Żgħażagħ

Nifs ġdid liż‐żgħażagħ: pajjiżek jgħinek timraħ

L‐ambizzjoni tagħna għaż‐żgħażagħ hi ċara: irridu Malta li tagħti opportunitajiet liż‐żgħażagħ biex jistudjaw, jaħdmu, ifaddlu, jagħmlu karriera, jixtru l‐ewwel dar tagħhom, jieħdu ħsieb saħħithom u jagħmlu l‐għażliet tagħhom f’pajjiżna stess.

Iż‐żgħażagħ m’għandhomx jibdew ħajjithom b’sensazzjoni li pajjiżna qed jaqdef kontrihom. Minflok, jistennew sistema li tagħtihom ċans reali jimxu ’l quddiem u jimirħu; sistema li tagħtihom l‐għodod biex jistudjaw mingħajr toqol finanzjarju żejjed, jidħlu fid‐dinja tax‐xogħol b’aktar serħan il‐moħħ, jirnexxilhom ifaddlu minn dak li jaqilgħu, ikollhom sigurtà għal‐lum u għall‐ġejjieni, u jingħataw widen u vuċi vera fit‐tmexxija u fid‐direzzjoni tal‐pajjiż.

Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Alex Borg jagħti nifs ġdid liż‐żgħażagħ tagħna bi pjan konkret li jolqot direttament lill‐ħajja tagħhom: inqas taxxa, stipendji aħjar lill‐istudenti, inċentiv biex jixtru l‐ewwel dar minn kemm jista’ jkun kmieni, appoġġ lill‐istudenti li qed jistudjaw oqsma strateġiċi, inċentivi għal pensjoni privata minn kmieni, aktar sostenn lill‐istudenti li jaħdmu jew li huma ġenituri, u servizzi aktar effiċjenti għas‐saħħa mentali u sesswali taż‐żgħażagħ.

Din mhijiex xi politika dwar iż‐żgħażagħ. Din hija politika maż‐żgħażagħ u għaż‐żgħażagħ.

Pjan ta' Azzjoni Żgħażagħ li jistudjaw, jaħdmu u jibnu l‐futur f’Malta

Il‐pjan tagħna hu mibni fuq erba’ bidliet ċari:

L‐ewwel, nagħmlu l‐istudju aktar sostenibbli. L‐istipendji jeħtieġ jirriflettu l‐ispejjeż reali tal‐istudenti tal‐lum: teknoloġija, kotba, abbonamenti, tagħmir, sport, esperjenzi edukattivi u spejjeż oħra li jagħmlu parti mill‐ħajja tal‐istudenti.

It‐tieni, nagħtu spinta fil‐bidu tal‐karriera. Iż‐żgħażagħ li jaħdmu, jistinkaw u jikkontribwixxu għall‐ġid ta’ pajjiżna jingħataw ċans akbar biex ifaddlu minn dak li jaqilgħu biex ikunu jistgħu jinvestu fihom u fil‐ġejjieni tagħhom.

It‐tielet, ngħinu liż‐żgħażagħ jibnu sigurtà finanzjarja fit‐tul. Għalhekk liż‐żgħażagħ ta’ taħt il‐35 sena se nagħtuhom kick‐start biex inħeġġuhom u ngħinuhom jibdew pensjoni privata.

Ir‐raba’, nagħtu sehem reali liż‐żgħażagħ fit‐tmexxija tal‐pajjiż. Iż‐żgħażagħ ma jinstemgħux biss waqt xi konsultazzjoni iżda jkunu parti minn strutturi permanenti biex jinfluwenzaw u jagħtu sehemhom fil‐politika.

