Nifs Ġdid għall-familji: aktar ħin ma’ wliedna, aktar serħan għall-ġenituri u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja
F’attività f’Jum l-Omm fl-Imġarr, il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-maternity leave għal sitt xhur b’paga sħiħa, il-paternity leave għal erba’ ġimgħat u jintroduċi leave mħallas meta t-tfal jimirdu – is-self employed ikunu jistgħu igawdu mill-istess benefiċċji
F’attività f’Jum l-Omm fl-Imġarr, il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista jestendi l-maternity leave għal sitt xhur b’paga sħiħa, il-paternity leave għal erba’ ġimgħat u jintroduċi leave mħallas meta t-tfal jimirdu – is-self employed ikunu jistgħu igawdu mill-istess benefiċċji
Gvern ġdid Nazzjonalista ma jridx jitkellem biss fuq il-familja. Irid jagħti ħin lill-familja. Irid jagħti s-serħan il-moħħ lill-ġenituri. Irid jagħti dinjità lill-ommijiet. Irid jagħti ċ-ċans li l-missirijiet ikunu aktar preżenti. Irid jassigura bilanċ veru bejn ix-xogħol u l-ħin tal-familja.

F’diksors waqt attività b’differenza proprju f’Jum l-Omm fl-Imġarr, li ffukat fuq l-ommijiet fil-jum iddedikat lilhom, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar pakkett ieħor ta’ miżuri b’saħħithom – din id-darba ffukati fuq il-ġenituri, it-tfal u l-work-life balance.
- Gvern Nazzjonalista jestendi l-maternity leave minn 18-il ġimgħa għal sitt xhur b’paga sħiħa
Biex omm ikollha aktar ħin mat-tarbija tagħha fl-ewwel xhur tal-ħajja, f’mument kruċjali għall-iżvilupp tat-tarbija u għall-irkupru u s-serħan tal-omm. Dan mhux favur, iżda dritt li jagħti aktar dinjità u sigurtà lill-ommijiet.
- Gvern Nazzjonalista jestendi l-paternity leave minn għaxart ijiem għal erba’ ġimgħat b’paga sħiħa
Biex il-missier ikun preżenti mill-bidu nett fil-ħajja tat-tarbija, u jkun ta’ appoġġ reali għall-omm u għall-familja. It-trobbija mhix responsabbiltà tal-omm biss, iżda responsabbiltà komuni bejn iż-żewġ ġenituri.
- Gvern Nazzjonalista jintroduċi 15-il ġurnata leave separati u mħallsa mill-gvern meta t-tfal jimirdu
Biex ġenitur ma jkollux għalfejn juża l-leave tiegħu, jew jinkwieta kif se jagħmel kull darba li tifel jew tifla jimirdu. Dan il-leave jkun flessibbli kemm għal nofstanhar, ġurnata sħiħa jew perjodi konsekuttivi.
- Gvern Nazzjonalista jara li dawn id-drittijiet igawdu minnhom ukoll is-self-employed
Għax omm jew missier li jaħdmu għal rashom għandhom l-istess pressjonijiet, responsabbiltajiet u bżonnijiet bħal kull ġenitur ieħor. Il-ħin mal-ulied m’għandux ikun privileġġ ta’ kategorija waħda ta’ ħaddiema, iżda dritt għal kulħadd.
- Gvern Nazzjonalista jsaħħaħ id-dritt għal xogħol flessibbli
Fejn ix-xogħol jippermetti, il-ħaddiema għandhom jingħataw aktar kontroll fuq il-ħin tagħhom permezz ta’ flexible working u remote working. Dan jgħin lill-ġenituri, inaqqas l-istress u t-traffiku, u jagħti Nifs Ġdid lill-ħajja ta’ kuljum.
Alex Borg qal li dawn il-miżuri jkomplu jibnu fuq il-proposti li l-Partit Nazzjonalista diġà ppreżenta għall-familji, fosthom tnaqqis qawwi fit-taxxa, kontijiet tad-dawl orħos, niċeċ ekonomiċi ġodda li joffru opportunitajiet akbar lill-ħaddiema u jsaħħu l-ekonomija, u t-tneħħija ta’ taxxa tal-boll – taxxa inġusta li la titneħħa se tagħti Nifs Ġdid kemm lill-ġenituri kif ukoll lill-ulied.

