Nifs Ġdid fit-trasport: Nibnu sinsla ġdida għat-trasport f’Malta
Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar id-dettalji tal-ewwel linja ta’ trasport tal-massa taħt l-art minn mill-Ajruport sa Pembroke: investiment serju, bi pjan tekniku, finanzjarju u ta’ implimentazzjoni ċar
Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar id-dettalji tal-ewwel linja ta’ trasport tal-massa taħt l-art minn mill-Ajruport sa Pembroke: investiment serju, bi pjan tekniku, finanzjarju u ta’ implimentazzjoni ċar
- F’ħames snin tkun lesta l-ewwel linja mill-Ajruport sa Pembroke bi 8 stazzjonijiet u 10 ferroviji fuq 11.5km
- Fl-ewwel sena l-Mass Rapid Transport System mistennija ġġorr 36 miljun passiġġier
- Fl-ewwel 100 jum ikun tlesta x-xogħol preparatorju kollu fuq il-proċessi regolatorji biex imbagħad jibda l-procurement, segwit mit-tħaffir
- L-investiment inizjali fuq l-ewwel fażi se jkun ta’ €1.4 biljun, it-traffiku llum qed jiswa lill-pajjiż piż ta’ €770 miljun fis-sena

Il-Partit Nazzjonalista għandu soluzzjoni serja, kredibbli u meħtieġa għall-problema li jiffaċċjaw kuljum il-familji, il-ħaddiema u n-negozji Maltin: it-traffiku. U għalhekk Gvern Nazzjonalista se jagħti sinsla ġdida għat-trasport.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm biex jagħmel għażliet kbar li mexxew lill-pajjiż ’il quddiem u llum reġa’ qiegħed hawn b’dan il-proġett ambizzjuż li se jagħti Nifs Ġdid lil pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, flimkien mal-kandidati Adrian Delia u Julian Borg, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-pjan tiegħu għal sistema nazzjonali ta’ Mass Rapid Trasnport, b’parti sostanzjali tagħha taħt l-art.
Alex Borg qal li fuq it-trasport tul dawn l-aħħar snin rajna ħafna konferenzi, billboards u wegħdiet, imma fi 13-il sena ma twettaq xejn. Pajjiżna m’għandux bżonn aktar paroli u eżerċizzji ta’ PR u marketing imma jrid pjan olisitiku li jsolvi l-problema darba għal dejjem. It-traffiku llum m’għadux sempliċi inkonvenjent, iżda sar piż – piż fuq il-ħajja tan-nies, fuq il-ħaddiema, fuq in-negozji, fuq is-saħħa, fuq l-ambjent u fuq il-kompetittività ta’ Malta.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan il-proġett waħdu ma jsolvix kollox, imma se jagħti lil pajjiżna sinsla fit-trasport u alternattiva vera lin-nies.

Il-Kap tal-PN qal li ħafna nies jużaw il-karozza mhux għax iridu, imma għax m’għandhomx għażla oħra vera. Aħna ma rridux nikkastigaw lin-nies talli jużaw il-karozza. Irridu nagħtuhom għażla aħjar: waħda serja, komda, nadifa, sigura u ta’ min jafdaha.
Illum ħafna nies tilfu l-fiduċja li jistgħu jippjanaw il-ġranet tagħhom minħabba li t-toroq dejjem iġġammjati. Ħafna negozji qed jitnaffru milli jikbru għax jaqtgħu qalbhom minħabba l-piż tat-traffiku. Piż li bħalissa qed jiswiena €770 miljun fis-sena u li sa ftit snin oħra mistenni li jiswiena €900 miljun.
Hu qal li pajjiżna għandu bżonn bidla radikali fit-trasport permezz ta’ alternattiva li taħdem, li tista’ tafda fuqha, li twasslek fil-ħin, li ma toħloqx kaos, li ma teqridx il-pajsaġġi, u li tagħmel il-ħajja aktar faċli għall-Maltin.
Alex Borg qal li proġett bħal dan ma jsirx minn bniedem wieħed imma minn tim wieħed b’saħħtu b’għan wieħed komuni – li flimkien intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Hu sostna li din hi l-għażla li għandna quddiemna: jew li nibqgħu ġġammjati fit-traffiku jew li nibnu sistema ġdida li taghtina Nifs Ġdid.
“Aħna lesti u determinati. Aħna għażilna. U llum qed nurukom kif”.
Il-pjan ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista jara li fl-ewwel ħames snin tinbena u tibda topera l-ewwel linja ta’ madwar 11.5 kilometru, bi 8 stazzjonijiet u 10 ferroviji. Is-sistema se tgħaqqad żoni strateġiċi bejn Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, Mater Dei u l-Università, Ħal Qormi, San Vinċenz de Paul u l-Ajruport. Din il-linja mistennija taqdi l-aktar żoni fgati u ta’ domanda qawwija f’Malta, b’servizz frekwenti u li tista’ sserrħa fuqu, separat mit-traffiku ta’ kuljum.
Hu stmat li fl-ewwel sena tal-operat tagħha, din l-ewwel linja se tkun qed iġġorr madwar 36 miljun passiġġier li jiżdiedu għal 55 miljun traġitt meta tkun lesta t-tieni linja.
Il-kandidat tal-PN, il-Perit Julian Borg spjega l-aspett tekniku tal-proġett u qal li l-għażla taħt l-art hija għażla teknika mibnija fuq ir-realtà ta’ Malta: pajjiż żgħir, b’densità qawwija, b’toroq dojoq, b’art limitata u b’lokalitajiet li ma jifilħux aktar infrastruttura kbira fuq il-wiċċ.
Hu qal li filwaqt li pajjiżi akbar jistgħu jwettqu proġetti tat-trasport fuq l-art, ir-realtà ta’ Malta hija differenti u tagħmilha impossibbli biex ikollna mezz tat-trasport tal-massa effiċjenti fuq l-art minħabba l-binjiet, it-toroq dojoq u l-infrastruttura inġenerali.

