Minn Għawdex għas-suq nazzjonali: irridu aktar negozji Għawdxin li jikbru u jirnexxu
AĦBAR

Minn Għawdex għas-suq nazzjonali: irridu aktar negozji Għawdxin li jikbru u jirnexxu

“Hija xi ħaġa pożittiva immens li tara kumpanija bħal din tkompli tikber u tespandi,” qal Alex Borg, filwaqt li sostna li dan is-suċċess juri l-potenzjal, il-ħila u d-determinazzjoni tal-imprendituri u l-ħaddiema Għawdxin.

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur Gelati Granola u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ ekonomija Għawdxija aktar diversa, mibnija fuq l-investiment privat u impjiegi ta’ kwalità

Il-Partit Nazzjonalista jrid joħloq il-kundizzjonijiet biex aktar negozji Għawdxin ikunu jistgħu jinvestu, jikbru u jwasslu l-prodotti tagħhom fis-suq nazzjonali, filwaqt li joħolqu impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex stess.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt żjara fil-fabbrika ta’ Gelati Granola fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, fejn iltaqa’ mat-tmexxija u mal-ħaddiema tal-kumpanija u segwa l-proċess tal-produzzjoni.

Alex Borg qal li l-istorja ta’ Gelati Granola hi waħda sabiħa ta’ intrapriża Għawdxija li bdiet fuq skala żgħira, kibret matul is-snin u baqgħet titmexxa mill-istess familja minn ġenerazzjoni għall-oħra. Illum, il-prodotti tagħha jinsabu madwar Malta u Għawdex.

“Hija xi ħaġa pożittiva immens li tara kumpanija bħal din tkompli tikber u tespandi,” qal Alex Borg, filwaqt li sostna li dan is-suċċess juri l-potenzjal, il-ħila u d-determinazzjoni tal-imprendituri u l-ħaddiema Għawdxin.

Matul iż-żjara, Alex Borg sema’ direttament dwar l-esperjenza tal-kumpanija, l-isfidi li tiffaċċja u l-pjanijiet tagħha għall-futur. Huwa sostna li n-negozji Għawdxin ħafna drabi jġorru spejjeż u diffikultajiet addizzjonali minħabba l-insularità doppja, fosthom fit-trasport tal-merkanzija, fil-konnettività, fl-ispejjeż tal-enerġija u biex isibu l-ħaddiema li jeħtieġu.

Għawdex jeħtieġ ekonomija diversa u reżiljenti, li tinkludi settur tal-manifattura aktar b’saħħtu u investiment privat li jiġġenera opportunitajiet matul is-sena kollha.

L-għajnuna lin-negozji Għawdxin għandha tkun faċilment aċċessibbli u mfassla għar-realtajiet speċifiċi ta’ Għawdex. L-għan għandu jkun li aktar imprendituri jkunu jistgħu jwettqu l-ideat tagħhom u li ż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom opportunitajiet reali biex jibnu karriera u familja f’Għawdex, mingħajr ma jkollhom jitilqu mill-gżira minħabba nuqqas ta’ prospetti.

Din iż-żjara tifforma parti mill-ħidma tal-Partit Nazzjonalista biex jisma’ direttament lill-intrapriżi Għawdxin u jibni politika ekonomika msejsa fuq il-ħtiġijiet u l-esperjenzi konkreti tagħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputati Nazzjonalisti Frank Anthony Tabone, Norma Camilleri u Beppe Galea.

22.08.2026