Nifs Ġdid – Dan hu l-Mument Tiegħek
AĦBAR

Nifs Ġdid – Dan hu l-Mument Tiegħek

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jgħid li dan hu mument ta’ għażla nazzjonali; “flimkien nistgħu nagħżlu kapitlu ġdid”

Nifs Ġdid. Din l-elezzjoni bikrija hija mument ta’ għażla nazzjonali. Nistgħu nagħżlu kapitlu ġdid.

F’Indirizz lin-Nazzjon illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li wasal mument ta’ għażla nazzjonali fejn il-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jiddeċiedi jekk il-pajjiż jibqax għaddej bl-istess direzzjoni jew jagħżilx nifs ġdid ibbażat fuq serjetà, fiduċja u kwalità ta’ ħajja aħjar minn dik li qed ngħixu llum.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li din l-elezzjoni mhijiex dwar il-poter jew il-billboards, iżda dwar il-ħajja ta’ kuljum tal-familji, tal-ħaddiema, taż-żgħażagħ, tal-pensjonanti u tan-negozji li llum qed iħossu l-piż tat-traffiku, tal-għoli tal-ħajja, tal-burokrazija u tal-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi.

Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jibni fuq dak li sejjer tajjeb u jemmen f’ekonomija b’saħħitha, iżda fuq kollox jemmen f’ekonomija li l-frott tagħha jasal għand in-nies. Alex Borg qal li Malta għandha bżonn mudell ġdid li jkabbar il-ġid permezz tal-valur, tal-produttività, tal-ħiliet u tat-teknoloġija, mhux billi tkompli żżid il-pressjoni fuq it-toroq, l-art, l-iskejjel, l-isptarijiet u l-komunitajiet tagħna.

Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jipproteġi l-ekonomija, iżda jagħmilha taħdem aħjar għan-nies. Gvern Nazzjonalista se jkun Gvern li jagħti aktar ħin lill-familji, aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ, aktar rispett lill-anzjani u aktar serħan il-moħħ lil kull min jaħdem u jistinka.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista indirizza wkoll lil dawk kollha li fl-imgħoddi vvutaw mod differenti jew li qatgħu qalbhom mill-politika, u qalilhom li l-bieb tal-Partit Nazzjonalista huwa miftuħ għal kull Malti u Għawdxi li jrid direzzjoni ġdida għall-pajjiż. Huwa qal li din mhijiex kampanja kontra xi ħadd, iżda hija kampanja favur Malta u favur Għawdex.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jmexxi kampanja pożittiva, b’saħħitha imma b’rispett, mibnija fuq proposti serji u viżjoni ċara għall-futur ta’ pajjiżna. 

“Din hija kampanja tan-nies. Flimkien il-poplu jista’ jagħti lil pajjiżna nifs ġdid”. 

27.04.2026

– Agħfas hawn biex tara l-indirizz lin-nazzjon mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg.