Għawdex

Nifs Ġdid lil Għawdex tagħna, reġjun uniku

Li tgħix jew taħdem f’Għawdex jeħtieġ isir vantaġġ.

Għawdex ma jistax jibqa’ jipprova jiffunzjona fil‐periferija. L‐isfida tal‐aċċessibbiltà mhijiex biss id‐distanza fiżika, imma l‐aċċess fil‐ħin għas‐servizzi, għax‐xogħol u għall‐opportunitajiet. Irridu niżviluppaw sistema li twaħħad lil Għawdex mal‐kumplament ta’ Malta – pajjiż wieħed, li jaħdem u kompetittiv

Għawdex illum għadu jġorr piż strutturali li qed jaffettwa direttament il‐ħajja ta’ kuljum tan‐nies: id‐distanza. Din ir‐realtà tfisser li l‐familji jitilfu ħafna ħin prezzjuż huma u jivvjaġġaw, negozji jġarrbu spejjeż akbar, u ż‐żgħażagħ iħossuhom imġiegħla jitilqu biex jilħqu l‐aspirazzjonijiet tagħhom.

Din il‐proposta tibdel dan il‐mudell mill‐qiegħ. L‐aċċessibbiltà ssir il‐prinċipju ċentrali tal‐iżvilupp ta’ Għawdex: mhux biss kif tasal Malta, imma kif tasal fuq il‐lant tax‐xogħol, l‐aċċess għas‐saħħa, l‐edukazzjoni u s‐servizzi mingħajr intoppi u mingħajr telf ta’ ħin. Permezz ta’ sistema integrata li tgħaqqad it‐trasport effiċjenti, bosta soluzzjonijiet diġitali u livell ta’ awtonomija msejjes fuq l‐istatus ta’ Għawdex Reġjun, gżiritna tibda verament tiffunzjona bħala parti integrali mill‐pajjiż kollu.

Persuna li tgħix Għawdex ikollha l‐istess aċċess, bl‐istess kwalità u fl‐istess ħin, bħal min jgħix Malta. Meta dan jintlaħaq, l‐insularità doppja tieqaf tkun ostaklu u s‐suġġett ewlieni tad‐diskussjoni f’Għawdex. Għawdex ma jibqax periferija li tipprova tlaħħaq… u jsir reġjun li jattira, joħloq u jiftaħ il‐bibien beraħ tal opportunitajiet ġodda għall‐pajjiż kollu.

Irridu aċċessibbiltà – mhux biss fiżika, imma politika, diġitali, fis‐saħħa, u fl‐edukazzjoni.

Dan hu Għawdex ta’ Għada – Għawdex b’nifs ġdid.

Pjan ta' Azzjoni L‐aċċessibbiltà – iċ‐ċavetta għal Għawdex

Nagħmlu lil Għawdex reġjun verament integrat fil‐pajjiż billi neliminaw l‐effetti tal‐insularità doppja u nibdluha f’vantaġġ kompetittiv. Bħall‐kumplament ta’ Malta, Għawdex irid isib il‐mezz kif jittrasforma l‐limitazzjonijiet tiegħu f’vantaġġ għalih – b’sintonija mal‐politika nazzjonali u b’ċerta libertà fil‐governanza tiegħu.

Nemmnu fil‐potenzjal ta’ Għawdex. Ċerti li Għawdex jista’ jisboq il‐limitazzjonijiet tiegħu u jikkontribwixxi ferm u ferm aktar milli qed jagħmel għas‐suċċess ta’ pajjiżna. Qabel l‐inizjattivi materjali, dan il‐programm hu pjan konkret li jaffettwa l‐mod kif jittieħdu d‐deċiżjonijiet. Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg, mill‐ewwel ġurnata jibda jevalwa l‐prinċipju tal‐aċċessibbiltà għal Għawdex f’kull deċiżjoni li jieħu u jassigura li dan il‐prinċipju jkun osservat f’kull livell fejn jittieħdu d‐deċiżjonijiet.

Kull deċiżjoni – fit‐trasport, fis‐saħħa, fl‐edukazzjoni, fl‐ekonomija u fid‐diġitalizzazzjoni – tiġi evalwata skont impatt dirett fuq kemm tagħmel lil Għawdex aktar aċċessibbli, aktar konness u aktar kompetittiv.

Il‐proposti f’dan il‐programm elettorali, fost l‐oħrajn iwasslu biex:

  • itaffu l‐ħela tal‐ħin u l‐inċertezza int u tivvjaġġa fil‐fliegu,
  • itaffu l‐ispejjeż li għandhom in‐negozji Għawdxin b’rabta mal‐ġarr u l‐loġistika,
  • inaqqsu il‐pressjoni fuq il‐familji Għawdxin u jtejbu l‐kwalità tal‐ħajja tagħhom,
  • jixprunaw l‐opportunitajiet tax‐xogħol u l‐intrapriża f’Għawdex,
  • jgħinu liż‐żgħażagħ Għawdxin jilħqu l‐miri tagħhom f’Għawdex stess, u
  • inaqqsu l‐frammentazzjoni diġitali u amministrattiva.

 

B’din l‐istrateġija, is‐sistemi differenti li jaqdu lil Malta u lil Għawdex ma jibqgħux joperaw b’mod kompartimentalizzat, bħallikieku kulħadd għal rasu, iżda jaħdmu b’koordinazzjoni u sintonija biex int tinqeda aħjar u aktar malajr.

F’Għawdex nadottaw mudell “remote‐first” li jneħħi l‐bżonn ta’ vjaġġar lejn ix‐xogħol, in‐negozju u s‐servizzi sa fejn dan ikun possibbli u utli. L‐aċċess għas‐servizzi essenzjali bħas‐saħħa, l‐edukazzjoni u s‐servizzi pubbliċi jissaħħaħ billi jitneħħew l‐ostakli biex dawn joperaw bħala network wieħed nazzjonali, mhux żewġ sistemi separati. L‐Isptar t’Għawdex isir parti integrali min‐network ta’ sptarijiet f’Malta u niżguraw li s‐sistemi elettroniċi tiegħu jkunu integrati għalkollox ma’ dawk f’Malta biex kull servizz li jista’ jingħata online ikun aċċessibbli bl‐istess mod kif inhu f’Malta.

Bil‐mudell ta’ Tmexxija Reġjonali, id‐deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi jittieħdu eqreb lejn Għawdex biex l‐aċċess ma jibqax jiddependi għalkollox miċ‐ċentru. Dan jagħti nifs ġdid lil Għawdex.

Aktar Proposti

Għawdex Reġjun

10. Għawdex Reġjun fil‐Kostituzzjoni ta’ Malta

Fl‐ewwel sena inressqu emenda għall‐Kostituzzjoni fil‐Parlament sabiex Għawdex, darba għal dejjem, jingħata l‐istatus ta’ Reġjun effettiv fil‐Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Dan l‐istatus speċjali għandu jsaħħaħ il‐każ ta’ Għawdex biex il‐gżira tieħu l‐post li jixirqilha fl‐amministrazzjoni ta’ pajjiżna. Gżira b’ekonomija iżgħar u partikolari, bi sfidi ta’ konnettività u servizzi, imma fuq kollox bil‐potenzjal li tkun magna b’saħħitha fl‐ekonomija ta’ pajjiżna.


11. Kisbiet aqwa għal Għawdex

B’dan l‐istatus ta’ Reġjun fil‐Kostituzzjoni, Għawdex jerġa’ jkun fl‐istat li jsawwar il‐futur tiegħu, f’rispett lejn l‐istrateġiji nazzjonali. Dan, fost l‐oħrajn, jista’ jippermettilna nakkwistaw fondi Ewropej addizzjonali għal Għawdex.


