Mediterranean Maritime Fuel Hub: Settur ekonomiku ġdid li joħloq il-ġid għal-lum u għall-futur
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar il-ħolqien ta’ settur ekonomiku ġdid: il-Mediterranean Maritime Fuel Hub, investiment offshore f’parti minn Hurd’s Bank li joħloq niċċa ekonomika ġdida mingħajr ma jżid pressjoni zejda fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura tal-pajjiż.
Il-PN iħabbar proġett f’parti minn Hurd’s Bank; niċċa ekonomika ġdida li mistennija tiġġenera €450 miljun fl-ewwel tliet snin – proġett li se jwassal biex it-tanker tal-gass jitneħħa minn Marsaxlokk
Il-Partit Nazzjonalista jrid ekonomija li tikber mingħajr ma tifga lin-nies, lill-familji u lill-komunitajiet tagħna. Din hi l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal ekonomija li taqdi lilek, minflok ekonomija li tgħaffeġ lilek biex tikber hi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar il-ħolqien ta’ settur ekonomiku ġdid: il-Mediterranean Maritime Fuel Hub, investiment offshore f’parti minn Hurd’s Bank li joħloq niċċa ekonomika ġdida mingħajr ma jżid pressjoni zejda fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura tal-pajjiż.

Alex Borg fakkar kif meta kien fil-gvern, il-Partit Nazzjonalista kellu direzzjoni ċara u kien strumentali fil-ħolqien u l-iżvilupp ta’ setturi ekonomiċi bħas-servizzi finanzjarji, il-gaming, l-avjazzjoni, il-farmaċewtika u l-marittimu – setturi li sal-lum għadhom pilastri tal-ekonomija Maltija u li ħolqu impjiegi ta’ kwalità.
Illum, bħal dakinhar, il-Partit Nazzjonalista determinat li jkun gvern li jerġa’ jagħti lil pajjżna niċeċ ta’ eċċellenza bbażati fuq studju u riċerka, u mhux se jkun qed ifajjar wegħdi bla viżjoni. Għalhekk dan il-Mediterranean Maritime Fuel Hub se jkompli jibni fuq il-pożizzjoni strateġika ta’ Malta fil-Mediterran u se jkompli jżid il-valur ta’ pajjiżna. Permezz ta’ parti minn Hurd’s Bank, vapuri jkunu jistgħu jieħdu servizzi importanti ta’ bunkering mingħajr ma jidħlu fil-portijiet jew fil-bajjiet tagħna, b’hekk jonqos it-traffiku fil-portijiet u jiġi ffrankat ħin prezzjuż għall-industrija marittima.
Il-proposta tinkludi l-ħolqien ta’ terminal offshore għall-LNG, b’possibbiltà li fil-futur jiġu inklużi fuels oħra. Dan se jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala hub marittimu fil-Mediterran u huwa stmat li fl-ewwel tliet snin jista’ jiġġenera madwar €450 miljun fl-ekonomija Maltija.
Alex Borg ħabbar ukoll li permezz ta’ dan il-proġett, it-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk jitneħħa minn ġewwa l-bajja u joħroġ offshore fejn isir dan l-investiment.
Dan ifisser żewġ benefiċċji ewlenin: jitneħħa l-periklu tat-tanker minn daqshekk qrib in-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, peress li llum dan it-tanker ikollu jinħareġ ’il barra mill-bajja meta jkun hemm maltemp. Permezz ta’ dan il-proġett Gvern Nazzjonalista se jagħmel an-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa dak li wegħedhom u m’għamilx Gvern Laburista li kien wegħedhom li fi tliet snin kien se jneħħilhom dan it-tanker minn hemm.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’ekonomija bbażata fuq il-valur miżjud, fuq il-produttività u fuq setturi ġodda li joħolqu ġid reali għall-pajjiż. Dan il-ġid jgħaddi lura lin-nies f’aktar flus fil-but, inċentivi, proġetti ambjentali u kwalità ta’ ħajja aħjar. Alex Borg qal li l-proposta tal-MMFH tkompli tibni fuq il-proposti li ppreżenta sa issa l-Partit Nazzjonalista fosthom dawk fis-saħħa u fl-enerġija.
Din hi l-viżjoni ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista: ekonomija aktar b’saħħitha, moderna u sostenibbli li tagħti Nifs Ġdid lil Malta u Għawdex.
Il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Ivan Castillo u Oliver Cini – li ħadmu fuq din il-proposta – spjegaw aktar fid-dettall kif se jkun qed jaħdem dan il-proġett.

Ivan Castillo qal li dan il-proġett huwa msejjes fuq il-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna hekk kif Malta tinsab f’wieħed mill-aktar passaġġi ttraffikati mill-vapuri. Madankollu sfortunatament bħalissa dan it-traffiku qed jibqa’ għaddej minn ħdejna għax sa issa għadna m’aħniex attrezzati biex nagħtuhom is-servizzi li għandhom bżonn. B’hekk dan il-proġett se jkun qed jimla vojt li jeżisti bħalissa f’din l-industrija importanti. Huwa qal li llum il-ġurnata, il-bunkering – jiġifieri s-servizz li jagħti fuel lill-vapuri – qed jinbidel għal LNG. Ivan Castillo qal li pajjiżna għandu żewġ għażliet – jew li jibqa’ ma jagħmel xejn, jew li jinvesti f’ qasam li jista’ jagħti lil pajjiżna niċċa ġdida b’saħħitha. Dan il-proġett ikun mibni fuq public private partnership u jsir bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej. Filwaqt lli jissuipplixxi l-LNG, dan il-proġett ikun jista’ jaddattat ruħu għall-fuels tal-futur. Dan ifisser li dan il-proġett se jkun future-proof.
Dan il-proġett se jiġġenera 150 post tax-xogħol ġdid u Gvern Nazzjonalista għandu pjan għal upskilling u reskilling ta’ ħaddiema għal dan il-qasam.
Malta trid tagħżel – jew timxi ‘l quddiem jew tibqa’ lura.

Oliver Cini, li huwa inġinier marittimu u għandu 25 sena esperjenza fis-settur tal-gass fuq livell internazzjonali, tkellem aktar dwar l-aspett tekniku ta’ dan il-proġett. Huwa qal li dan il-proġett hu bbażat fuq tliet pilastri:
- Il-Floating Storage Unit li jkun jista’ jieħu l-LNG imma jista’ jaddatta ruħu għal fuels ġodda bla spejjeż;
- Single Point Mooring li jkun iqabbad il-provvista tal-LNG ma’ Delimara – dan ineħħi r-riskju inaċċettabbli tat-tanker mill-bajja ta’ Marsaxlokk filwaqt li Malta tkun qed tkabbar il-catchment area tagħha għas-servizzi;
- L-ambjent se jkun imħares u dan il-proġett mhux se jżid riskji għall-baħar. Gvern Nazzjonalista jara wkoll li jkun hemm sistema ta’ monitoraġġ tal-arja fiz-zona kollha, li bħalissa ma hemmx, u li tiżgura aktar sigurtà ambjentali u għar-residenti. Fl-istess waqt il-proġett se jkun bogħod mir-residenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkonkluda billi qal li dan il-proġett se jipprovdi mhux biss xogħlijiet ġodda u se jkompli jżid il-valur ta’ Malta fil-qasam marittimu, imma se jkun proġett li qed jinvesti għall-ġenerazzjonijiet tal-lum, ta’ għada u tas-snin li ġejjin.
05.05.2026