Nifs Ġdid fl-edukazzjoni: skejjel moderni, kurrikulu relevanti u aktar rispett lejn l-edukaturi
AĦBAR

Nifs Ġdid fl-edukazzjoni: skejjel moderni, kurrikulu relevanti u aktar rispett lejn l-edukaturi

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li l-edukazzjoni hi l-pedament ta’ kull ġenerazzjoni u fil-gvern, bħalma dejjem għamel, se jinvesti bl-aktar mod qawwi fl-edukazzjoni u fl-iżvilipp tat-tfal u ż-żgħżagħ kollha.

Gvern Nazzjonalista jrid edukazzjoni b’saħħitha b’infrastruttura aħjar, intervent bikri, taħriġ għad-dinja tal-lum u tal-futur u kundizzjonijiet aħjar għall-professjonisti edukattivi; jiftaħ skola sekondarja STEAM iffukata fuq ix-xjenzi

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li l-edukazzjoni hi l-pedament ta’ kull ġenerazzjoni u fil-gvern, bħalma dejjem għamel, se jinvesti bl-aktar mod qawwi fl-edukazzjoni u fl-iżvilipp tat-tfal u ż-żgħżagħ kollha.

L-edukazzjoni f’Malta teħtieġ Nifs Ġdid. Teħtieġ viżjoni li ma tħarisx biss lejn il-ġurnata tal-lum, iżda li taspira għal futur ta’ suċċess u li tħares lejn il-futur ta’ wliedna, tal-familji tagħna u tal-pajjiż kollu. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jinvesti bis-serjetà fl-iskejjel, fil-professjonisti edukattivi, fil-kurrikulu, fil-ħiliet diġitali, fit-taħriġ vokazzjonali u f’sistema edukattiva li verament tagħti ċans lil kull tifel u tifla jirnexxu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista indirizzata mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri u George Vital Zammit, ġew ippreżentati aktar dettalji dwar il-proposti tal-PN għall-qasam tal-edukazzjoni.

Il-kelliema qalu li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-edukazzjoni ma tfissirx biss klassi u bankijiet, imma hija l-pedament tal-futur ta’ Malta. Għalhekk il-proposti tal-PN jindirizzaw l-edukazzjoni bħala infrastruttura nazzjonali għall-innovazzjoni, għall-mobilità soċjali, għall-produttività, u għal ekonomija mibnija fuq il-ħiliet u li tħares ’il quddiem.

F’dan il-kuntest, Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq pjan nazzjonali ta’ infrastruttura edukattiva mibni fuq il-bżonnijiet reali tal-lokalitajiet u tal-komunitajiet. Dan jinkludi l-impenn li tinbena skola ġdida kull sena, filwaqt li jsir programm estensiv ta’ modernizzar u manutenzjoni tal-iskejjel eżistenti biex dawn ikunu ta’ kwalità aħjar, aktar siguri u mgħammra għall-esiġenzi tal-lum. L-iskejjel il-ġodda jkunu moderni, b’faċilitajiet sportivi tajbin, enerġija nadifa u rinnovabbli, teknoloġiji moderni u ambjenti li jitbiegħdu mill-mudell antik ta’ skejjel mibnija biss bħala blokok ta’ klassijiet.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll Skola Nazzjonali STEAM u STEAM Innovation Campus – skola u kampus li jiffukaw fuq ix-xjenzi, b’laboratorji avvanzati, maker spaces, kollaborazzjoni mal-Università, start-ups u l-industrija. Din tkun proposta ewlenija biex Malta tibni pipeline ġdid ta’ talent f’oqsma bħall-AI, ir-robotics, id-data science, il-bioengineering u l-creative design. Fl-istess ħin, maker spaces u laboratorji STEAM għandhom jinfirxu f’kull skola sekondarja biex kull student ikollu kuntatt prattiku mat-teknoloġija, id-disinn u l-problem-solving.

Parti importanti minn din il-viżjoni hija l-edukazzjoni bikrija. Gvern ġdid Nazzjonalista jsaħħaħ iċ-Childcare Centres biex ikunu tal-ogħla livell, jagħti aktar taħriġ liċ-childcarers, isaħħaħ l-appoġġ lill-Kindergarten Educators u jintroduċi screening bikri għat-tfal, inkluż referenzi għal speech therapy, sostenn psikoloġiku u servizzi oħra fejn ikun hemm bżonn. Intervent bikri jfisser li problemi jiġu identifikati qabel jikbru, u li t-tfal jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn mill-bidu nett.