12. Network internazzjonali isħaħ għal Għawdex

Nibdew billi niftħu Uffiċċju ta’ Rappreżentanza għal Għawdex fi Brussell.

kontenut

Għawdex Reġjun

Għawdex Reġjun

10. Għawdex Reġjun fil‐Kostituzzjoni ta’ Malta

Fl‐ewwel sena inressqu emenda għall‐Kostituzzjoni fil‐Parlament sabiex Għawdex, darba għal dejjem, jingħata l‐istatus ta’ Reġjun effettiv fil‐Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Dan l‐istatus speċjali għandu jsaħħaħ il‐każ ta’ Għawdex biex il‐gżira tieħu l‐post li jixirqilha fl‐amministrazzjoni ta’ pajjiżna. Gżira b’ekonomija iżgħar u partikolari, bi sfidi ta’ konnettività u servizzi, imma fuq kollox bil‐potenzjal li tkun magna b’saħħitha fl‐ekonomija ta’ pajjiżna.


11. Kisbiet aqwa għal Għawdex

B’dan l‐istatus ta’ Reġjun fil‐Kostituzzjoni, Għawdex jerġa’ jkun fl‐istat li jsawwar il‐futur tiegħu, f’rispett lejn l‐istrateġiji nazzjonali. Dan, fost l‐oħrajn, jista’ jippermettilna nakkwistaw fondi Ewropej addizzjonali għal Għawdex.


12. Network internazzjonali isħaħ għal Għawdex

Nibdew billi niftħu Uffiċċju ta’ Rappreżentanza għal Għawdex fi Brussell.

It-turiżmu f' Għawdex

It-turiżmu f' Għawdex

13. Nibnu l‐breakwater ta’ Marsalforn

Nifhmu t‐tbatija li għaddej minnha min qed jipprova jaqla ħobżu u jgħix f’dan iċ‐ċentru turistiku li jixraqlu ħafna aħjar u għalhekk irid jinbena breakwater.


14. Destination Management Organisation għal Għawdex

Inwaqqfu Destination Management Organisation (DMO) bħala entità indipendenti, b’appoġġ finanzjarju mis‐settur pubbliku, responsabbli għat‐tfassil u l‐implimentazzjoni ta’ Politika Turistika għal Għawdex. Din l‐entità tkun responsabbli wkoll għall‐istrateġija promozzjonali ta’ Għawdex li ssaħħaħ u tikkonsolida s‐setturi tal‐għadds, l‐iskejjel tal‐lingwi, il‐kultura, ir‐reliġjon, in‐natura, l‐avvenimenti u l‐gastronomija, filwaqt li tikkunsidra wkoll li tinkludi niċeċ ġodda fosthom ir‐residenzi artistiċi, l‐academic retreats, l‐avventura, l‐isport, il‐mixi, in‐nomadi diġitali, il‐wellness u l‐wellbeing.


15. L‐ekokontribuzzjoni tintefaq f’Għawdex stess

Nintrabtu li l‐ekokontribuzzjoni turistika miġbura mingħand l‐istabbilimenti tal‐akkomodazzjoni Għawdxin titwarrab biex tiġi investita kollha kemm hi f’Għawdex stess. Dak id‐dħul jingħadda lid‐DMO biex jintuża direttament għall‐promozzjoni u l‐iżvilupp tal‐prodott turistiku Għawdxi.


16. Tnaqqis fit‐tariffa tal‐liċenzji

Tnaqqis fit‐tariffi tal‐liċenzji għal‐lukandi, il‐boutique hotels, ir‐ristoranti u l‐istabbilimenti kummerċjali turistiċi f’Għawdex, biex b’dan it‐tnaqqis ikunu jistgħu jassorbu l‐ispejjeż addizzjonali li ġġib magħha l‐istaġunalità, mingħajr ma jkollhom jgħaddu dan l‐piż lill‐konsumatur.


17. Tax credits

Nintroduċu tax credits għal min jaħdem għal minimu ta’ 12‐il xahar fis‐settur tal‐ospitalità f’Għawdex, kif ukoll skemi għall‐istudenti biex jagħmlu esperjenza ta’ xogħol fis‐settur turistiku fi tmiem il‐ġimgħa jew tul ix‐xhur sajfin.


18. Edukazzjoni turistika

Minn età bikrija fl‐iskejjel Għawdxin, inniedu inizjattivi edukattivi relatati mat‐turiżmu, inkluż trails Turistiċi u ta’ Patrimonju. Fl‐iskejjel sekondarji, nippromovu aktar l‐ospitalità billi noffruh fost is‐suġġetti elettivi f’kull skola Għawdxija. Hekk iżjed studenti Għawdxin jitħajru jkomplu l‐istudji tagħhom fl‐ITS u jaqbdu karriera fis‐settur turistiku. Fil‐livell postsekondarju u terzjarju noffru inċentivi u grants lil studenti Għawdxin li jkomplu bl‐istudji tagħhom f’oqsma relatati mat‐turiżmu u l‐ospitalità.


19. Nomadi diġitali

Inħejju pjan biex nattiraw nomadi diġitali lejn Għawdex, filwaqt li niżguraw li ma jkunx hemm limitazzjonijiet fuq it‐tul taż‐żjarat li jaf ixekklu lil dan it‐tip ġdid ta’ turiżmu.


20. Ġbid tal‐films f’Għawdex

Naraw li anki Għawdex jgawdi iktar minn produzzjonijiet tal‐films. Dan billi noffru inċentivi lill‐produtturi tal‐films u nagħmlu tajjeb għall‐ispejjeż addizzjonali tal‐loġistika li jġarrbu meta jużaw lil Għawdex għall‐ġbid tal‐films tagħhom. Il‐wirt naturali u kulturali ta’ Għawdex tagħna jkompli jsaħħaħ il‐potenzjal ta’ pajjiżna għal din l‐industrija importanti.


21. Diving wrecks u artificial reefs

Niffaċilitaw il‐ħolqien ta’ attrazzjoni tal‐għadds: diving wrecks u artificial reefs ġodda madwar Għawdex u Kemmuna, bħala parti mill‐implimentazzjoni tal‐Master ’attrazzjoni minnhom innifishom, dawn ikattru wkoll il‐bijodiversità, inkluż ħut ta’ kull xorta u ħlejjaq tal‐baħar oħrajn. Noħolqu wkoll kitting‐up areas attrezzati fiż‐żoni kostali fejn hemm diving wrecks f’Għawdex.


22. Mużew taħt il‐baħar

Noħolqu Mużew taħt il‐Baħar bħala attrazzjoni turistika ġdida għas‐settur tal‐għadds.


23. Żoni marini protetti

Nintroduċu Żoni Marini Protetti f’ċerti żoni strateġiċi tal‐baħar, b’infurzar u tmexxija xierqa, b’mod speċjali fiż‐żoni fejn jitrabba u jikber il‐ħut. B’hekk insaħħu l‐bijodiversità u nżidu l‐kwantitajiet tal‐ħut fl‐ibħra Maltin.


24. Boutique cruise liners

Nibnu moll għal boutique cruise liners f’Għawdex u nvaraw strateġija biex jiżdied in‐numru ta’ boutique cruise liners li jżuru l‐gżira Għawdxija, b’mod speċjali fix‐xhur ta’ qabel u wara s‐sajf.


25. Bilanċ ġust

Nistinkaw favur il‐bilanċ bejn l‐attività turistika f’Għawdex u t‐trankwillità għal min jgħix fil‐gżira, biex l‐Għawdxin ma jispiċċawx iħossuhom żejda f’arthom stess kif ġara bnadi oħra bil‐problemi tal‐overtourism. Bis‐saħħa tal‐Osservatorju Turistiku Malti, inniedu proġett pilota f’dan ir‐rigward ħalli t‐turiżmu f’pajjiżna jkun tabilħaqq sostenibbli u ma jeqridx lil dak li t‐turisti stess ifittxu f’Għawdex.

