti għall-ogħla kariga fil-Qorti, il-mexxejja tal-pajjiż ma jkunux qed jagħmlu ġid lill-ġudikatura.
Intejbu fuq it-tajjeb u nsaħħu iktar lil kulħadd
Alex Borg wiegħed li Gvern Nazzjonalista se jtejjeb fuq it-tajjeb li sar. Huwa assigura li Gvern Nazzjonalista ġdid mhux biss iżomm it-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri u ż-żidiet fil-pensjonijiet, iżda jsaħħaħhom b’miżuri ġodda, kif diġà qed jipproponi bil-miżuri li qed iressaq mill-Oppożizzjoni. Fost dawn semma l-Parent 2 Tax Bracket, iċ-Child Trust Fund ta’ €5,000 għal kull wild, u t-tnaqqis fit-taxxa fuq part-time u overtime. Madanakollu, enfasizza li t-titjib fil-ħajja ma jsirx biss bit-taxxa, imma billi jiġu indirizzati problemi bħat-traffiku, l-għoli tal-ħajja, il-housing affordabbli, l-ambjent u n-nuqqas ta’ mediċini.
Politika barranija u newtralità
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wieġeb ukoll dwar il-pożizzjoni tal-PN dwar il-Bord għall-Paċi li qed jimbotta l-President Amerikan Donald Trump. Alex Borg qal li kieku ma kienx għal mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Mario Demarco, kieku l-poplu Malti għadu ma jafx li l-Gvern irċieva invit “informali” biex Malta tissieħeb f’dan il-bord. Alex Borg qal li sal-lum għadu mhux ċar x’se jfisser li tkun parti minn dan il-bord u lanqas il-Prim Ministru għadu ma jrid jgħidilna hux se nissieħbu. Hu żied li hemm bżonn li l-Gvern ikun aktar ċar x’inhu eżatt l-invit li rċieva u x’pożizzjoni ħa l-Prim Ministru, li qisu mhux jeskludi li nissieħbu. Il-poplu jistenna, qal Alex Borg, li jkun hemm diskussjoni Parlamentari u kull deċiżjoni trid tittieħed b’rispett lejn in-newtralità ta’ Malta u b’rispett sħiħ lejn id-dritt internazzjonali u r-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti. Hemm diversi mistoqsijiet li anke l-UE qed tevalwa qabel tieħu pożizzjoni dwar dan minkejja li diversi Stati Membri ħadu pożizzjoni kontra.
Is-surveys u l-fiduċja tal-elettorat
Mistoqsi dwar is-survey riċenti tal-MaltaToday, il-Kap tal-PN tenna li kwalunkwe stħarriġ jibqa’ stampa tal-mument, u sostna li l-ġudizzju veru jsir fl-elezzjoni ġenerali li qed jaħdem u se jibqa’ jaħdem biex tintrebaħ mill-Partit Nazzjonalista. Madanakollu, enfasizza li x-xejra konsistenti fis-surveys kollha turi li l-PN qed isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu u jnaqqas id-distakk mill-Gvern Laburista, filwaqt li l-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela qed tonqos. Il-Kap tal-PN qal li dejjem aktar nies – inklużi votanti Laburisti diżappuntati – qed jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista għax qed jaraw fih alternattiva reali.
Ħaddiema barranin u mudell ekonomiku ġdid
Dwar il-ħaddiema barranin, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-problema qatt ma kienet il-barranin, iżda mudell ekonomiku li nbena fuq tkabbir bla pjan u bla kontroll. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa ta’ Labour Market Study biex jiġi identifikat fejn hemm bżonn il-ħaddiema barranin u fejn jistgħu jinħolqu opportunitajiet aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin. “Irridu nbiddlu d-direzzjoni u nindirizzaw l-impatt serju fuq it-traffiku, is-saħħa, l-infrastruttura u l-kwalità tal-ħajja”, qal il-Kap tal-PN.
Bilanċ bejn ir-residenti u n-negozji
Mistoqsi minn Kurt Sansone fuq il-kwistjoni tal-istorbju u l-użu tal-ispazju pubbliku, speċjalment fil-Belt Valletta, Alex Borġ qal li l-għażla trid tkun favur il-bilanċ. In-negozji għandhom dritt jaħdmu u joħolqu l-ġid, iżda r-residenti għandhom dritt għal kwalità ta’ ħajja u rispett biex jgħixu fi djarhom. Il-problema ewlenija, sostna, hi n-nuqqas ta’ dixxiplina u l-abbużi li l-Gvern ħalla għaddejjin. “Il-poplu għandu għażla bejn il-wegħdi li ma jżommx il-PM Abela u d-determinazzjoni ta’ Alex Borg li nerġgħu nagħtu lura dak mistenni minn kulħadd,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Favur il-ħajja
Mistoqsi dwar il-liġi ta’ ħabs effettiv għal min iwettaq abort, Alex Borg tenna li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt. Huwa qal, iżda, li ma jemminx li mara li tagħmel abort għandha awtomatikament teħel ħabs effettiv. Qal ukoll li lanqas jaqbel li l-PM jgħid li se juża l-Kabinett biex iħassar sentenzi tal-Qorti. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima l-fehma li l-liġi għandha tagħti s-setgħa li każi simili jkunu deċiżi skont il-każ.
Fl-għeluq tal-intervista, waqt li tkellem dwar il-kandidati ġodda li qed japprova l-Partit Nazzjonalista u anke dwar il-proċess tal-ħatra ta’ Viċi Kap ġdid tal-PN li jrid isir wara bidla fl-istatut u diskussjoni fl-organi tal-Partit, Alex Borg ikkonferma li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq il-Għawdex u qal li qed issir evalwazzjoni liema għandu jkun it-tieni distrett elettorali li jikkontesta bħala Kap tal-Partit, fl-aħjar interessi tal-Partit Nazzjonalista.
01.02.2026