Il-Kap tal-PN qal li l-ewwel ġimagħtejn tal-kampanja wrew Partit Nazzjonalista ppreparat u fuq kollox iffukat fuq in-nies u l-ħtiġjiet tagħhom. Jidher ċar li l-Partit Laburista ġie mqarraq meta ħaseb li se jaħsad lill-Partit Nazzjonalista u kien hu li fil-fatt inħasad bil-proposti b’saħħithom li issa spiċċa qed jipprova jikkopja.
“Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest u determinat li jkun gvern li jagħti lin-nies kollha ħajja aħjar f’pajjiżna, b’miżuri li huma mifruxa fuq is-setturi kollha tas-soċjetà biex ħadd ma jibqa’ lura. Fit-30 ta’ Mejju nistgħu nagħmlu din il-bidla. Irridu nagħtu Nifs Ġdid lil kulħadd”.
Huwa saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid imur lil hinn mill-minimu Ewropew fuq il-work-life balance u jagħti qabża vera il-kwalità tal-ħajja.
“Din hija l-qabża tal-kwalità tal-ħajja. Dan huwa n-Nifs Ġdid li rridu nagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin,” qal Alex Borg.



L-attività bdiet b’diskusssjoni fejn tliet ommijiet – Mikela Fenech Pace, Christabelle Grech u Diane Abela Penza – tkellmu dwar ir-realtajiet tal-ommijiet u tal-familji llum. L-isfidi jvarjaw minn teknoloġija li bħala ġenituri kultant tagħmilha diffiċli tlaħħaq magħha, għal problemi ta’ nuqqas ta’ ħin anke minħabba traffiku li qed jiklilna mill-ġurnata u miċ-ċans għall-familja. Huma tkellmu dwar l-importanza tan-nisa fil-politika biex il-pajjiż ikollu policies li jirriflettu wkoll il-bżonnijiet tan-nisa, u l-ħtieġa ta’ aktar policies li jgħinu lin-nisa jilqgħu għalli-isfidi differenti li għandhom.

Intervjeniet ukoll Sarah Bajada, li tkellmet dwar il-ħajja ta’ kuljum ta’ omm, l-isfidi li jiffaċċjaw ommijiet b’realtajiet differenti, l-esperjenza tagħha ta’ omm waqt kampanja elettorali u l-importanza li l-ommijiet jagħtu kredtu lilhom infushom anke meta l-affarijiet ma jkunux eżatt kif jixtiquhom huma. Hija qalet li r-realtajiet tal-ommijiet f’pajjiżna llum huma differenti minn dawk ta’ ommijiet ta’ ġenerazzjonijet ta’ qabel – l-istress mit-traffiku, il-pressjoni tax-xogħol, ommijiet li qed irabbu waħidhom, l-għoli tal-ħajja, it-tibdil fil-klima u ħafna sfidi oħra li huma piżijiet li qed iġorru ta’ kuljum. Hi sostniet li hu għalhekk li għandna bżonn politika li terġa’ tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru biex kull persuna tkun tista’ tgawdi ħajja sabiħa b’dinjità.

L-attività kienet ippreżentata minn Lisa Spiteri. Fi tmiem l-attività, Alex Borg ippreżenta fjuri lil Sarah u lill-kelliema li ħadu sehem, bħala ġest ta’ apprezzament lejn l-ommijiet kollha u lejn ir-rwol importanti tagħhom fil-familja u fis-soċjetà.
Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-ommijiet kollha f’Jum l-Omm.
10.05.2026