Gżira mogħnija storja u kultura

Gżira mogħnija storja u kultura

26. Victoria 2031

Nagħtu sapport sħiħ lill‐Fondazzjoni Victoria 2031, biex il‐Belt Victoria tikseb suċċess bħala l‐Belt Kapitali Ewropea tal‐Kultura fl‐2031, u niżguraw li l‐Victoria 2031 tħalli warajha l‐aqwa legat fit‐tul possibbli għall‐gżira kollha. Din hija opportunità tad‐deheb għal Għawdex u l-pajjiż kollhu.


27. Sħab mal‐volontarjat

Noħolqu Fond ta’ Appoġġ serju u mingħajr burokrazija li jkun maħsub apposta għall‐għaqdiet volontarji Għawdxin biex jgħinhom fl‐organizzazzjoni tal‐festi, it‐tmexxija tal‐mużewijiet u ċentri kulturali privati, attivitajiet kulturali, festivals, kunċerti, produzzjonijiet teatrali, musicals, opri u konferenzi, ħalli Għawdex jibqa’ animat tul is‐sena kollha. Dan il‐Fond ikun intiż biex itaffi ammont sostanzjali mill‐ispejjeż li l‐NGOs Għawdxin iġarrbu biex jorganizzaw dawn l‐avvenimenti li minnhom tgawdi l‐ekonomija.


28. Sħubijiet pubbliċi privati għar‐restawr u l‐konservazzjoni

Noħolqu sħubija pubblika privata mal‐privat u s‐settur tal‐volontarjat ħalli, bl‐għajnuna ta’ Multiplier Fund, nagħtu attenzjoni partikolari lir‐restawr u l‐konservazzjoni tal‐wirt Għawdxi biex nassiguraw li jinħolqu l‐ekonomiji ta’ skala meħtieġa ħalli Għawdex jipprovdi opportunitajiet tax‐xogħol biżżejjed għal servizzi mill‐aqwa f’dan is‐settur.


29. Il‐Mużew ta’ Għawdex

Intemmu l‐proġett u niftħu mingħajr aktar dewmien il‐Mużew ta’ Għawdex ħalli nżidu attrazzjoni ewlenija oħra f’Għawdex mal‐postijiet ta’ interess li jżuru t‐turisti.


30. Restawr u konservazzjoni

Gvern ġdid Nazzjonalista jibda jwettaq programm estensiv ta’ restawr u konservazzjoni ta’ siti storiċi f’Għawdex li tħallew jaqgħu lura, bħall‐Batterija tal‐Qbajjar, it‐Torri ta’ Kenuna, u t‐Trunċiera taż‐Żewwieqa, fost l‐oħrajn.


31. Park Arkeoloġiku fix‐Xagħra

Niżguraw ħarsien tal‐wirt uniku dinji fiċ‐Ċirku tax‐Xagħra (il‐Gozo Stone Circle) u f’Santa Verna, u li dawn jinfetħu għall‐pubbliku. Inħarsu wkoll il‐Ġgantija, in‐Nuffara u siti oħra fil‐madwar, biex flimkien jiffurmaw il‐Park Arkeoloġiku tax‐Xagħra li nistabbilixxu fl‐ewwel sena tal‐leġiżlatura.


32. Il‐Pompa tal‐Ilma fi Mġarr ix‐Xini

Nirrestawraw il‐Pompa tal‐Ilma storika fi Mġarr ix‐Xini, u noħolqu l‐Mġarr ix‐Xini Heritage Park bħala ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali, dwar il‐konservazzjoni tal‐ilma u l‐wirt kulturali, kif ukoll għall‐attivitajiet relatati mal‐isports tal‐avventura, il‐wellness u l‐isports meditattivi. Ninvolvu lill‐Kunsilli Lokali u lill‐komunitajiet Ta’ Sannat u x‐Xewkija f’dan il‐proġett importanti għal din iż‐żona.


33. Għajnuna fl‐ispejjeż bażiċi

Nassiguraw li l‐għaqdiet volontarji li qed jikkontribwixxu b’mod tanġibbli għall‐iżvilupp ekonomiku u soċjali f’Għawdex ikunu megħjuna jkopru l‐operat bażiku. Niżguraw li l‐Gvern itaffi l‐ispejjeż statutorji bħal miżati,  tariffi għal servizzi pubbliċi, u oħrajn.


34. Qafas ta’ finanzjament multiannwali

Naraw li l‐għaqdiet volontarji attivi f’oqsma diversi ma jibqgħux jiddependu fuq talbiet kontinwi lill‐Gvern. Minflok, nipprovdulhom finanzjament ippjanat għal ħames snin bis‐saħħa ta’ qafas ta’ finanzjament multiannwali li jkun marbut ma’ miri u riżultati ċari. B’dan il‐mod inkunu qed nuru apprezzament u nibnu sħubija ma’ dawk li dejjem jikkontribwixxu għall‐kultura u l‐ekonomija tal‐gżira.

Gżira b’identità u karattru uniċi

Gżira b’identità u karattru uniċi

35. Studju fuq l‐Carrying Capacity

Invaraw studju dwar il‐carrying capacity għall‐gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna. Hekk inkunu nistgħu nwettqu l‐wegħda tagħna ta’ tkabbir bi pjan u ta’ kwalità fis‐snin li ġejjin. Irridu niżguraw li ma nitilfux l‐għerq ta’ dak li jsawwar lil Għawdex.


36. Inħarsu dak li jsawwar lil Għawdex

L‐ewwel prijorità tagħna tibqa’ li nħarsu l‐karatteristiċi tradizzjonali u naturali li jsawru lill‐gżira Għawdxija. Irridu nħarsu l‐bijodiversità, l‐art agrikola u l‐ekosistemi kostali u tal‐baħar. Irridu wkoll nassiguraw li l‐irħula Għawdxin jibqgħu kemm jista’ jkun maqtugħa minn xulxin b’art li tħaddar u tiddistingwi. Għalhekk nimpenjaw ruħna li nipproteġu bis‐sħiħ il‐wesgħat u x‐xaqlibiet kbar imħaddra bejn l‐irħula Għawdxin.


37. Green Belt fir‐Rabat

Nerġgħu nirripristinaw il‐green belt li kien jgħaqqad iċ‐ċentru tal‐Belt Victoria maż‐żona rurali lil hinn minn Triq Fortunato Mizzi. Naċċertaw li f’din il‐green belt strateġika li tagħti nifs f’dan l‐ambjent urban, kull żvilupp ma jeqridx dan il‐ġid prezzjuż. Nassiguraw li l‐ġnien fuq il‐parkeġġ qrib il‐Venda tal‐Linja jkun tabilħaqq ġnien matur li joħloq ambjent ta’ mistrieħ.


38. Pjan għal‐lokalitajiet

Isir Pjan għal‐lokalitajiet kollha f’Għawdex li jispjega b’mod ċar il‐karattru ta’ kull raħal, jidentifika u jelenka l‐binjiet ta’ interess storiku, arkitettoniku jew kulturali, wirt naturali, faċilitajiet pubbliċi, karatteristiċi strategiċi u aspetti oħra importanti. Dan il‐pjan ikun joffri direzzjoni ċara dwar id‐disinn, il‐volum, l‐għoli u l‐estetika ta’ kull żvilupp għal dik il‐lokalità Għawdxija, anki b’policies speċifiċi.


