Meta ma ninvestux fl-edukazzjoni, inkunu qed nonqsu li ninvestu fil-futur ta’ pajjiżna
AĦBAR

Meta ma ninvestux fl-edukazzjoni, inkunu qed nonqsu li ninvestu fil-futur ta’ pajjiżna

L-edukazzjoni m’għandhiex tkun tema partiġjana imma jrid ikun hemm sforz kollettiv biex naraw li din tkun relevanti għall-bżonnijiet tal-lum u li tkun kapaċi li tagħti l-għodda meħtieġa lill-istudenti.

Waqt diskussjoni dwar l-edukazzjoni l-Kap tal-PN Alex Borg jgħid li l-edukaturi jridu jkunu fuq quddiem fit-tfassil tal-politika f’dan il-qasam

Meta pajjiż ma jinvestix bis-sħiħ fl-edukazzjoni, ikun qed jonqos li jinvesti fil-futur tiegħu.

Waqt diskussjoni dwar l-edukazzjoni fil-bidu tas-sena skolastika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li l-edukazzjoni hija l-pedament tas-soċjetà u din għandha tingħata prijorità mill-Gvern jekk irridu nibnu soċjetà b’saħħitha.

L-edukazzjoni m’għandhiex tkun tema partiġjana imma jrid ikun hemm sforz kollettiv biex naraw li din tkun relevanti għall-bżonnijiet tal-lum u li tkun kapaċi li tagħti l-għodda meħtieġa lill-istudenti.

B’hekk inkunu qed inrawmu ċittadini mogħnija bil-ħiliet kollha li għandhom bżonn biex imexxu l-pajjiż ‘il quddiem.

Alex Borg sostna li l-investiment li jsir fl-edukazzjoni jagħti wkoll direzzjoni ekonomika.

Meta pajjiżna investa fit-taħriġ fl-avjazzjoni, irnexxielna nattiraw investiment f’dan il-qasam. Huwa qal li pajjiżna jrid jaħdem b’dan il-mod biex nimxu fid-direzzjoni li rridu mmorru ekonomikament.

Il-Kap tal-PN irrefera għal żewġ żjarat li għamel din il-ġimgħa f’żewġ skejjel f’Ta’ Kerċem, Għawdex – waħda fl-iskola tal-Ingliż BELS, li sserraħ fuq turiżmu ta’ kwalità li jfittex servizzi f’pajjiżna, u l-oħra fl-Iskola Primarja Santa Tereża fejn l-għalliema insistew fuq l-importanza li jkunu kkonsultati meta jkunu qed jitfasslu l-policies marbuta mal-edukazzjoni.

Huwa qal li apparti l-investimenti li jsiru fl-edukaturi, irridu naraw li dawn l-istess edukaturi u l-istudenti jkollhom ambjent komdu, modern u attrezzat fejn jgħallmu u jitgħallmu.

Alex Borg tkellem dwar ir-rapport PISA u qal li dak li ħareġ għandu jiftħilna għajnejna għad-direzzjoni li għaddejjin fiha fl-edukazzjoni. Huwa saħaq dwar il-bżonn li nrawmu studenti kapaċi jużaw il-ħsieb kritiku filwaqt li qal li dan ir-rapport irid jiġi analizzat mal-edukaturi nfushom, kif ukoll mal-istudenti biex infasslu t-triq ‘il quddiem.

Mistoqsi dwar l-edukazzjoni f’Għawdex, huwa qal li din għad għandha diversi sfidi.

Semma kif il-kampus tal-Università u tal-MCAST f’Għawdex huma limitati fil-korsijiet li joffru u allura l-istudenti jridu bilfors imorru Malta għal numru ta’ korsijiet. Huwa tkellem ukoll dwar l-isfida finanzjarja ta’ studenti Għawdxin li jistudjaw Malta u dwar is-sussidji li mhumiex allinjati mar-realtajiet tal-lum.

Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza Jerome Caruana Cilia wkoll tkellem dwar dak li ħareġ mir-rapport PISA li juri li l-istudenti Maltin qed ibatu f’ħiliet bażiċi, b’mod partikolari fil-qari u fix-xjenza fejn il-Maltin kisbu l-agħar riżultat f’dawn l-aħħar 16-il sena.

Huwa qal li għalkemm m’għandniex nibbażaw kollox biss fuq dan ir-rapport, huwa importanti wkoll li nagħtu każ dak li qed jgħidilna l-PISA u kull riċerka li ssir fl-edukazzjoni biex inkunu nistgħu infasslu sistema edukattiva aktar b’saħħitha. Huwa qal li konferenza nazzjonali dwar l-edukazzjoni tista’ tagħti direzzjoni aktar ċara dwar fejn irridu mmorru.

Hekk kif għada se jerġgħu jiftħu l-iskejjel tal-Gvern, Jerome Caruana Cilia staqsa jekk il-Gvern jistax jagħti garanzija li għada se jkun hemm l-għalliema u r-riżorsi kollha li hemm bżonn.

F’din id-diskussjoni, li saret fil-Librerija tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, ipparteċipaw Christine Scerri – edukatriċi u eks Kap ta’ Skola u Anna Maria Gatt – lettur tal-Isport u l-Edukazzjoni Fiżika fl-MCAST.

Christine Scerri qalet li l-edukazzjoni ma tiġix biss mill-iskola, u dak li naraw jiġri fl-iskola huwa riflessjoni ta’ dak li qed jiġri fis-soċjetà. Hija qalet li llum qed ngħixu taħt pressjoni ta’ xogħol li qed tfisser li hemm inqas ħin għall-ġenituri mat-tfal. Dan kollu jissarraf fi sfidi akbar għall-edukaturi. Hija tkellmet dwar l-inklużjoni u dwar l-isfidi li għad hemm f’dan il-qasam, dwar il-bżonn ta’ viżjoni ferm aktar fit-tul għall-edukazzjoni u dwar l-importanza li niddiskutu verament kif se niżguraw li l-edukazzjoni tibqa’ relevanti għaż-żminijiet tal-lum.

Anna Maria Gatt qalet li l-edukazzjoni fiżika huwa suġġett obbligatorju li jġib miegħu ħafna benefiċċji. Hija spjegat kif l-istudenti stess iħossu li dan is-suġġett jagħtihom ħiliet u benefiċċji li jinkludu l-aspett soċjali tal-lezzjoni, il-mod kif jistgħu jesprimu ruħhom waqt din il-lezzjoni u kif l-ambjent tal-lezzjoni tal-PE huwa aktar miftuħ u aktar wieħed ta’ komunità. Hija appellat għal aktar kollaborazzjoni bejn skejjel u entitajiet b’faċilitajiet sportivi biex l-istudenti jkollhom aktar opportunità għal attività fiżika.

Fi tmiem din id-diskussjoni, il-Kap tal-PN awgura kemm lill-istudenti kif ukoll lill-edukaturi kollha li din tkun sena ta’ suċċessi għalihom.

L-attività tal-lum kienet moderata minn Maria Portelli.

27.09.2026