Nifs Ġdid għall-anzjani: 10 miżuri konkreti għal aktar dinjità, ġustizzja u serħan il-moħħ
Alex Borg iħabbar pakkett qawwi ta’ proposti għall-anzjani u l-pensjonanti: aktar flus fil-but, pensjonijiet ogħla, aktar appoġġ għall-kura, tabib tal-familja b’xejn u mediċini mwassla fid-dar
Alex Borg iħabbar pakkett qawwi ta’ proposti għall-anzjani u l-pensjonanti: aktar flus fil-but, pensjonijiet ogħla, aktar appoġġ għall-kura, tabib tal-familja b’xejn u mediċini mwassla fid-dar
Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti Nifs Ġdid lill-anzjani tagħna b’pakkett ta’ 10 miżuri konkreti li jagħtu aktar dinjità, aktar ġustizzja u aktar serħan il-moħħ lil min bena lil Malta u Għawdex.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar proposti ġodda għall-anzjani u l-pensjonanti, mibnija fuq żewġ binarji ċari: aktar flus u assistenza finanzjarja lill-anzjani, u aktar servizzi tas-saħħa u appoġġ fil-komunità u fid-djar.


Alex Borg qal li l-anzjani tagħna huma l-ġenerazzjoni li bnew il-familji tagħna, li bnew pajjiżna u li għamlu s-sagrifiċċji biex Malta u Għawdex jimxu ’l quddiem. Għalhekk, sostna li huwa dmir tal-politika li tappoġġjahom, issostnihom u tassigura li jgħixu b’dinjità, b’kwalità ta’ ħajja aħjar u bil-possibbiltà li jibqgħu jagħtu kontribut lis-soċjetà.
Il-Kap tal-PN qal li fix-xhur li ilu jmexxi lill-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ ħafna anzjani fid-djar tagħhom, fil-komunitajiet tagħhom u f’diversi djar tal-anzjani. Qal li sema’ mill-qrib id-diffikultajiet tagħhom, fehem il-piż li qed iġorru minħabba l-għoli tal-ħajja, u llum il-PN qed jippreżenta soluzzjonijiet konkreti li jindirizzaw il-bżonnijiet reali tagħhom.
Alex Borg fakkar li Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem investew bil-qawwa fis-servizzi għall-anzjani, fosthom il-home help, il-handyman service, is-servizz ta’ nurse fid-dar, Meals on Wheels, Telecare u s-servizz tal-POYC. Qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jibni fuq dan il-wirt u jsaħħu b’miżuri ġodda għall-isfidi tal-lum.
Huwa fakkar ukoll li l-Partit Nazzjonalista diġà ħabbar diversi proposti li jolqtu direttament lill-anzjani, fosthom it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl b’medja ta’ 30%, it-tnaqqis tat-taxxa, sptarijiet ġodda biex jitnaqqas il-waiting time, u mediċini tal-kanċer b’xejn meta jkunu ordnati mill-konsulent.
Flimkien mal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini u Paula Mifsud Bonnici, il-Kap tal-PN ta d-dettalji tal-miżuri l-ġodda li huma biss ftit mid-diversi proposti li se jkollu l-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali tiegħu b’risq dan il-qasam:
- Aktar flus f’idejn anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani
Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas l-ammont li jittieħed mill-Gvern mill-pensjoni ta’ min ikun residenti f’dar tal-anzjani minn massimu ta’ 80% għal mhux aktar minn 50%, biex l-anzjan iżomm mill-inqas nofs il-pensjoni tiegħu. - Aktar appoġġ għal anzjani residenti fi djar tal-anzjani privati
Il-PN se jżid il-benefiċċju tat-tnaqqis mit-taxxa għal dawk li għandhom qraba fi djar tal-anzjani privati minn €4,500 għal €7,000 fis-sena. Anzjani li minħabba nuqqas ta’ spazju jintbagħtu fi djar privati jibqgħu jgawdu mill-istess faċilitajiet u servizzi daqslikieku baqgħu f’dar tal-anzjani mmexxija mill-Gvern. - Għotja annwali akbar għall-anzjani li jibqgħu jgħixu d-dar
Il-PN se jirdoppja l-għotja għall-anzjani li jibqgħu jgħixu f’darhom. - Anzjani ta’ 80 sena jew aktar jibdew jirċievu €1,050 fis-sena minflok €525
- Dawk ta’ bejn 75 u 79 sena jibdew jirċievu €850 fis-sena minflok €425
- Tiddaħħal kategorija ġdida għal anzjani bejn 70 u 74 sena, li jibdew jirċievu €500 fis-sena.