Il-Partit Nazzjonalista se jwettaq ukoll reviżjoni tal-kurrikulu biex dan ikun aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum. Il-kurrikulu għandu jsaħħaħ il-ħiliet bażiċi, il-ħiliet diġitali u emerġenti, filwaqt li jagħti r-rikonoxximent xieraq lill-lingwa Maltija bħala l-lingwa nazzjonali tal-pajjiż. Fl-istess waqt, il-PN irid sistema ta’ assessjar aktar ġusta, b’inqas pressjoni minn testijiet repetittivi, aktar feedback kontinwu, kriterji ċari u riforma tal-iSchool Based Assessments (SBAs) biex l-istudenti kollha, inkluż dawk bi bżonnijiet edukattivi speċjali, ikollhom opportunità ġusta ta’ rikonoxximent.

Fuq livell vokazzjonali u post-sekondarju, Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti bis-serjetà fl-MCAST, fl-ITS, fil-Junior College u f’Giovanni Curmi Higher Secondary School. Dan jinkludi tagħmir, laboratorji, workshops u faċilitajiet moderni biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jippreparaw lill-istudenti għal setturi ġodda u għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel. Il-PN qed jipproponi wkoll li l-Alternative Learning Programme jinfirex f’kull kulleġġ u jibda jiġi offrut minn Year 9, filwaqt li dawn l-istrutturi jservu wkoll bħala ċentri reġjonali tas-snajja’ wara l-ħinijiet tal-iskola.

Il-PN jemmen ukoll li ma jistax ikun hemm edukazzjoni ta’ kwalità mingħajr edukaturi rispettati u appoġġjati. Għalhekk qed jipproponi sistema ta’ liċenzjar u warrants għall-edukaturi, inkluż għall-LSEs u KGEs, kif ukoll soluzzjoni għall-kwistjoni tas-seniority tal-LSEs. Se jingħata wkoll ħin strutturat lill-għalliema għall-ippjanar, kollaborazzjoni u analiżi tal-progress tal-istudenti, flimkien ma’ programmi ta’ wellbeing u appoġġ psikoloġiku biex jitnaqqas il-burnout.

Il-Partit Nazzjonalista se jsaħħaħ ukoll l-appoġġ dirett lill-istudenti. Minn Ottubru li ġej, Gvern immexxi minn Alex Borg iżid l-istipendji tal-istudenti kollha b’25%, filwaqt li studenti tan-nursing, tal-kura tas-saħħa u ta’ oqsma strateġiċi fejn hemm nuqqas ta’ professjonisti jingħataw stipendju li jitla’ għal madwar €1,000 fix-xahar. Il-PN qed jipproponi wkoll għajnuna addizzjonali għall-istudenti Għawdxin u krediti tal-bolla għall-istudenti waqt l-istudji tagħhom.

Dawn il-proposti juru viżjoni ċara: sistema edukattiva li tibda mill-ewwel snin tat-tfal, li ssaħħaħ l-iskejjel, li tirrispetta lill-edukaturi, li taġġorna l-kurrikulu, li tgħaqqad l-edukazzjoni mal-industrija u li tagħti lil kull student triq konkreta lejn il-futur tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li Malta ma tistax tibqa’ tkejjel is-suċċess fl-edukazzjoni biss bin-numru ta’ binjiet jew bil-wegħdiet fuq il-karta. Irridu nkejluh bil-kwalità tal-iskejjel, bil-kundizzjonijiet tal-għalliema, bil-ħiliet tat-tfal, bl-opportunitajiet tal-istudenti u bil-kapaċità li bħala pajjiż nibnu future fejn is-suċċess jitgawda minn kulħadd .

Gvern Nazzjonalista flimkien mal-professjonisti f’dan il-qasam se jkun qed jagħti Nifs Ġdid fl-edukazzjoni biex kull student u stuenta jilħqu l-ogħla milja tagħhom u jikbru f’ċittadini li jimmiraw li jibqgħu jitgħallmu tul ħajjithom u biex dawn ikollhom l-opportunità li jagħmlu dan.

20.05.2026