Ma’ kull ġurnata li tgħaddi l-Partit Nazzjonalista qed juri li jinsab lest biex imexxi lil Malta ’l quddiem
AĦBAR

Ma’ kull ġurnata li tgħaddi l-Partit Nazzjonalista qed juri li jinsab lest biex imexxi lil Malta ’l quddiem

  • Fil-Mosta, il-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li fil-kwistjoni tal-Prim Imħallef issa Robert Abela ġie fi kliemu u qed jikkonsulta

  • Ifaħħar id-diskussjoni li qed issir fuq il-proposta tal-PN għall-Four-day Week u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ Labour Market Study fid-dawl tat-twissija tal-IMF

Kull ġurnata li tgħaddi qed nuru kif il-Partit Nazzjonalista jinsab lest biex imexxi lil Malta ’l quddiem.

Waqt l-attività Qrib Tagħkom fiċ-ċentru tal-Mosta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg tkellem dwar l-iżviluppi li kellna din il-ġimgħa fil-kwistjoni tal-ħatra tal-Prim Imħallef – ħatra fost l-aktar importanti f’pajjiżna. Hu qal li kien jistenna li l-Prim Ministru jimxi b’mod li jixraq lil Prim Ministru ta’ pajjiż demokratiku Ewropew f’din il-kwistjoni. Kien jistenna li d-diskussonijiet bejnu u l-Prim Ministru jsiru b’mod serju u kunfidenzjali u mhux bil-mod infantili li bih aġixxa Robert Abela. Hu qal li minflok, meta l-Prim Ministru kien jaf li ma kienx għad hemm qbil fuq isem wieħed, mar iperreċ ismijiet mal-media.

Hu kkundanna l-gideb li lissen il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament, fosthom il-gidba li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien semma lil Consuelo Scerri Herrera bħala l-għażla tiegħu u sfida lill-Prim Ministru jirrepeti din il-gidba barra mill-Parlament. Hu qal li jekk Robert Abela jaħseb li jista’ jgħaddi romblu minn fuqu qed jarralu u li lilu ħadd ma jmexxih minn imnieħru.

Alex Borg qal li wara l-qerq u l-gideb ta’ Robert Abela ma setax jafdah aktar u għaldaqstant talab lill-President biex tintervjeni u issa Robert Abela qed ikollu jagħmel dak li hu kien talbu mill-bidu, u qed ikompli l-proċess ta’ diskussjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-kwistjoni qatt ma kellha ssir ballun politiku kif għamilha l-Prim Ministru, u l-vot tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa kien vot kontra Prim Ministru li aġixxa ta’ bully fuq materja daqstant sensittiva u favur ġudikatura msaħħa u favur il-poplu. Hu qal li l-Malta Tagħna Lkoll hija l-ħarsien vera tal-istituzzjonijiet u mhux li jiġu mxekkla.

Alex Borg tkellem ukoll dwar materji oħra, fosthom il-kunċett tal-four–day week. Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif il-Partit Nazzjonalista b’din il-proposta rnexxielu jqajjem dibattitu fuq livell nazzjonali, minkejja l-attakki min-naħa tal-Gvern dwar din il-proposta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għall-konferenza tal-Malta Employers li saret din il-ġimgħa proprju biex tiddiskuti din il-proposta u qal li pajjiżna jeħtieġ mudell tax-xogħol magħmul għalih, mhux li jikkopja pajjiż ieħor b’realtajiet differenti minn tagħna. Hu saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-istakeholders kollha biex jinstab mudell speċifiku għal Malta għaliex il-mudell ta one-size-fits-all ma jaħdimx.

Il-Kap tal-PN irrefera wkoll għat-twissija iebsa li ta lill-Gvern Malti l-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, fl-aktar rapport riċenti. Hu qal li dan ir-rapport jikkonferma t-tħassib tal-PN dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni. Il-fatt li Malta għandha densità tal-popolazzjoni li hi aktar minn 15-il darba dik Ewropea jikkonferma realtà li dan il-pajjiż ma jistax jibqa’ jinjora. Hu qal li llum qabel għada jeħtieġ isir Labour Market Study biex inkunu nistgħu infasslu mudell eknomiku addattat għalina. Hu wiegħed li hekk kif il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern fl-ewwel mitt jum iniedi dan l-istudju dwar is-suq tax-xogħol għax hekk biss nistgħu nippjanaw il-futur ta’ pajjiżna.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista xejjen il-gidba faħxija tas-Super One u tal-Labour li qed jgħid li taħt Gvern Nazzjonalista dawk li gawdew mit-tnaqqis fit-taxxi li tħabbar fl-aħħar budget mhux se jibqgħu jgawdu mit-tnaqqis fl-income tax. Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux talli jżomm it-tajjeb li sar, imma talli jkompli jżid fuqu. Hu qal li mill-oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista diġà ressaq proposti li kieku l-Gvern Laburista implimentahom mill-ewwel kienu jgawdu ħafna aktar nies milli gawdew bil-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa li ħabbar fil-Budget 2026.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fil-50 proposta li ressaq hu fit-tweġiba għall-budget fosthom it-tax bracket Parent 2, iċ-Child Trust Fund u ħafna oħrajn.

Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista mhux se jkun gvern tal-istunts u tal-PR. Hu kien qed jirreferi għall-proposta tal-Grand Harbour Revival Plan li reġa’ qajjem il-Partit Laburista. Hu fakkar kif il-Partit Laburista qed iwiegħed dan il-pjan wara li wiegħdu fl-2013, fl-2017, fl-2022. Hu qal li bħalissa qed naraw l-istand li qed issir fid-daħla tal-Belt Valletta li tfakkar lin-nies fl-armar li kien hemm meta nedew il-proġeett tal-metrò li baqa’ duħħan.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fetaħ id-diskors tiegħu fil-Mosta billi għal darba oħra awgura lil Eddie Fenech Adami f’għeluq it-92 sena tiegħu ilbieraħ. Hu qal li jixtieq jimita lil Eddie fit-tmexxija tal-partit glorjuż li huwa wara kollox il-wirt li ħallielna Eddie Fenech Adami, Missier Malta moderna u Missier Malta Ewropea. Fuq kollox, qal Alex Borg, kien grazzi għall-viżjoni ċara li kellu Eddie Fenech Adami li pajjiżna għadu jgawdi mill-kisbiet kbar waslu bis-saħħa tiegħu.

Alex Borg qal li bħalma għamel Eddie Fenech Adami, hu determinat li jkun mexxej li ma jħalli li ħadd lura. Hu rringrazzja lil dawk kollha li kkontribwew b’donazzjoni waqt il-maratona li saret nhar il-Ġimgħa fl-okkażjoni ta’ għeluq snin Eddie Fenech Adami kif ukoll lill-ħaddiema kollha ta’ Net Media u tal-Partit Nazzjonalista u lill-voluntieri kollha li ħadmu biex tinġabar is-somma rekord ta’ ’l fuq minn mitt elf ewro.

Qabel id-diskors ta’ Alex Borg, indirizza wkoll il-folla sabiħa li nġabret fil-Mosta x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio li tkellem dwar il-mod dilettantesk u qarrieqi kif il-Gvern affronta l-kwistjoni tal-ħatra tal-Prim Imħallef. Joe Giglio qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, biex jiżgura l-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ kull imħallef li qed iservi fil-qrati tagħna, fl-ebda ħin ma semma fil-pubbliku ismijiet ta’ kandidati. Għall-kuntrarju, il-Prim Ministru, meta fid-diskussjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni kien intqal lilu b’mod ċar li ma kienx hemm qbil fuq l-isem wieħed li ried jimponi hu, ħareġ iperreċ l-isem ta’ dik il-persuna fuq il-media. Kellha tkun il-perseveranza ta’ Alex Borg li twassal biex issa se jsiru aktar diskussjonijiet li wieħed jittama li jwasslu għal kunsens fuq persuna qabel ma l-Prim Ministru jerġa’ joħroġ iperreċ aktar ismijiet. Hu faħħar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja u nnota b’sodisfazzjoni li waħda mill-akbar riformi li ddaħħlet kienet propju proposta tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-Mosta tkellem ukoll Ivan Castillo, Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni li fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista għall-four-day week. Hu qal li llum hu evidenti għal kulħadd li dan il-Gvern f’aktar minn tlettax-il sena qatt ma kellu pjan għall-futur tal-pajjiż fejn jidħol xogħol ta’ kwalità u bilanċ fil-ħajja. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti fuq mudell ġdid li ma jistrieħx fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema imma jkun ibbażat fuq studju serju dwar ir-realtajiet tal-pajjiż biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jgawdi ħajja aħjar. Huwa semma kif ir-rapport tal-IMF dil-ġimgħa li tkellem dwar il-mudell ekonomiku ta’ Malta ta raġun lill-Partit Nazzjonalista. Qal li anke l-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tat raġun lill-PN dwar il-leave tal-ġenituri. “We lead, they follow” qal Ivan Castillo, waqt li saħaq fuq il-bżonn ta’ investiment fit-teknoloġija u wkoll fuq ir-reskilling u l-upskilling tal-ħaddiem Malti biex l-iskills gap li teżisti nibdew innaqqsuha.

Indirizzat  ukoll din l-attività Annabelle Cilia, kandidata ġdida tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Hija tkellmet dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja, b’mod partikolari fuq dawk l-aktar vulnerabbli. Iż-żidiet fil-prezzijiet li kellna fl-aħħar ġimgħat fuq diversi affarijiet, fosthom il-mediċini, qed ikomplu jgħakksu lil dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-anzjani tagħna.
Hija qalet ukoll li hemm min qed iħoss piżijiet differenti u li għalkemm finanzjarjament għaddej, qed iħossu misruq mill-ħin mal-familja u l-maħbubin tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Annabelle Cilia qalet li qed tagħti s-sehem tagħa biex bi Gvern immexxi minn Alex Borg, il-Partit Nazzjonalista jagħti lil dan il-poplu tagħna pajjiż aħjar milli hu llum.

08.02.2026