Lill-Għawdxin u l-Maltin inħallulhom aktar flus fil-but u nagħtuhom il-pajjiż li jixtiequ jgħixu fih
Il-PN b’miżuri konkreti biex tonqos it-taxxa għall-ġenituri u l-ħaddiema; il-lokalitajiet tagħna jerġgħu isiru l-benniena tal-Maltin u l-Għawdxin
Aħna qegħdin fil-politika biex nagħmlu l-ħajja tan-nies aħjar. Irridu li l-lokalitajiet tagħna jkunu aħjar. Lokalitajiet ħajjin ma jagħtux biss sens ta’ benesseri lir-residenti li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, imma minnhom infushom isiru wkoll sors li jiġġenera l-ekonomija. Għandna bżonn lokalitajiet li jkunu l-benniena tal-Maltin u l-Għawdxin, li jsiru postijiet fejn nerġgħu nibdew nieħdu gost ngħixu.
Waqt laqgħa ta’ djalogu fin-Nadur Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irrefera għal dak li seħħ fl-aħħar jiem f’pajjiżna; il-kwistjoni tat-tibdil fil-Pjan Lokali ta’ Paceville, u d-deċiżjoni dwar l-airstrip f’Għawdex.
Bernard Grech qal li ma jistax ikun li l-lokalitajiet tagħna jsiru liveable localities jekk is-servizzi ma jlaħħqux mad-domanda u ma jħarsux il-ħajjiet tan-nies. Dan, qal il-Kap tal-PN, jgħodd kemm fil-każ tal-pjani lokali kif ukoll għall-airstrip t’Għawdex.
Bernard Grech tkellem dwar il-kwalità tal-ħajja li qed joffru l-lokalitajiet tagħna bħalissa u elenka seba’ punti marbutin mal-ambjent:
- Il-ħtieġa ta’ trasparenza assoluta meta l-Gvern jieħu deċiżjonijiet li jimpattaw l-ambjent u l-iżvilupp
- Il-ħtieġa ta’ diskussjoni miftuħa u mhux wara bibien magħluqa. Gvern ma jistax jimponi u jistenna li noqogħdu għal li jgħid hu, jew jisma’ biss lil tal-qalba
- Il-Partit Nazzjonalista hu favur żvilupp sostenibbli li jtejjeb l-ambjent, mhux żvilupp bl-addoċċ li jkerrah; irridu ambjent li tista’ tgħix kuntent fih
- Jeħtieġ inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies mhux li joħolqulhom dwejjaq u inkonvenjent
- Irridu komunitajiet ħajjin fejn in-nies tiltaqa’ u tgawdi l-ħajja mhux fejn kulħadd frustrat fit-traffiku
- Irridu żvilupp li jħares fit-tul, mhux binjiet bla ħsieb
- Jeħtieġ li jkollna proġetti u inizjattivi li jtejbu l-konnettività, iżda dawn ma jistgħux isuru bla ħsieb u bla pjan għal bżonnijiet oħra infrastrutturali bħall-elettriku, id-dawl u l-ilma, id-drenaġġ u t-toroq.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li nkunu kompetittivi kuljum. Irridu nkunu kompetittivi llum, qabel ma nsibu ruħna f’riskju li nitilfu l-kompetittività, għax imbagħad ikun tard wisq. U bil-miżuri tat-tnaqqis fit-taxxa li qed jipproponi, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li kulħadd igawdi minn aktar flus fil-but. Hekk ukoll insaħħu l-kompetittività tagħhna bħala pajjiż.
Bernard Grech semma għadd ta’ miżuri bil-għan li ġenituri, ħaddiema u self-employed jibqgħalhom aktar flus fil-but.
Fosthom it-tnaqqis fil-parent rate biex il-ġenituri jibdew iħallsu inqas taxxa; li tinħoloq rata preferenzjali għall-ġenituri li wliedhom ikunu jixtiequ jkomplu jistudjaw – idumu kemm idumu; u li ġenituri li ma jħallsux taxxa minħabba dħul baxx, dawk li jgħixu bil-pensjomi tar-romol, u dawk li ma jaħdmux u allura ma jibbenefikawx mit-tnaqqis fl-income tax, jingħataw allowance ġdida.
Semma wkoll il-ħtieġa li b’mod immedjat, il-Gvern jieqaf jintaxxa l-COLA. Hu fakkar li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja li se titħabbar tagħmel tajjeb għall-flus żejda li ħallasa matul din is-sena fl-infiq tagħna. Dan ifisser li l-Gvern diġà intaxxana. Ma jagħmilx sens li nerġgħu inħallsu t-taxxa fuq li diġà nfaqna.
Fakkar fil-miżuri li qed jipproponi l-PN, fosthom li jingħataw tax credits lis-self-employed u lis-settur privat; miżuri li jinkoraġġixxu aktar investiment fil-ħaddiem u fis-servizz jew prodott li joffri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Maltin u l-Għawdxin jista’ jkollhom ħajja ferm aħjar jekk nagħtuhom lura l-lokalitajiet u nħallulhom aktar flus fi bwiethom.
Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħmel proprju dan.
Matul id-djalogu tkellmu wkoll il-Perit Edward Scerri u l-Avukat Nadia Vella li ffukaw fuq kif l-Għawdxin jixirqilhom kwalità ta’ ħajja aħjar sew fl-ambjent u l-ispazji miftuħa għall-familji f’Għawdex, kif ukoll fl-aċċess għal diversi servizzi li jkunu verament jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom, fosthom dawk marbutin mal-qrati.