Aktar Proposti

Aktar appoġġ finanzjarju

04. L‐istipendji jibqgħu jiżdiedu skont l‐ispejjeż reali tal‐istudenti

Minbarra ż‐żieda ta’ 25%, mit‐tieni sena ’l quddiem l‐istipendji jibqgħu jiżdiedu b’mod sinifikanti biex ikunu jirriflettu aħjar iż‐żieda fl‐għoli tal‐ħajja. Il‐kalkolu jkun ibbażat fuq basket realistiku ta’ spejjeż tal‐istudenti, fosthom faċilitajiet għall‐istudju, attivitajiet sportivi, tagħmir teknoloġiku, kotba, abbonamenti u spejjeż oħra relatati mat‐tagħlim. Fil‐kalkolu jitqies ukoll is‐safar edukattiv u kulturali, għax dan għandu valur edukattiv, jiftaħ orizzonti ġodda u jgħin liż‐żgħażagħ jiksbu esperjenzi li jsaħħu l‐ħiliet u l‐kunfidenza tagħhom.


05. Stipendji daqs il‐paga minima għall‐istudenti tan‐nursing, il‐kura tas‐saħħa u oqsma strateġiċi

Inżidu l‐istipendju tal‐istudenti tan‐nursing u ta’ karrieri oħra fil‐kura tas‐saħħa biex jilħaq madwar €1,000 fix xahar. Din iż‐żieda qawwija tapplika għall‐istudenti li jagħmlu korsijiet tan‐nursing u korsijiet oħra fis‐saħħa fl Università ta’ Malta u fl‐MCAST. L‐istess prinċipju japplika għal korsijiet oħrajn f’oqsma strateġiċi fejn Malta għandha nuqqas ta’ professjonisti.


06. Appoġġ lill‐istudenti li huma ġenituri

Nintroduċu appoġġ addizjonali għal studenti żgħażagħ sa 35 sena li huma ġenituri. Dan ikun daqs il‐paga minima, biex min għandu familja ma jkunx imġiegħel jagħżel bejn l‐istudju u r‐responsabbiltà tiegħu bħala ġenitur.


07. Stipendji għal kull student full‐time f’livell post‐graduate

Inwessgħu l‐eliġibbiltà għall‐istipendji biex tkopri lill‐istudenti kollha li jkomplu jistudjaw full‐time f’livell post‐graduate f’istituzzjonijiet edukattivi Maltin, inkluż fl‐Università ta’ Malta u fl‐MCAST. Hekk aktar żgħażagħ u adulti jagħżlu li jkomplu javvanzaw il‐ħiliet tagħhom mingħajr ma l‐ispiża tkun ostaklu.


08. Krediti tal‐bolla għall‐istudenti waqt l‐istudji

L‐istudenti u ż‐żgħażagħ li jkunu qed isegwu korsijiet postsekondarji jew terzjarji full‐time jkollhom il‐kontribuzzjonijiet tas‐sigurtà soċjali akkreditati tul il‐kors tal‐istudju. Dawn jiġu kkalkulati għal skop ta’ pensjoni.

kontenut

Aktar appoġġ finanzjarju

Aktar appoġġ finanzjarju

04. L‐istipendji jibqgħu jiżdiedu skont l‐ispejjeż reali tal‐istudenti

Minbarra ż‐żieda ta’ 25%, mit‐tieni sena ’l quddiem l‐istipendji jibqgħu jiżdiedu b’mod sinifikanti biex ikunu jirriflettu aħjar iż‐żieda fl‐għoli tal‐ħajja. Il‐kalkolu jkun ibbażat fuq basket realistiku ta’ spejjeż tal‐istudenti, fosthom faċilitajiet għall‐istudju, attivitajiet sportivi, tagħmir teknoloġiku, kotba, abbonamenti u spejjeż oħra relatati mat‐tagħlim. Fil‐kalkolu jitqies ukoll is‐safar edukattiv u kulturali, għax dan għandu valur edukattiv, jiftaħ orizzonti ġodda u jgħin liż‐żgħażagħ jiksbu esperjenzi li jsaħħu l‐ħiliet u l‐kunfidenza tagħhom.


