Nifs Ġdid: is-saħħa ta’ pajjiżna terġa’ tkun prijorità
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iħabbar li minbarra t-13-il distrett, se jkun qed jikkontesta wkoll fuq it-12-il distrett elettorali. Waqt attività politika fil-Mellieħa, Alex Borg iħabbar aktar proposti għall-qasam tas-saħħa. L-istudenti fis-settur tas-saħħa bi stipendju daqs il-minimum wage, u l-istipendju tal-istudenti l-oħra kollha jiżdied b’25%. Titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-saħħa, u ħames snin tax break għal speċjalisti Maltin li jiġu lura minn barra.
• Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iħabbar li minbarra t-13-il distrett, se jkun qed jikkontesta wkoll fuq it-12-il distrett elettorali
• Waqt attività politika fil-Mellieħa, Alex Borg iħabbar aktar proposti għall-qasam tas-saħħa
• L-istudenti fis-settur tas-saħħa bi stipendju daqs il-minimum wage, u l-istipendju tal-istudenti l-oħra kollha jiżdied b’25%
• Titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-saħħa, u ħames snin tax break għal speċjalisti Maltin li jiġu lura minn barra
Is-saħħa ta’ pajjiżna trid terġa’ tkun prijorità.
Waqt diskussjoni politika fil-Mellieħa fit-tieni jum tal-kampanja elettorali bit-tema Nifs Ġdid, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li s-saħħa terġa’ ssir prijorità. Huwa rrefera għall-artiklu tat-Times of Malta fejn infermiera tkellmu dwar zoni fl-isptar li qed isiru qishom suq – fejn pazjenti li għadhom ħerġin minn operazzjonijiet qed jispiċċaw b’nies ħerġin u deħlin ħdejhom b’riskju għas-saħħa tagħhom. Alex Borg qal li dan hu l-mod kif il-Gvern qed jittratta s-saħħa tan-nies u dan huwa l-piż li spiċċaw iġorru fuqhom il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Din hi sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb, u Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jiggarantixxi saħħa aħjar minn hekk lill-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern Nazzjonalista jrid jaqta’ l-perjodu ta’ stennija għall-operazzjonijiet. Irid li jtaffi ftit mit-tbatija tal-pazjenti tal-kanċer billi jiżgura li mediċini tal-kanċer ikunu fuq il-formularju tal-Gvern u jingħataw b’xejn. Gvern Nazzjonalista mhux se jibgħat pazjenti tal-kanċer jittallbu għall-mediċini, qal Alex Borg.
“Gvern Laburista m’għandux kredibbiltà fis-saħħa. Illum Gvern Laburista għadu juża l-isptar f’Għawdex li kien investiment ta’ Gvern Nazzjonalista. Għadu juża Mater Dei – investiment ta’ Gvern Nazzjonalista. U l-‘investiment’ li għamel fis-saħħa Gvern Laburista kienu l-miljuni li ta lil Vitals u Steward”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-proposti li nieda fis-saħħa huma kuntratt li qed jagħmel mal-poplu. Gvern Nazzjonalista qed iwiegħed erba’ sptarijiet f’Malta u Għawdex, u se jibni Park Nazzjonali tas-Saħħa li jkun ċentru ta’ lifestyle u riabilitazzjoni. Imma l-Partit Nazzjonalista jrid jinvesti bis-serjetà wkoll fil-ħaddiema tas-saħħa. Liż-żgħażagħ li jagħżlu suġġetti relatati mas-saħħa se jgħollilhom l-istipendju biex ikun fuq livell ta’ paga minima. Dan apparti li l-istipendji tal-istudenti l-oħra kollha se jiżdiedu b’25% biex ikollhom aktar inċentiv ikomplu bl-istudji tagħhom.
Biex inkabbru s-servizzi fl-isptarijiet ġodda sakemm ikollna biżżejjed ħaddiema Maltin fis-saħħa, Gvern Nazzjonalista b’mod temporanju jelimina l-ispejjeż relatati ma’ Work Permits u VISAs għall-ħaddiema barranin li jkollna bżonn biex ikun hemm ħaddiema biżżejjed biex ilaħħqu mal-popolazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jinċentiva wkoll lil dawk il-ħafna speċjalisti Maltin li marru jaħdmu barra billi jagħtihom ħames snin tax break jekk jiġu lura biex jaħdmu f’pajjiżna.
Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jagħti Nifs Ġdid fis-saħħa u b’vot lill-PN fit-30 ta’ Mejju, dan huwa possibbli.