Huwa spjega kif il-mina se tinbena permezz ta’ Tunnel Boring Machines, biex ix-xogħol ewlieni jsir taħt l-art u l-impatt fuq il-wiċċ ikun ikkonċentrat l-aktar madwar l-istazzjonijiet, u mhux jinfirex ma’ Malta kollha. Dan ifisser ukoll li dan il-proġett mhux biss jista’ jsir, imma jista’ jsir bl-inqas impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Julian Borg qal ukoll li fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista tinħoloq National MRT Implementation Unit, jinħatar Direttur għall-Proġett, jinġabru l-istudji eżistenti, jitħejja Technical Baseline Report, jinbeda pre-market engagement u jitfassal pjan għall-procurement. Dan huwa mod serju kif proġett nazzjonali jgħaddi minn idea fuq il-karti għal implimentazzjoni.
Hu temm jgħid li qegħdin f’sitwazzjoni li ma nistgħux ma nagħmlu xejn, u dan il-proġett se jbiddel it-trasport f’Malta darba għal dejjem.
Il-Kandidat tal-PN Adrian Delia qal dan il-proġett juri kif “there is light at the end of the tunnel”.
Hu qal li filwaqt li ħaddieħor l-ewwel wiegħed proġett tat-trasport, imbagħad qal li ma jistax jiffirma għal dan il-proġett għax ma jafx l-ispiża, hu lest li jiffirma għall-proġett tal-PN għax hu studjat u tanġibbli.
Adrian Delia qal li dan il-proġett irid jitqies mhux biss fuq kemm se jiswa biex isir, imma wkoll fuq kemm se jnaqqas mill-ispiża li qed jiswa bħalissa lil pajjiżna it-traffiku.

Bħalissa t-trasport f’pajjiżna m’għandux sinsla. Din l-ewwel linja ta’ dan il-proġett se tibda tagħti sinsla lit-trasport.
Huwa qal li s-servizz huwa maħsub li jkun bla ħlas għar-residenti Maltin u Għawdxin, biex in-nies ikollhom raġuni vera biex jaqilbu għal sistema li taħdem. Dan mhux proġett ta’ prestiġju. Dan mhux eżerċizzju ta’ PR. Dan huwa proġett biex Malta taħdem aħjar.
Adrian Delia spjega li l-ewwel linja se ssir b’investiment kapitali indikattiv ta’ madwar €1.4 biljun, b’qafas finanzjarju mibni fuq taħlita ta’ fondi Ewropej, finanzjament fit-tul minn banek tal-iżvilupp internazzjonali, strumenti finanzjarji nazzjonali u struttura ta’ operat fuq medda twila. Il-qafas finanzjaru ta’ dan il-proġett mhux se jiddependi minn sors wieħed, u madwar 30% tal-investiment kapitali – jiġifieri madwar €400 miljun – hu mistenni jiġi minn fondi Ewropej barra l-Cohesion Fund.
Fuq bażi konservattiva, il-Gvern jista’ jirkupra madwar €150 miljun fis-sena fi dħul addizzjonali mit-taxxa u attività ekonomika relatata ma’ din il-produttività miżjuda. Jiġifieri meta tqis l-effett ekonomiku, il-proġett jista’ jsir kważi cost neutral fuq bażi makroekonomika fit-tul. Din mhijiex spiża fit-trasport imma hija investiment fil-kwalità tal-ħajja tan-nies billi jieħdu ħinhom lura.
Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista spjega li din is-sistema mhux se tkun waħda iżolata, iżda parti minn ekosistema usa’ ta’ mobilità li tinkludi trasport pubbliku aħjar, park-and-ride, feeder routes, mobility hubs, ferries, trasport organizzat għall-ħaddiema u għall-istudenti, u traffic management aktar intelliġenti.
Adrian Delia qal li Malta waslet f’mument fejn trid tagħżel: jew tibqa’ taċċetta t-traffiku bħala parti mill-ħajja, jew tieħu deċiżjoni kbira u ambizzjuża, u tibni sistema ġdida li tagħti l-ħin lura lin-nies.
Aħna rridu Malta fejn il-ħin tiegħek jerġa’ jkun tiegħek. Malta fejn ma titlaqx siegħa qabel għax tibża’ li teħel. Malta fejn it-tfal jaslu l-iskola mingħajr stress, il-ħaddiema jaslu fil-ħin, in-negozji jaħdmu aħjar u l-familji jgħixu b’aktar serħan.
Adrian Delia temm jgħid li dan hu l-mument li nibnu sistema li tagħti Nifs Ġdid lil Malta.
22.05.2026
Ara aktar dettalji dwar il-Mass Rapid Transport System hawn