05. Stipendji daqs il‐paga minima għall‐istudenti tan‐nursing, il‐kura tas‐saħħa u oqsma strateġiċi

Inżidu l‐istipendju tal‐istudenti tan‐nursing u ta’ karrieri oħra fil‐kura tas‐saħħa biex jilħaq madwar €1,000 fix xahar. Din iż‐żieda qawwija tapplika għall‐istudenti li jagħmlu korsijiet tan‐nursing u korsijiet oħra fis‐saħħa fl Università ta’ Malta u fl‐MCAST. L‐istess prinċipju japplika għal korsijiet oħrajn f’oqsma strateġiċi fejn Malta għandha nuqqas ta’ professjonisti.


06. Appoġġ lill‐istudenti li huma ġenituri

Nintroduċu appoġġ addizjonali għal studenti żgħażagħ sa 35 sena li huma ġenituri. Dan ikun daqs il‐paga minima, biex min għandu familja ma jkunx imġiegħel jagħżel bejn l‐istudju u r‐responsabbiltà tiegħu bħala ġenitur.


07. Stipendji għal kull student full‐time f’livell post‐graduate

Inwessgħu l‐eliġibbiltà għall‐istipendji biex tkopri lill‐istudenti kollha li jkomplu jistudjaw full‐time f’livell post‐graduate f’istituzzjonijiet edukattivi Maltin, inkluż fl‐Università ta’ Malta u fl‐MCAST. Hekk aktar żgħażagħ u adulti jagħżlu li jkomplu javvanzaw il‐ħiliet tagħhom mingħajr ma l‐ispiża tkun ostaklu.


08. Krediti tal‐bolla għall‐istudenti waqt l‐istudji

L‐istudenti u ż‐żgħażagħ li jkunu qed isegwu korsijiet postsekondarji jew terzjarji full‐time jkollhom il‐kontribuzzjonijiet tas‐sigurtà soċjali akkreditati tul il‐kors tal‐istudju. Dawn jiġu kkalkulati għal skop ta’ pensjoni.

Iż‐żgħażagħ fid‐dinja tax‐xogħol

Iż‐żgħażagħ fid‐dinja tax‐xogħol

09. Study leave għal min jaħdem full‐time u jistudja part‐time

Nintroduċu dritt essenzjali ta’ study leave waqt il‐perjodu tal‐eżamijiet għall‐ħaddiema full‐time li qed jistudjaw part‐time f’korsijiet rikonoxxuti. Din il‐miżura tgħin lill‐ħaddiema żgħażagħ ikomplu javvanzaw il‐ħiliet tagħhom mingħajr ma jitilfu progress fil‐karriera


10. Placements u apprendistati mħallsa jew akkreditati

Insaħħu l‐esperjenza prattika fl‐edukazzjoni postsekondarja u terzjarja permezz ta’ placements, traineeships u apprendistati li jkunu mħallsa jew akkreditati bħala parti mill‐kors. L‐għan hu li ż‐żgħażagħ jidħlu fid‐dinja tax‐xogħol b’esperjenza reali, mingħajr ma nippromwovu x‐xogħol bla ħlas.


11. JobsPlus Youth Match

Nirriformaw lil JobsPlus biex ikollu pjattaforma speċifika ta’ Youth Match għaż‐żgħażagħ, l‐istudenti u l‐gradwati. Din tkun sistema moderna li tqabbel il‐ħiliet, l‐interessi u l‐aspirazzjonijiet taż‐żgħażagħ mal opportunitajiet ta’ impjieg, traineeships, internships u apprendistati.


12. AI, ħiliet diġitali u setturi ġodda

Insaħħu l‐korsijiet u t‐taħriġ marbut mal‐AI, id‐data, is‐cybersecurity, l‐awtomatizzazzjoni, ir‐robotika, in‐New Space u setturi ekonomiċi ġodda. Hekk nagħtu opportunità liż‐żgħażagħ biex jiksbu ħiliet speċjalizzati u jidħlu f’impjiegi ta’ valur ogħla u f’karrieri li jħallsu aħjar.


13. Iż-żgħażagħ jistgħu jagħmlu opportunità tax-xogħol waqt il‐probation

Iż-żgħazagħ li jkunu waqt il-probation mas-Servizz Pubbliku u jiġu offruti opportunità ta’ placement jew apprendistat (barra mis-Servizz Pubbliku) fl-istess xogħol li jkun l-impjieg tagħhom, dawn jingħataw leave bla ħlas biex ikunu jistgħu jieħu l-opportunità. Wara jkomplu bil-probation li jkun jonqoshom.