39. Proprjetajiet ta’ preġju

Inniedu skema li tinkoraġġixxi r‐restawr u l‐konverżjoni ta’ proprjetajiet kbar ta’ preġju, biex jingħataw il‐ħajja u jinbidlu f’attrazzjonijiet kulturali, boutique hotels u guest houses jew f’użi oħra kompatibbli ma’ Għawdex.


40. Eżenzjoni mit‐taxxa tal‐bejgħ

L‐eżenzjoni tat‐taxxa fuq il‐bejgħ u x‐xiri tal‐proprjetà tiġi estiża għal Għawdex biex tinkludi l‐proprjetajiet vernakulari u oħrajn li nbnew wara l‐gwerra u li jinsabu barra miż‐Żona Urbana ta’ Konservazzjoni (UCA) bil‐kundizzjoni li x‐xerrej jikkometti ruħu li jippreserva l‐integrità tal‐proprjetà. Din l‐estensjoni tibqa’ fis‐seħħ sakemm jiġi konkluż eżerċizzju, li jkun parti mill‐Pjan għal‐Lokalitajiet, ta’ tkabbir taż‐żoni ta’ UCA, biex inneħħu l‐inkonsistenzi u t‐trattamenti inugwali.


41. Eżenzjoni minn spejjeż statutorji fil‐UCA

Biex inkomplu nixprunaw ir‐riġenerazzjoni taċ‐ċentri storiċi tal‐bliet u l‐irħula tagħna, inniedu proċess biex l‐applikanti jkunu eżentati minn spejjeż bħall‐tariffi tal‐applikazzjonijiet tal‐ippjanar u tariffi statutorji oħra meta ssir applikazzjoni għal restawr u użu mill‐ġdid ta’ binjiet fil‐UCA ta’ Għawdex.


42. Postijiet tad‐divertiment

Nagħtu inċentivi biex jinfetħu postijiet regolati tad‐divertiment f’żoni stabbiliti li diġà huma kommessi għal użi rikreattivi, turistiċi u attivitajiet simili. Dan biex l‐istudenti u ż‐żgħażagħ Għawdxin ikollhom aktar postijiet fejn jiffrekwentaw fil‐gżira Għawdxija, filwaqt li jibqa’ jiġi diversifikat il‐prodott turistiku.


43. Ċentri taż‐żgħażagħ f’Għawdex

Inniedu skema ta’ €2 miljun ta’ għajnuna finanzjarja biex l‐NGOs Għawdxin ikomplu jinvestu f’Ċentri taż‐Żgħażagħ f’Għawdex u joħolqu fihom attrazzjonijiet moderni li jiġbdu lill‐adolexxenti u liż‐żgħażagħ, u joffru opportunitajiet ta’ divertiment, mistrieħ u tagħlim f’ambjenti li jilqgħuhom u jindukrawhom.


44. Imħażen għall‐Karnival

Nidentifikaw żona biex nibnu numru ta’ mħażen li jintużaw mill‐parteċipanti tal‐Karnival ta’ Għawdex, biex fihom ikunu jistgħu joħolqu l‐karrijiet artistiċi tagħhom mingħajr id‐diffikultajiet attwali.


45. Spazji għall‐arti

Nerġgħu niftħu galleriji tal‐arti, spazji artistiċi u faċilitajiet oħra li ngħalqu mill‐Gvern Laburista biex ngħinu lill‐artisti Għawdxin jesprimu ruħhom u jesibixxu xogħolhom. Fl‐istess ħin, noħolqu programmi ġodda għall‐ħolqien ta’ arti pubblika f’ċerti żoni Għawdxin.

Nagħtu prijorità lill‐ambjent u l‐ispazji pubbliċi

Nagħtu prijorità lill‐ambjent u l‐ispazji pubbliċi

46. Mira: Għawdex Net‐Zero Island sa 2040

Infasslu pjan ċar u realistiku biex sal‐2040, Għawdex isir Net‐Zero Island, jiġifieri l‐ewwel gżira fil‐Mediterran fejn kull unità ta’ emissjonijiet iġġenerata tkun imnaqqsa jew ikkumpensata b’inizjattivi konkreti u sostenibbli, bħal skemi għall‐installazzjonijiet ta’ panelli solari, inċentivi għall‐karozzi, taxis u vannijiet elettriċi, skemi biex tiżdied l‐effiċjenza enerġetika fil‐binjiet, proġetti ta’ restawr ekoloġiku fuq l‐art u fil‐baħar, afforestazzjoni u proġetti ta’ konservazzjoni tal‐ilma u l‐ħamrija, fost l‐oħrajn.


47. Pjazez pedonali

Isir Master Plan biex il‐pjazza ewlenija ta’ kull raħal f’Għawdex tkun f’ċertu ħinijiet pedonali biss, ħalli n‐nies jingħataw spazji ġodda fil‐qalba tal‐irħula tagħna. Niżguraw li dan il‐Master Plan isib bilanċ xieraq bejn l‐attività kummerċjali u l‐ispazji għan‐nies.


48. Fond Għawdxi ta’ €9 miljun għat‐Teatri u ċ‐Ċentri Kulturali

Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq Fond Għawdxi ta’ €9 miljun biex jappoġġa lit‐teatri, iċ‐ċentri kulturali, is‐swali komunitarji u l‐ispazji tal‐arti f’Għawdex biex dawn ikunu jistgħu jirrestawraw, jespandu, itejbu jew jibnu mill‐ġdid il‐faċilitajiet tagħhom. Dan il‐fond ikun maħsub biex Għawdex jimxi b’mod ċar minn turiżmu mibni fuq il‐kwantità għal turiżmu msejjes fuq il‐kwalità, l‐esperjenza u l‐identità kulturali. Il‐kultura Għawdxija trid issir waħda mill‐pilastri ewlenin ta’ mudell turistiku ġdid: wieħed li jattira lil viżitaturi ta’ valur ogħla tul is‐sena kollha, u mhux biss fl‐eqqel tas‐sajf. Barra minn hekk, l‐applikanti ma jitħallewx waħedhom fil‐proċess. Il‐Gvern jipprovdi servizz ta’ konsulenza professjonali b’xejn biex jgħin lil kull teatru u ċentru kulturali eliġibbli jħejji applikazzjonijiet b’saħħithom, pjanijiet ta’ finanzjament u dokumentazzjoni teknika biex ikunu jistgħu jattiraw ukoll fondi oħrajn tal‐Unjoni Ewropea.


49. Ħondoq ir‐Rummien

Nassiguraw li tiġi akkwistata ż‐żona privata biswit il‐bajja ta’ Ħondoq ir‐Rummien biex din tiġi riġenerata u tingħata lura lin‐nies. Fiha jsir proġett ta’ restawr ekoloġiku u tinbidel f’park nazzjonali għall‐familja. Naraw ukoll li jsir parkeġġ adegwat, tinħoloq żona għall‐caravans u l‐camping attrezzata, u jinbnew moll u rampa aktar adattati għaż‐żminijiet tal‐lum.


50. Il‐Ġnien Ulisse

Nirriġeneraw il‐Ġnien Ulisse fix‐Xewkija faċċata tal‐Gozo Stadium, biex jinbidel f’żona rikreattiva għall‐familja kollha u għall‐eluf li jaħdmu fiż‐żona industrijali. Noħolqu wkoll parkeġġ fiż‐żona għall‐benefiċċju ta’ dawk li jżuru dan il‐park u l‐Gozo Stadium.


51. Riġenerazzjoni fil‐promenade tal‐Qbajjar

Isir proġett ta’ tisbiħ fil‐promenade tal‐Qbajjar bl‐involviment tal‐Kunsill Lokali taż‐Żebbuġ, biex naraw li din iż‐żona tissebbaħ u tiġi attrezzata b’water park pubbliku għat‐tfal.