Alex Borg beda d-diskors tiegħu fil-Mellieħa billi sellem lil dawk kollha li servew lill-pajjiż u lill-Partit Nazzjonalista, u li telgħu minn dan id-distrett – fosthom lil Eddie Fenech Adami u lil Ġorġ Borg Olivier filwaqt li ħabbar li minbarra fit-13-il distrett, fl-elezzjoni ġenerali li ġejja se jkun qed jikkontesta wkoll fuq it-12-il distrett li jinkludi l-Imġarr, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Burmarrad.
Qabel għamel id-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, tkellem ukoll il-psikjatra Nigel Camilleri li saħaq li jekk irridu verament ninvestu fis-saħħa mentali, irridu ninvestu wkoll fit-titjib fil-kwalità tal-ħajja, fosthom fl-arja u fl-ambjent. Huwa faħħar il-proposta tal-PN li b’mod gradwali u bi pjan responsabbli l-pazjenti tal-Isptar Monte Karmeli joħorġu minn dan l-isptar u minflok ikollna servizzi ta’ kwalità fis-saħħa mentali fil-komunità. Huwa appella wkoll għal appoġġ lill-iskejjel biex anke hemm ikun hemm servizzi ta’ saħħa mentali.
Tkellmu wkoll l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista Paul Mazzola, Ian Vassallo, Stephen Spiteri u Ray Gatt.
Paul Mazzola spjega kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jiżgura li l-familji Maltin u Għawdxin ikollhom aċċess aktar effiċjenti għal servizzi ta’ kura fil-komunità. Illum ħafna lokalitajiet spiċċaw b’ċentri tas-saħħa u bereġ magħluqa u dawk miftuħin iridu jlaħħqu ma’ aktar milli jifilħu. Gvern Nazzjonalista jrid jara li l-pazjent jingħata kura eqreb lejn daru u tonqos il-pressjoni fuq l-isptarijiet. Huwa qal li ma jistax ikun li l-flus li suppost jiġu investiti fis-servizzi tas-saħħa jibqgħu jintremew kif sar fl-aħħar snin.
Ian Vassallo ta aktar dettalji dwar il-Park Nazzjonali tas-Saħħa li ħabbar ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista – Ċentru speċjalizzat li se jkun iffukat fuq il-prevenzjoni, l-interventi bikrin, ir-riabilitazzjoni u l-lifestlye. Dan iċ-ċentru ta’ kwalità għolja għandu l-għan li jgħin lin-nies jiżviluppaw lifestyle li tkun tħares is-saħħa fiżika u mentali tagħhom u fejn possibbli jipprevenu l-mard kif ukoll joffri interventi bikrin. Dan iċ-ċentru se jagħti wkoll terapiji u trattamenti fil-fażi ta’ riabilitazzjoni. “M’aħniex nivvintaw ir-rota. Qegħdin sempliċment nagħtu lin-nies is-servizzi tas-saħħa li jixirqilhom – dak li Gvern Laburista naqas li jagħmel fit-13-il sena li għaddew”.
Il-wegħda tal-Partit Nazzjonalista li l-kura kollha li tiġi ordnata mill-konsulenti lill-pazjenti tal-kanċer tkun b’xejn kienet it-tema tad-diskors ta’ Stephen Spiteri. Din il-wegħda se tfisser li min diġà jkun mgħobbi bil-piż tal-marda tal-kanċer se jkollu s-serħan il-moħħ li mhux se jkollu jġorr il-piż finanzjarju tal-kura u mhux se jintbagħat jittallab għall-kura xi mkien ieħor. Stephen Spiteri fakkar fit-track record tal-PN fil-gvern fis-saħħa – l-Isptar Mater Dei li llum is-saħħa tal-Maltin isserraħ fuqu, l-isptar tal-Onkoloġija – sptar li jixhed il-viżjoni li dejjem kellu l-Partit Nazzjonalista. Dan jikkuntrasta sew ma’ Gvern Laburista li fl-aħħar 13-il sena ma kellu l-ebda viżjoni għas-saħħa.
Fid-diskors tiegħu, Ray Gatt tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista beħsiebu jbiddel il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa billi jibni sptarijiet ġodda. Dan għandu jnaqqas mil-piż kbir li hemm bħalissa fuq l-Isptar Mater Dei. Ma jistax ikun li nibqgħu nieħdu postijiet bħall-canteen tal-ħaddiema tas-saħħa u l-librerija medika biex iservu bħala wards. L-investiment fi sptar ġdid fit-Tramuntana, fit-tkabbir tal-Paola Hub fi sptar ġdid, fit-titjib f’Mater Dei biex ilaħħaq mad-domanda u fi sptar ġenerali ġdid f’Għawdex għandu jgħin biex il-piż tas-servizz jinqasam u jkun aktar effiċjenti.
Wara l-Mellieħa, l-attività politika ta’ għada l-Ħamis filgħaxija se tkun f’Ħal Għargħur. Jindirizza din l-attività l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.
29.04.2026