14. Startups immexxija miż‐żgħażagħ

Insaħħu l‐appoġġ lill‐istartups immexxija miż‐żgħażagħ permezz ta’ mentoring, aċċess għall‐fondi, micro‐grants, inkubaturi u rabta aktar diretta bejn l‐Università ta’ Malta, l‐MCAST, l‐ITS, il‐Malta Enterprise, Xjenza Malta, l‐industrija u investituri.

Edukazzjoni għall‐ħajja

Edukazzjoni għall‐ħajja

15. Litteriżmu finanzjarju, ħiliet għall‐intervisti tax‐xogħol u ċittadinanza diġitali

Insaħħu l‐kurrikulu biex l‐istudenti jitgħallmu għadd ta’ ħiliet essenzjali għall‐ħajja tal‐lum, bħal pereżempju kif taħdem is‐sistema tat‐taxxa, kif tifhem kuntratt, kif tapplika għal impjieg, kif tieħu sehem f’intervista tax‐xogħol, kif tuża l‐midja soċjali b’mod responsabbli, u kif tagħraf il‐fake news.


16. L‐ewwel għajnuna, l‐għawn u s‐self‐defence bħala ħiliet bażiċi

Nintroduċu l‐ewwel għajnuna bħala parti mill‐edukazzjoni sekondarja u nsaħħu l‐opportunitajiet għall‐għawm u s‐self‐defence bħala parti minn programm usa’ ta’ ħiliet prattiċi, saħħa u sigurtà personali.


17. Appoġġ one‐to‐one lill‐istudenti

Insaħħu l‐appoġġ personalizzat għall‐istudenti li jkunu qed ibatu f’xi suġġetti partikolari. Niżguraw li s‐sistema edukattiva tagħna tagħraf li mhux kull student jitgħallem bl‐istess mod u bl‐istess ritmu.


18. Appoġġ lill‐istudenti atleti

Nintroduċu appoġġ aktar strutturat għall‐istudenti atleti biex ikunu jistgħu jsibu bilanċ bejn l‐edukazzjoni u l‐isport. Dan jinkludi flessibbiltajiet fit‐timetable, mentoring, appoġġ akkademiku, u għajnuna biex la jintilef l‐istudju u lanqas it‐talent sportiv tagħhom.

Is‐saħħa mentali u sesswali

Is‐saħħa mentali u sesswali

19. Counselling ta’ kwalità f’kull skola

Niżguraw li kull skola jkollha servizz ta’ counselling ta’ kwalità, b’riżorsi adegwati u perkorsi ċari għal servizzi speċjalizzati oħrajn meta jkun hemm bżonn.


20. Mental health first aid għal min jaħdem maż‐żgħażagħ

Nintroduċu taħriġ relatat mal‐mental health first aid għall‐professjonisti li jaħdmu qrib iż‐żgħażagħ, fosthom l‐għalliema, il‐youth workers, il‐coaches, il‐leaders u persuni li jaħdmu f’ambjenti edukattivi u komunitarji.


21. Nistinkaw kontra l‐istigma tas‐saħħa mentali

Inniedu inizjattivi edukattivi mmirati għaż‐żgħażagħ biex innaqqsu l‐istigma fejn jidħlu t‐terapija, il‐counselling u l‐għajnuniet relatati ma’ kundizzjonijiet tas‐saħħa mentali. Il‐messaġġ ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista jibgħat messaġġ b’saħħtu: li titlob l‐għajnuna mhix dgħjufija, iżda pass responsabbli.


22. Riforma fil‐politika tas‐saħħa sesswali

Nirriformaw il‐politika nazzjonali tas‐saħħa sesswali u l‐kontenut edukattiv fl‐iskejjel biex ikun aġġornat, ibbażat fuq qafas professjonali u adattat għar‐realtajiet tal‐lum.