52. Glamping site f’Għawdex

Noħolqu glamping site mill‐aktar moderna u avvanzata li titmexxa b’mod professjonali u mgħammra bil‐faċilitajiet kollha li wieħed ikun jistenna.

Inkomplu nsostnu lill‐bdiewa, lir‐raħħala u lis‐sajjieda

Inkomplu nsostnu lill‐bdiewa, lir‐raħħala u lis‐sajjieda

53. In‐New Water

Nestendu l‐infrastruttura tan‐New Water lill‐bdiewa fi rħula Għawdxin li għad m’għandhomx aċċess għal dan is‐servizz. Naħdmu biex ikun hemm provvista tul is‐sena kollha. Nistħarrġu modi kif dan l‐ilma jista’ jinħażen meta ma jintużax minnufih, ħalli jintuża fix‐xhur nexfin.


54. Tiswija ta’ toroq agrikoli

Niżviluppaw u nibdew nimplimentaw strateġija ta’ aċċessibbiltà aħjar għall‐art agrikola. Inwettqu proġetti ta’ titjib tal‐passaġġi u bini ta’ ħitan tas‐sejjieħ f’toroq rurali f’Għawdex, għall‐benefiċċju tal‐bdiewa u r‐raħħala Għawdxin.


55. Trasport għall‐bdiewa

Insaħħu l‐kwalità tas‐servizz tat‐trasport li jużaw il‐bdiewa Għawdxin biex iġorru l‐prodotti tagħhom minn Għawdex lejn il‐pitkalija f’Malta.


56. Ġarr tal‐bhejjem

Niżguraw li meta jkun qed jintuża s‐servizz tal‐Gozo Channel għall‐ġarr tal‐bhejjem minn Għawdex lejn Malta, ir‐raħħala Għawdxin jingħataw prijorità biex jitilgħu fuq il‐vapur ħalli ma jkollhomx jistennew għal ħinijiet twal bil‐bhejjem tagħhom.


57. Irmiġġi għas‐sajjieda full‐time

Niggarantixxu li s‐sajjieda full‐time f’Għawdex jingħataw prijorità biex jiksbu rmiġġ fil‐Port tal‐Imġarr għall‐bastimenti tagħhom irreġistrati bħala MFA, u l‐użu tal‐irmiġġ ikun mingħajr ħlas. Din il‐miżura tappoġġa lis‐sajjieda Għawdxin, tnaqqas l‐ispejjeż tagħhom u tħeġġeġ aktar żgħażagħ biex jidħlu fis‐settur tas‐sajd.

Edukazzjoni biex ħadd ma jaqa’ lura

Edukazzjoni biex ħadd ma jaqa’ lura

58. Grant akbar lill‐istudenti Għawdxin

Ngħollu l‐grant tal‐istudenti Għawdxin li jistudjaw Malta għal €400 fix‐xahar. Dan biex inkopru ż‐żieda fil‐prezzijiet tal‐kirjiet f’Malta u ż‐żieda fl‐għoli tal‐ħajja li qed taffettwa wkoll lil dawn l‐istudenti li jkunu jgħixu waħedhom f’Malta.


59. Il‐kampus tal‐Università ta’ Malta f’Għawdex

B’ħidma mal‐Università ta’ Malta nwettqu bidliet mill‐qiegħ fil‐kampus f’Għawdex biex iżid l‐ammont ta’ korsijiet offruti, b’mod partikolari fl‐oqsma STEAM, u jsir tassew mutur għall‐iżvilupp tal‐ekonomija Għawdxija. Naraw li l‐kampus tal‐Università jibni alleanzi mal‐privat u jaħdem biex jinġiebu konferenzi, avvenimenti, proġetti tar‐riċerka, living labs, irtiri ta’ kitbiet akkademiċi, u attivitajiet oħrajn f’Għawdex. Barra minn hekk, inkomplu ninvestu f’aktar faċilitajiet biex l‐istudenti Għawdxin ikunu jistgħu jsegwu l‐lectures tagħhom minn dan il‐kampus meta jkun il‐maltemp.


60. Kampus f’Għawdex ħaj

Biex verament ikollna kampus tal‐Università ħaj u vibranti f’Għawdex, irridu li numru ta’ korsijiet li bħalissa jiġu offruti biss f’Malta, jiġu offruti minn Għawdex. Għalhekk inniedu studju pilota permezz ta’ korsijiet fix‐xjenza rurali u l‐ambjent li jiġu offruti mill‐kampus ta’ Għawdex, biex l‐istudenti jkollhom l‐opportunità jipparteċipaw b’mod prattiku fir‐riċerka u attività agrikola f’faċilitajiet pubbliċi fil‐madwar. Nipprovdu wkoll aċċess miftuħ għall‐faċilitajiet tal‐Librerija tal‐kampus tal‐Imsida minn Għawdex.


61. Kampus ġdid tal‐MCAST f’Għawdex

Ninvestu f’kampus ġdid u modern tal‐MCAST f’Għawdex u niżguraw li dan ikun joffri aktar korsijiet speċjalizzati.


62. Insaħħu l‐kapaċitajiet fl‐artiġġjanat u s‐snajja’

Nsaħħu l‐kapaċitajiet fl‐artiġġjanit u s‐snajja’ f’Għawdex billi nerġgħu nintroduċu t‐tagħlim ta’ ħiliet u kompetenzi li ġew skartati fl‐aħħar snin. Hekk, it‐tfal u l‐adulti jkollhom l‐opportunità li jissoktaw jitgħallmu tipi differenti ta’ snajja’ u jiżviluppaw ħiliet prattiċi anki permezz ta’ korsijiet part‐time.


63. Ħajja ġdida lill‐kampus tal‐ITS

Nagħtu nifs ġdid lill‐kampus tal‐ITS f’Għawdex u naraw li jerġa’ jsir xprun ewlieni biex titjieb il‐kwalità tal‐industrija turistika f’Għawdex. Fih noffru korsijiet speċifiċi u distinti minn dawk ta’ Malta fl‐oqsma tal‐agrituriżmu, it‐turiżmu rurali u l‐ekoturiżmu, u dan isir b’affiljazzjoni u b’akkreditazzjoni ma’ istituzzjoni vokazzjonali internazzjonali tat‐turiżmu rinomata. B’hekk, l‐istudenti Maltin u barranin, flimkien mal‐istudenti Għawdxin, ikunu jistgħu jkomplu l‐istudji tagħhom f’dawn l‐oqsma f’Għawdex.


64. Riġenerazzjoni tal‐iskejjel primarji kollha

Inniedu proġett ta’ riġenerazzjoni tal‐iskejjel primarji kollha f’Għawdex u fuq kollox naraw li dawn ikunu aċċessibbli għalkollox għall‐persuni bi bżonnijiet speċjali, jiġu attrezzati b’faċilitajiet sportivi adegwati u spazji ħodor ta’ kwalità, u b’sistemi tal‐arja kkundizzjonata u multi‐sensory room.


65. Tisħiħ tal‐iskola Ta’ Sannat

Inwettqu proġett ta’ estensjoni tal‐iskola primarja f’Ta’ Sannat, li jkun jinkludi investiment f’pixxina idroterapewtika u sensory‐friendly, biex tkun tista’ tintuża minn studenti bi bżonnijiet speċjali li jattendu l‐ispecial unit, kif ukoll minn għaqdiet u individwi oħra fuq bażi privata barra l‐ħin tal‐iskola.


66. Programmi ta’ tagħlim alternattiv f’Għawdex

Naraw li l‐programmi ta’ tagħlim alternattiv jiġu offruti wkoll fl‐iskejjel sekondarji Għawdxin għall‐istudenti li jippreferu jissoktaw tagħlim iffokat fuq il‐ħiliet, inkluż għall‐persuni bi bżonnijiet speċjali, u dan ikun kumplimentat b’inizjattivi ta’ apprendistat prattiku.


