Malta għandha bżonn gvern ta’ kwalità, gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista
AĦBAR

Malta għandha bżonn gvern ta’ kwalità, gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista

Il-Budget jikxef Gvern bla pjan; ħoloq dejn rekord u ma solva xejn

Il-poplu Malti u Għawdxi għandu bżonn gvern ta’ kwalità. Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun gvern iffukat fuq ir-realtajiet tan-nies, biex verament ikun jista’ jagħti lill-poplu kollu l-pajjiż ta’ kwalità li jixraqlu.

Se jkun gvern li jantiċipa x-xejriet u jsawwar il-ġejjieni biex jiżdiedu l-opportunitajiet fl-edukazzjoni, impjiegi ġodda, inizjattivi soċjali li mhux biss jindirizzaw il-faqar imma ma jdaħħlux lin-nies fil-faqar jew f’diffikultajiet soċjali.

Dan hu l-gvern li se jmexxi lil pajjiżna fis-snin li ġejjin. Fejn ħaddieħor qata’ qalbu u għejja lill-poplu, se jkun Gvern Nazzjonalista li jmexxi lil Malta lejn il-kwalità.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet wara d-diskors tiegħu fil-Parlament dwar il-Budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech spjega l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta.

Il-Partit Nazzjonalista se jiggverna b’mod differenti

F’pajjiż għatxan għal gvern li jirrappreżentah ghax hu Malti jew hi Maltija u mhux għax hu Laburist jew Nazzjonalist, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun gvern li jindirizza l-isfidi u jsolvi l-problemi u mhux joħloqhomlok.

Gvern Nazzjonalista jiggverna għan-nies u għall-pajjiż. Ikun il-gvern taċ-ċittadini li jaħdem għal dak li għandhom bżonn in-nies illum imma b’ħarsa lejn il-futur.

Gvern Nazzjonalista se jkun gvern li jagħraf l-isfidi u jaħtaf l-opportunitajiet. Se jkun gvern li jantiċipa l-futur. Se jkun gvern trasparenti li ma jaħbilek xejn.

Taħt Gvern Nazzjonalista, il-budget ikun mera tal-viżjoni li tkun qed titwettaq kull ġurnata, mhux eżerċizzju ta’ propaganda li xahar wara tkun intesiet u jkun sar bil-kontra.

Il-vizjoni tal-Partit Nazzjonalista

  • Gvern Nazzjonalista jkun gvern li jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-istat u jaħdem biss fi ħdanhom. Isostni lill-istituzzjonijiet indipendenti li jiddefendu liċ-ċittadin, partikolarment kontra l-aġir abbużiv tal-gvern tal-gurnata.
  • Gvern Nazzjonalista jkun gvern iggwidat biss mis-sewwa, dejjem fil-konfini tal-liġijiet u fl-ispirtu tagħhom.
  • Gvern Nazzjonalista jara li jkun hemm separazzjoni ċara bejn l-Istat Malti u l-gvern għax iktar ma jkun hemm sistema ta’ checks and balances li żżomm lill-gvern tal-ġurnata kontabbli, aktar ikun protett iċ-ċittadin.
  • Gvern Nazzjonalista jiddirezzjona l-ekonomija li tkun qiegħda hemm ghall-poplu u mhux bil-kontra.
  • Gvern Nazzjonalista jipproteġi u japprezza l-ġurnaliżmu ħieles u l-espressjoni ħielsa, mhux jibza’ minnhom. Gvern li minflok jiddejjaq li l-ġurnalisti jfittxu l-verità, jesiġi li joħorġuha.
  • Gvern Nazzjonalista jara li l-korp tal-pulizija ma jħares lejn wiċċ ħadd, u li japplika l-liġi ghal kulħadd bl-istess mod, inkluż lill-gvern tal-ġurnata.
  • Gvern Nazzjonalista jkun Gvern Ewropew dejjem u f’kollox, mhux biss meta jillandja fi Brussell.
  • Gvern Nazzjonalista jara li dak li hu tiegħek tieħdu bi dritt u mhux trid tixtrih bil-vot tiegħek.

Dawn huma l-prinċipji li l-Partit Nazzjonalista fuqhom irid isejjes sistema politika ġdida u friska.

Il-Budget li ppreżenta l-Gvern jikxef Gvern bla pjan u bla direzzjoni. Għandna Gvern li tilef kull kontroll, b’Ministri ma jikkomunikawx bejniethom aħseb u ara man-nies. Dan hu Budget ta’ Gvern li għeja u li ttarrax għal kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’pajjiżna. It-tama u l-kuraġġ tal-PN ġejjin mill-fiducja fil-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi, li meta jiġu mismugħa u jkollhom direzzjoni jagħmlu suċċess għalihom u għal pajjiżna. Bil-fiduċja tan-nies, il-Partit Nazzjonalista ikun gvern li jwettaq.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn biex joffri tama, biex joffri fiduċja u mhux kliem fieragħ. Il-Partit Nazzjonalista qed jibni bl-iktar konsultazzjoni wiesgħa possibbli u diġà tkellem dwar għadd ta’ proposti li jistgħu jagħmlu d-differenza.

Il-Partit Nazzjonalista hu partit ta’ azzjoni, partit ta’ inizjattiva, partit li jagħti direzzjoni. U għalhekk ta’ kuljum jiltaqa’ ma’ għaqdiet u ma’ kulħadd minn kull settur.  Proċess biex flimkien mal-poplu nfasslu l-manifest elettorali ta’ dak li għandu bżonn pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista joffri direzzjoni b’saħħitha u cara għal pajjiżna, u din id-direzzjoni se jkompli jibni fuqha. Din hi l-Malta li jrid il-poplu, u jekk il-Maltin jagħtuh il-fiduċja, il-Partit Nazzjonalista lest li jagħtihielu.

Dan il-Gvern irid imur lejn pajjiż ta’ kwalità wara li diġà ppreżenta 13-il budget. Il-Gvern għamel l-akbar ammissjoni tal-falliment tiegħu stess.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li Malta minn dejjem kienet, għadha u tibqa’ pajjiż ta’ kwalità, għax hu l-poplu Malti bil-bżulija, bit-talent u bl-intelliġenza tiegħu li jagħmilha hekk.

Indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini li fakkar kif il-budget li ppreżenta l-Gvern jistma li d-dejn ta’ pajjiżna se jibqa’ jikber sena wara sena u issa għandna dejn li qabeż l-€10 biljun.

Hu qal li skont l-estimi tal-Gvern sal-2027 l-interessi ta’ pajjiżna se jitilgħu għal €390 miljun, jew aktar minn miljun ewro kuljum f’interessi. Dan hu dejn li ser inħallu lil uliedna u ’l ulied uliedna.

Minbarra d-dejn, dan hu budget li naqas li jindirizza l-problemi tal-pajjiż: it-traffiku, il-piż kbir fuq is-saħħa, fuq id-dawl u fuq id-drenaġġ, ma jindirizzax il-problema tal-faqar u tal-popolazzjoni dejjem tiżdied u li sa sentejn oħra l-Ministru tal-Finanzi qal li se taqbeż is-600,000.

Dan budget li ma indirizzax il-problema tal-kwalità tal-ħajja dejjem tonqos jew tal-fatt li pajjiżna qiegħed kulma jmur inaqqas mill-kompetittività u ma għadux attraenti għal min irid jinvesti.

Li dan il-pajjiż għandu bżonn direzzjoni ċara qed jgħidha kulħadd.

Malta għandha bżonn gvern ta’ kwalità. Malta għandha bżonn Gvern ġdid Nazzjonalista.

04.11.2024