23. Aċċess aħjar għal kliniċi tas‐saħħa sesswali

Insaħħu l‐aċċess taż‐żgħażagħ għal kliniċi tas‐saħħa sesswali, counselling, screening u mezzi ta’ prevenzjoni skont gwida medika u professjonali.


24. Genitourinary clinic f’Għawdex

Niftħu genitourinary clinic f’Għawdex biex iż‐żgħażagħ u r‐residenti Għawdxin jkollhom aċċess ġdid għal dan is‐servizz essenzjali tas‐saħħa sesswali u l‐prevenzjoni f’Għawdex.

Iż‐żgħażagħ fl‐arti, il‐kultura u l‐volontarjat

Iż‐żgħażagħ fl‐arti, il‐kultura u l‐volontarjat

25. Boroż ta’ studju u esperjenzi artistiċi barra minn Malta

Inżidu l‐boroż ta’ studju u l‐għotjiet liż‐żgħażagħ artisti biex jattendu sessjonijiet ta’ ħidma, masterclasses, festivals, residenzi artistiċi u esperjenzi barra minn Malta.


26. Snajja’ tradizzjonali u taħriġ liż‐żgħażagħ

Insaħħu t‐taħriġ vokazzjonali għaż‐żgħażagħ f’oqsma marbuta mas‐snajja’ tradizzjonali Maltin u Għawdxin, inkluż l‐artiġġjanat, ir‐restawr, il‐bini tal‐ħitan tas‐sejjieħ, il‐bini tad‐dgħajjes tradizzjonali u ħiliet oħra li jagħnu l‐identità tagħna.


27. Civic service credits

Nintroduċu sistema ta’ civic service credits fis‐sistema edukattiva biex iż‐żgħażagħ jingħataw rikonoxximent skont eżiti tat‐tagħlim u kompetenzi fil‐livell MQF għall‐ħidma volontarja tagħhom fil‐komunità, l‐isport, il‐kultura, l‐ambjent, l‐għaqdiet reliġjużi u soċjali, u l‐NGOs. Din is‐sistema tgħin favur kultura ta’ responsabbiltà u parteċipazzjoni mingħajr ma ngħabbu l‐volontarjat b’eżerċizzju burokratiku ieħor.

Tnaqqis fit‐taxxi biex int tixtri d‐dar tiegħek

Tnaqqis fit‐taxxi biex int tixtri d‐dar tiegħek

28. Għajnuna lil min irid isir sid ta’ daru

Inwessgħu l‐iskemi tal‐Awtorità tad‐Djar biex jiżdiedu d‐djar affordabbli, inkluż bl‐Equity Sharing Scheme, sħubijiet pubbliċi privati, u skemi Buy‐to‐Rent.


29. Eżenzjoni fuq il‐bolla lill‐first‐time buyers sa €350,000

Inwessgħu l‐eżenzjoni fuq il‐bolla lill‐first‐time buyers sa €350,000 biex aktar koppji żgħażagħ ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom u jibdew ħajja b’aktar stabbiltà u b’inqas piż fiskali. Fuq l‐ewwel €350,000 tal‐prezz tal‐propjetà ma titħallas ebda taxxa.


30. Għajnuna biex jitħallas id‐depożitu tal‐ewwel dar

Gvern ġdid Nazzjonalista jgħin lil min qed jixtri l‐ewwel dar billi l‐Gvern joħroġ id‐depożitu li normalment ikun ta’ 10% u dan jitħallas lura bla imgħax fuq medda ta’ 40 sena. Permez ta’ din l‐iskema id‐depożitu li joħroġ il‐Gvern se jiżdied minn €225,000 għal €450,000, biex jirrifletti aħjar il‐prezzijiet tal‐lum. Din il‐miżura tneħħi wieħed mill‐akbar xkiel li qed iżomm lil ħafna żgħażagħ milli jixtru darhom.