67. Learning Support Educators u Għalliema Għawdxin

Naraw li l‐learning support educators u l‐għalliema Għawdxin jingħataw prijorità fl‐iskejjel Għawdxin, imbagħad, ladarba din id‐domanda tintlaħaq, għandhom jingħataw l‐opportunità li jaħdmu f’Malta sakemm tinħoloq opportunità f’Għawdex.


68. Ċentru tar‐riċerka u l‐istudju

Niftħu Ċentru tar‐Riċerka u l‐Istudju ġdid f’Għawdex li jinkorpora l‐librerija pubblika ċentrali, l‐arkivji nazzjonali ta’ Għawdex u spazji moderni silenzjużi għall‐istudju, kif ukoll żona għar‐riċerka u l‐ħidma fi grupp. Iċ‐ċentru jkun attrezzat bl‐aħħar teknoloġija u riżorsi biex jintuża minn studenti u professjonisti Għawdxin. Dan isir f’qafas ta’ proġett pilota li jinfirex mal‐pajjiż kollu.

Qabża ta’ kwalità fl‐infrastruttura tat‐toroq

Qabża ta’ kwalità fl‐infrastruttura tat‐toroq

69. Spinta lit‐toroq

Nintrabtu li nagħtu spinta lill‐istat tat‐toroq f’Għawdex billi nwettqu 150 kilometru ta’ toroq residenzjali u arterjali f’ħames snin, u mhux fl‐aħħar minuta. Matul dan il‐proġett, naraw li jinbidlu wkoll is‐servizzi kollha għaddejjin mit‐toroq. L‐identifikazzjoni tat‐toroq residenzjali li se jiġu indirizzati jagħmluha l‐Kunsilli Lokali Għawdxin. Naraw li fejn isiru toroq arterjali ġodda f’Għawdex, sa fejn ikun possibbli, issir karreġġjata għar‐roti.


70. Speed camera fi Triq l‐Imġarr

Ninstallaw speed camera fi Triq l‐Imġarr f’Għajnsielem biex nevitaw aktar inċidenti f’din iż‐żona.


71. Parkeġġi ġodda fir‐Rabat, Marsalforn u x‐Xlendi

Noħolqu parkeġġi ġodda u norganizzaw il‐parkeġġi eżistenti fil‐qalba tal‐Belt Victoria, f’Marsalforn u fix‐Xlendi. Fl‐ewwel leġiżlatura nibdew u llestu x‐xogħol fuq it‐tkabbir tal‐parkeġġ ta’ ħdejn Villa Rundle. Malli dan il‐proġett jitlesta, nibdew minnufih proġett fil‐Pjazza tal‐Assedju maġenb Triq Giorgio Borg Olivier. B’dawn il‐proġetti mhux biss se noħolqu parkeġġi ġodda, iżda se nikreaw spazji ħodor rikreattivi għall‐familji.

L‐aċċessibbiltà hi ċavetta għas‐suċċess

L‐aċċessibbiltà hi ċavetta għas‐suċċess

72. Retrofitting fuq il‐vapuri eżistenti

Ladarba jibdew l‐operat tagħhom iż‐żewġ vapuri l‐ġodda, jibda programm ta’ retrofitting tat‐tliet vapuri eżistenti biex jibdew jaħdmu b’magni ġodda, possibbilment ibridi, ħalli jsiru aktar effiċjenti. Għal dan il‐għan nistgħu niksbu fondi Ewropej.


73. Priority boarding

Indaħħlu sistema ta’ priority boarding permezz ta’ sistema online għall‐Għawdxin li jkunu jaqsmu l‐fliegu b’mod regolari bis‐servizzi tal‐Gozo Channel jew tal‐Fast Ferry, għal raġunijiet ta’ xogħol, edukazzjoni u kura medika, inkluż għall‐persuni bi bżonnijiet speċjali. Dan inħaddmuh bi kriterji ċari. Din is‐sistema tiġi estiża wkoll għall‐Maltin li jkollhom xogħlijiet regolari jew negozju f’Għawdex, kif ukoll għall‐operaturi tal‐garaxxijiet li jaqsmu bil‐passiġġieri.


74. Aġġornamenti fl‐Imġarr u terminal ġdid għall‐fast ferry

Inwettqu aġġornamenti u tisbiħ estensivi fit‐terminal tal‐Port tal‐Imġarr. Nibnu terminal modern tal‐fast ferry f’Għawdex. Naraw ukoll li t‐terminal tal‐fast ferry tal‐Belt ikun jiflaħ għall‐maltemp u jkun aktar faċli biex wieħed jasal għalih. Naraw li dawn it‐terminals ikunu aċċessibbli wkoll għall‐persuni bi bżonnijiet speċjali.

Sistema tat‐trasport pubbliku li taqdik

Sistema tat‐trasport pubbliku li taqdik

75. Ċentru multimodali

Naraw li ċ‐Ċentru Multimodali li sar f’Ta’ Xħajma jkun imqabbad b’shuttle service b’xejn kull nofs siegħa mal‐Port tal‐Imġarr, u jkun imqabbad ukoll b’servizz ġdid ta’ shuttle service mal‐Belt Victoria, biex b’hekk isir użu aħjar mill‐faċilità tal‐park & ride. Inqassru t‐traġitt li jgħaqqad liċ‐Ċentru mal‐Port tal‐Imġarr.


76. Hub għall‐karozzi tal‐kiri

Parti minn dan iċ‐Ċentru Multimodali jkun ukoll hub għall‐karozzi tal‐kiri, biex jorganizza aħjar dan is‐settur u jonqos l‐impatt tal‐karozzi tal‐kiri fuq il‐Port tal‐Imġarr u fuq il‐parkeġġ tal‐madwar. B’hekk, persuni li jaqsmu lejn Għawdex ikunu jistgħu jużaw ix‐shuttle service lejn dan il‐hub, minn fejn ikunu jistgħu jaqbdu l‐vetturi tal‐kiri tagħhom.


77. Rotot tal‐linja f’Malta

Naraw li r‐rotta tal‐linja f’Malta, użata minn ħafna Għawdxin, li titlaq minn Xatt Lascaris lejn l‐Università ta’ Malta u l‐Isptar Mater Dei, mhux biss tkun sinkronizzata mal‐ħinijiet tal‐fast ferry, iżda tibqa’ topera wkoll fi tmiem il‐ġimgħa u fil‐festi pubbliċi, għall‐benefiċċju tal‐ħaddiema Għawdxin li jaħdmu fl‐Isptar Mater Dei, il‐pazjenti u l‐familjari tagħhom. Barra minn hekk, naraw li r‐rotta tal‐linja 150 li tgħaqqad Xatt Lascaris mal‐MCAST ta’ Raħal Ġdid taħdem tul il‐ġurnata kollha, u l‐ħinijiet tagħha jkunu wkoll sinkronizzati mal‐ħinijiet tal‐fast ferry. Ir‐rotot tal‐linja li jitilqu miċ‐Ċirkewwa, l‐X1A u l‐X300, u li jintużaw ukoll minn ħafna Għawdxin, ikunu sinkronizzati mal‐wasliet tal‐vapuri tal‐Gozo Channel.

Inċentivi lill‐istartups f’Għawdex

Inċentivi lill‐istartups f’Għawdex

78. Nagħtu l‐ħajja lill‐Gozo Innovation Hub

Il‐Gozo Innovation Hub jingħata l‐ħajja billi jiġi trasformat f’Digital, Tech and Innovation Hub, b’uffiċċji modulari u spazji ta’ coworking, networking u hotdesking. Partikolarment dan ikun parti minn strateġija nazzjonali biex Malta tespandi s‐settur tan‐New Space. Barra minn hekk, b’kollaborazzjoni sħiħa mal‐Gozo Business Chamber, DIHub MT u l‐Awtorità Maltija għall‐Innovazzjoni Diġitali, naraw li dan ikun jinkorpora wkoll spazju apposta għall‐istartups f’setturi ta’ valur għoli miżjud.