- Inċentiv akbar għal min jinvesti f’pensjoni privata
Il-limitu annwali fuq il-kontribuzzjonijiet ikkwalifikati f’Personal Retirement Scheme jiżdied minn €3,000 għal €4,000 fis-sena. Il-kreditu fuq it-taxxa ta’ 25% japplika fuq il-limitu l-ġdid kollu, biex il-kreditu massimu jitla’ minn €750 għal €1,000 fis-sena. - Żieda permanenti fil-pensjonijiet kull sena
Il-pensjonanti jirċievu żieda ta’ mill-inqas €650 fis-sena fil-pensjoni tagħhom. Din tkun żieda garantita kull sena b’mod permanenti, mhux miżura ta’ darba u mhux miżura temporanja. - Għotja akbar lin-nisa li ħadmu mid-dar biex irabbu familja
Il-PN se jżid l-għotja għal dawk in-nisa li ħadmu mid-dar biex irabbu familja għal €2,000 fis-sena. Din hija miżura ta’ rikonoxximent lejn min waqaf jaħdem jew ma daħalx fid-dinja tax-xogħol biex jieħu ħsieb il-familja. Din se tinqasam f’żewġ pagamenti ta’ €1,000 kull waħda kull sitt xhur. - Programm ta’ taħriġ ta’ qabel l-irtirar
Sentejn qabel id-data mistennija tal-irtirar, il-ħaddiem jingħata programm strutturat biex ikun ippreparat aħjar għal din it-tranżizzjoni. Dan jinkludi ippjanar finanzjarju, saħħa u benesseri, attivitajiet kreattivi, volontarjat u litteriżmu diġitali. - Għotja lin-nanniet li jieħdu ħsieb lin-neputijiet
Biex jiġi rikonoxxut ir-rwol tan-nanniet bħala s-sinsla tal-familja Maltija, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti suppliment dirett tal-pensjoni sa €2,000 fis-sena għal kull tarbija taħt it-tliet snin li nannu jew nanna jieħdu ħsieb lin-neputi jew neputija waqt li l-ġenituri jaħdmu. Din l-iskema taħdem b’mod parallel mal-iskema tal-Childcare b’xejn, biex il-ġenituri jagħżlu liberament dak li hu l-aħjar għall-familja tagħhom. - Servizz tat-tabib tal-familja bla ħlas għall-anzjani
Gvern Nazzjonalista se jara li l-anzjani jkunu jistgħu jużaw is-servizzi tat-tabib tal-familja tal-għażla tagħhom bla ħlas. Dan jinkludi follow-up u żjarat fid-dar fejn ikun meħtieġ, biex tissaħħaħ il-prevenzjoni, titjieb il-kontinwità tal-kura u tonqos il-pressjoni fuq l-Emerġenza. - Il-mediċini jitwasslu direttament fid-djar tal-anzjani
Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq fl-ewwel sena l-wegħda li l-Gvern preżenti ħalla fuq l-ixkaffa: li l-mediċini b’xejn jitwasslu direttament fid-djar tal-anzjani. Din il-miżura tkun partikolarment importanti għal dawk b’mobilità limitata jew li m’għandhomx trasport, u tkopri l-mediċini preskritti kollha li huma b’xejn.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li dawn il-miżuri huma meħtieġa aktar minn qatt qabel għaliex l-għoli tal-ħajja sploda u l-bżonnijiet tal-anzjani, fosthom l-ikel, il-mediċini u s-servizzi essenzjali, qed jibqgħu jogħlew. Huma qalu li Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fl-anzjani biex jgħixu ħajja aktar komda, aktar indipendenti u b’aktar serħan il-moħħ.
Huma saħqu li l-anzjani jistħoqqilhom aħjar mill-kliem sabiħ. Il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija li Malta tkun pajjiż li jħares lejn l-anzjani tiegħu bħala persuni li taw, u li għadhom jagħtu, kontribut importanti lejn il-familji u lejn pajjiżna.

11.05.2026