Settur kummerċjali b’saħħtu u diversifikat

Settur kummerċjali b’saħħtu u diversifikat

79. Ċentru tal‐loġistika

Noħolqu ċentru tal‐loġistika f’Għawdex li jservi bħala punt ta’ ġbir u ħatt tal‐merkanzija ta’ negozji u SMEs Għawdxin, biex it‐trasferiment bejn Għawdex u Malta jsir aktar effiċjenti. Dan ikun fih spazju għall‐warehousing u sistemi organizzati tad‐distribuzzjoni.


80. Qasam Industrijali

Irridu noħolqu aktar units industrijali fiż‐Żona Industrijali tax‐Xewkija minn fejn joperaw l‐SMEs Għawdxin.


81. Skemi għall‐SMEs

Noħolqu skemi għall‐SMEs Għawdxin intiżi biex jgħinu lill‐operaturi fit‐taħriġ diġitali u fil‐ħolqien ta’ għodod diġitali bħal Apps b’lingwi differenti, sistemi tal‐ibbukkjar, awtomatizzazzjoni u marketing diġitali.


82. Migrant Workforce Integration Unit

Noħolqu Migrant Workforce Integration Unit biex tgħin lill‐intrapriżi jimpjegaw ħaddiema barranin u biex dawn il‐ħaddiema jintegraw ruħhom b’korsijiet tal‐lingwa Maltija u inizjattivi oħra.


83. Xogħol f’Għawdex għall‐Għawdxin

Naraw li s‐Servizz Pubbliku u istituzzjonijiet pubbliċi oħra, jiftħu uffiċċju f’Għawdex li minnu jaħdmu l‐ħaddiema Għawdxin li diġà jaħdmu ma’ dawn l‐entitajiet u anke oħrajn ġodda magħhom.


84. Back‐office work privat f’Għawdex ‐ opportunità għal kulħadd

Nixprunaw l‐attività ekonomika tal‐back‐office f’Għawdex bħal Document Management Centres simili għal dawk li diġà jeżistu, fejn isir l‐iskennjar u l‐arkivjar tad‐dokumenti, servizzi online u attività ekonomika oħra. Nippremjaw lil min jipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol lill‐persuni b’abbiltajiet differenti. Irridu nagħmluha aktar faċli u ninċentivaw ukoll lill‐kumpaniji privati biex jittrasferixxu xogħolijiet speċifiċi lejn Għawdex.


85. Nindukraw l‐artiġġjanat

Nagħtu l‐importanza mistħoqqa lis‐settur tal‐artiġġjanat bħala attività ekonomika essenzjali u parti mill‐identità tagħna, billi nsostnu bil‐qawwa lill‐Gozo Artisan Network ħalli nsarrfu l‐potenzjal kollu ta’ aktar kollaborazzjoni bejn l‐artiġġjani.

Servizz ta’ kwalità tas‐saħħa minn Għawdex stess

Servizz ta’ kwalità tas‐saħħa minn Għawdex stess

86. Kliniċi stabbli f’Għawdex

Niżguraw li l‐Isptar t’Għawdex ma jkunx fih biss kliniċi sporadiċi, iżda nattiraw aktar speċjalisti ta’ kwalità li joffru s‐servizzi tagħhom b’mod residenzjali mill‐Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan jgħin biex jitnaqqsu u jitneħħew il‐waiting lists tal‐outpatients u tal‐operazzjonijiet.


87. Tagħmir u riżorsi umani għall‐ġlieda kontra l‐kanċer

Ninvestu f’tagħmir u nibnu r‐riżorsi umani biex il‐pazjenti tal‐kanċer ikollhom l‐opportunità li jagħmlu t‐trattamenti meħtieġa f’Għawdex stess. B’hekk, dawn il‐persuni mill‐aktar vulnerabbli, jekk possibbli, ma jkollhomx għalfejn jaqsmu lejn Malta biex jingħataw il‐kura.


88. Is-servizz tal‐ultrasound

Naraw ukoll li s‐servizz tal‐ultrasound fl‐Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jiġi offrut 24 siegħa kuljum.


89. Servizz ta’ radjoloġista residenti

Nintroduċu servizz ta’ radjoloġista f’Għawdex biex niżguraw li l‐pazjenti Għawdxin jgawdu kompletament u mingħajr dewmien mit‐tagħmir li diġà jeżisti fil‐gżira.


90. Villa Lauri, Birkirkara

Naraw li mill‐aktar fis tinfetaħ Villa Lauri f’Birkirkara, biex tibda tintuża b’xejn bħala akkomodazzjoni għall‐qraba tal‐pazjenti Għawdxin li jkunu rikoverati fi sptar f’Malta.


91. Il‐Berġa tar‐Rabat tiftaħ 24 siegħa

Nimpenjaw ruħna b’mod ċar u konkret li nżommu l‐Health Centre tal‐Belt Victoria miftuħ u operattiv 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil‐ġimgħa. Dan biex niżguraw li kull persuna jkollha aċċess immedjat għal kura primarja ta’ kwalità f’kull ħin. Barra minn hekk, se naħdmu biex insaħħu r‐riżorsi, kemm tal‐ħaddiema kif ukoll fejn jidħol it‐tagħmir, biex is‐servizz jibqa’ effiċjenti, affidabbli u jwieġeb għall‐bżonnijiet tas‐soċjetà Għawdxija. Din mhix biss wegħda, iżda prijorità biex nipproteġu s‐saħħa u l‐ġid tal‐komunità tagħna.


92. Mobile Integrated Care Unit

Nintroduċu servizz ġdid ta’ Mobile Integrated Care Unit biex is‐servizz mediku jasal għand in‐nies. Fost l‐oħrajn, minn din l‐unità jkun jista’ jsir skrinjar kardjovaskulari, testijiet tad‐demm u viżti għal mard kroniku bħad‐dijabete, mard relatat maċ‐ċirkolazzjoni tad‐demm u mard tal‐qalb.


93. Saħħa mentali f’Għawdex

Nagħtu prijorità lis‐saħħa mentali f’Għawdex b’servizzi ġodda favur il‐kwalità tal‐ħajja, bi screening fil‐kura primarja. Naraw ukoll li nsaħħu d‐Dipartiment tas‐Saħħa Mentali, u jinbeda servizz ta’ emerġenza għall‐każijiet relatati mas‐saħħa mentali.


94. Tisħiħ tal‐professjonijiet mediċi f’Għawdex

Nintrabtu li f’Għawdex naraw żieda fl‐ispeċjalisti, fil‐professjonisti mediċi u f’allied health practitioners, b’mod speċjali l‐ispeech therapists u l‐occupational therapists, ħalli l‐Għawdxin ikollhom aktar servizzi tas‐saħħa ta’ kwalità fil‐gżira stess.

Komunità b’opportunitajiet indaqs

Komunità b’opportunitajiet indaqs

95. Ċentru terapewtiku speċjalizzat

Ninvestu f’ċentru terapewtiku speċjalizzat li jkun mgħammar b’infrastruttura moderna u li minnu jiġu offruti servizzi speċjalizzati għat‐tfal u l‐adolexxenti b’diffikultajiet tal‐iżvilupp, bħal tfal b’diffikultajiet fit‐taħdit u l‐komunikazzjoni, tfal bl‐awtiżmu u tfal b’ADHD, fost l‐oħrajn. L‐istess ċentru jkun joffri servizz ta’ coaching u sostenn lill‐ġenituri u lill‐familji ta’ dawn it‐tfal.


96. Ċentru ġdid għal respite u kura fit‐tul

Ninvestu wkoll f’ċentru ġdid għall‐persuni b’diżabbiltà li jkun joffri servizzi ta’ respite u ta’ kura fit‐tul. Dan ikun jippromwovi l‐kunċett ta’ independent living, billi jgħin lill‐persuni bi bżonnijiet speċjali jgħixu f’appartamenti flimkien.


97. Liaison Officer għall‐NGOs

Nappuntaw liaison officer fi ħdan il‐Ministeru għal Għawdex li jżomm kuntatt kontinwu mal‐għaqdiet u l‐assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill‐persuni bi bżonnijiet speċjali f’Għawdex. Hekk niżguraw li kull inizjattiva li jieħu l‐Ministeru tkun inklużiva, aċċessibbli, u ta’ sostenn għall‐persuni bi bżonnijiet speċjali, skont standards stabbiliti.


98. Dar għall‐minuri bi problemi

Niftħu dar f’Għawdex għall‐minuri li jkunu għaddejjin minn xi abbuż jew ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom, biex ma jkollhomx imorru f’homes f’Malta kif jiġri bħalissa. Irriduhom jibqgħu jgħixu qrib il‐komunità fejn trabbew.


99. L‐anzjani jibqgħu fil‐komunità

Irridu li l‐anzjani tagħna jibqgħu fil‐qalba tal‐komunitajiet fejn qattgħu ħajjithom, fejn għandhom familja, ħbieb u ċrieki soċjali li jagħtuhom sens ta’ appartenenza u dinjità. Għalhekk, se ninvestu b’mod serju u sostenibbli fid-djar moderni u aċċessibbli għall‐anzjani fil‐komunità stess, mgħammra b’faċilitajiet adegwati u kura professjonali ta’ kwalità għolja. Nintrabtu li niftħu mill-anqas żewġt idjar ġodda għall‐anzjani f’żewġt irħula differenti f’Għawdex, biex inqarrbu s‐servizzi lejn in‐nies u nnaqqsu l‐bżonn li l‐anzjani jitilqu mill‐ambjent familjari tagħhom. Dan l‐impenn huwa parti minn viżjoni usa’ li tpoġġi lill‐anzjani fiċ‐ċentru tal‐politika soċjali tagħna, filwaqt li nsaħħu l‐kwalità tal‐ħajja tagħhom u nappoġġaw lill‐familji tagħhom.

Serħan tal‐moħħ

Serħan tal‐moħħ

100. Safe place għall‐vittmi tal‐vjolenza domestika

Noħolqu faċilità apposta u speċjalizzata biex il‐vittmi tal‐vjolenza domestika jkunu jistgħu jsibu kenn sikur, privat u dinjituż. Din il‐faċilità tkun toffri appoġġ immedjat u komprensiv minn social workers, psikologi u professjonisti oħra mħarrġa, biex il‐vittmi jiksbu l‐għajnuna meħtieġa minnufih, fuq livell emozzjonali, legali u soċjali.


101. Skwadra tal‐Pulizija speċjalizzata

Niżguraw li l‐Korp tal‐Pulizija f’Għawdex ikollu skwadra speċjalizzata għall‐każijiet tal‐vjolenza domestika u għal reati serji bħal traffikar tad‐droga, it‐traffikar tal‐persuni u sfruttament. Nassiguraw ukoll li f’kull lokalità, ta’ kuljum u f’kull ħin tal‐ġurnata, ikun hemm community police li jagħmlu wkoll rondi fil‐komunità.


102. Qorti t’Għawdex

Naraw li l‐Qorti f’Għawdex tibda topera f’ambjent adegwat, u li tkun attrezzata għall‐bżonnijiet tal‐lum.

Aktar faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd

Aktar faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kulħadd

103. Trakka għall‐atleti f’Għawdex

Ninvestu fi trakka għall‐atleti f’Għawdex li tkun tista’ tintuża b’mod speċjali mill‐clubs tal‐atletika u tat‐triathlon f’Għawdex għal kull tip ta’ track and field athletics.


104. Skate and Bike Park f’Għawdex

Noħolqu Skate and Bike Park f’Għawdex, l‐ewwel wieħed tax‐xorta tiegħu fil‐gżira Għawdxija.


105. Obstacle Course Racing u Target Shooting Range

Ninvestu wkoll f’korsa tal‐Obstacle Course Racing u Target Shooting Range f’Għawdex biex ngħinu lil dawn it‐tipi ta’ sport ikomplu jissaħħu u jikbru fil‐popolarità.


106. Tisħiħ fil‐faċilitajiet tal‐futbol

Ngħinu lill‐clubs tal‐futbol Għawdxin biex iwettqu proġetti ta’ faċilitajiet sportivi tal‐ogħla livell fil‐lokalitajiet tagħhom, inkluż interventi fil‐grawnds biex jonqsu l‐korrimenti attwali.


107. Investiment fil‐korsa taż‐żwiemel

Naraw li jsir ukoll l‐investiment tant bżonnjuż fil‐korsa taż‐żwiemel ta’ Ta’ Xħajma u din tiġi mgħammra b’sistema tad‐dawl “dark‐sky‐friendly” b’mod li tkun tista’ tintuża filgħaxija u billejl, b’mod speċjali fix‐xhur sajfin.


108. Faċilitajiet tal‐Mediċina tal‐Isport f’Għawdex

Nappoġġaw b’mod konkret lis‐settur tal‐isport Għawdxi biex ikompli jtejjeb il‐livell u jilħaq standards ogħla ta’ prestazzjoni u professjonalità. Bħala parti minn dan l‐impenn, fl‐Isptar il‐ġdid se noħolqu taqsima speċjalizzata fil‐Mediċina tal‐Isport, mgħammra b’teknoloġija moderna u mmexxija minn professjonisti kwalifikati, biex l‐isportivi jkollhom aċċess għal kura u prevenzjoni ta’ korrimenti ta’ livell għoli.

Barra minn hekk, se nistabbilixxu Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni għall‐isportivi f’Għawdex, biex atleti ta’ kull livell ikunu jistgħu jirkupraw b’mod effettiv u sikur wara xi korriment, filwaqt li jirċievu programmi personalizzati ta’ terapija u taħriġ. Dan mhux biss se jtejjeb is‐saħħa u l‐prestazzjoni tal‐isportivi tagħna, iżda jnaqqas il‐bżonn li jfittxu servizzi barra minn Għawdex. Din l‐inizjattiva hija pass ċar lejn infrastruttura sportiva aktar b’saħħitha u sistema ta’ appoġġ moderna għall‐komunità sportiva Għawdxija.


109. Gozo Indoor Sports & Aquatic Pavilion b’xejn

B’mod immedjat, inneħħu t‐tariffi kollha fuq l‐użu tal‐Gozo Indoor Sports & Aquatic Pavilion, biex il‐faċilitajiet ikunu aċċessibbli bla ħlas għal kulħadd u nħeġġu aktar parteċipazzjoni fl‐isport.


110. Faċilitajiet sportivi u rikreattivi aċċessibbli għal kulħadd

Niżguraw li l‐faċilitajiet sportivi u rikreattivi f’Għawdex ikunu ċċertifikati, konformi u aċċessibbli għalkollox għall‐benefiċċju tal‐persuni bi bżonnijiet speċjali, b’tagħmir u b’teknoloġija moderni li jippermettu użu sħiħ, inkluż tal‐pixxina.

Niżżel il-PDF

Programm Elettorali

Agħżel kapitlu
Kapitli oħra
Għawdex
PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.