31. Ħlas lura ta’ nofs l‐imgħax tas‐self fuq id‐dar għall‐ewwel 10 snin

Il‐Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li min jixtri l‐ewwel dar jingħata ħlas lura ta’ 50% tal‐imgħax li jkun qed iħallas fuq is‐self fuq id‐dar. Din l‐għajnuna tingħata kull xahar, direttament fil‐kont bankarju tax‐xerrej, għall‐ewwel 10 snin tas‐self fuq id‐dar. L‐għajnuna tkun limitata għal massimu ta’ 1.25% fis‐sena tas‐self oriġinali. Fuq self għal dar ta’ €405,000, persuna jew koppja tkun tista’ tirċievi madwar €390 fix‐xahar għal 10 snin. Dan ifisser total ta’ madwar €46,800 f’għajnuna diretta.


32. Suq Soċjali tad‐Djar

Fl‐ewwel sena tal‐leġiżlatura, inwaqqfu Suq Soċjali tad‐Djar: suq paralleli u permanenti biex id‐dar tkun dritt soċjali. Id‐djar jinbiegħu bi prezz affordabbli u, meta jerġgħu jinbiegħu, jibqgħu marbuta mal‐prezz oriġinali, aġġustat biss għall‐inflazzjoni u t‐titjib approvat. Dan is‐suq jitħaddem b’pakkett fiskali u regolatorju speċjali, inkluż b’eżenzjonijiet minn taxxi u spejjeż relatati, u self soċjali b’rata baxxa u fissa. Il‐mudell jitwettaq bi Trusts Komunitarji tal‐Art u b’kooperattivi tad‐djar, biex l‐art tinżamm barra mill‐ispekulazzjoni u d‐djar jibqgħu affordabbli fit‐tul.


33. Żieda qawwija fl‐istokk tal‐housing affordabbli u soċjali ta’ kwalità

Inżidu sostanzjalment l‐istokk tal‐housing affordabbli u soċjali ta’ kwalità permezz ta’ binjiet ġodda, riġenerazzjoni ta’ propjetà eżistenti u użu aħjar tal‐art u binjiet pubbliċi, bi prijorità liż‐żgħażagħ, il‐familji b’introjtu medju u baxx, lill‐anzjani u l‐persuni vulnerabbli. Din iż‐żieda tissaħħaħ permezz tas‐Suq Soċjali tad‐Djar.


34. Appoġġ finanzjarju għall‐kera privata

Nintroduċu benefiċċju annwali għall‐persuni u l‐familji li jgħixu f’akkomodazzjoni mikrija b’kuntratt reġistrat iżda li, minħabba d‐dħul tagħhom jew raġunijiet oħrajn, ma jkunux eliġibbli għall‐iskemi eżistenti tas‐sussidju fuq il‐kera privata. Il‐benefiċċju jieħu l‐forma ta’ kreditu tat‐taxxa għal min iħallas it‐taxxa, u pagament dirett għal min jaqla’ inqas mil‐limitu tat‐taxxa. Il‐miżura tiġi abbinata ma’ qafas ta’ stabbiltà fil‐prezzijiet tal‐kiri li jipproteġi lill‐inkwilini b’kuntratti rreġistrati minn żidiet mhux ġustifikati, filwaqt li nkomplu ninċentivaw il‐formalità fis‐suq tal‐kiri kollu kemm hu.

Parteċipazzjoni u tmexxija

Parteċipazzjoni u tmexxija

35. Kunsill Nazzjonali taż‐Żgħażagħ imsaħħaħ

Insaħħu l‐Kunsill Nazzjonali taż‐Żgħażagħ u naġġornaw il‐validità tiegħu għall‐ħtiġijiet tal‐lum. Permezz tiegħu insaħħu l‐mekkaniżmu permanenti ta’ konsultazzjoni maż‐żgħażagħ b’rabta ma’ policies li jolqtuhom direttament, b’forum prattiku mhux simboliku, u b’aċċess reċiproku għal uffiċjali pubbliċi, dawk li jfasslu l‐policies u dawk li jieħdu d‐deċiżjonijiet.


36. Parteċipazzjoni elettorali u osservaturi żgħażagħ

Ninċentivaw liż‐żgħażagħ biex jieħdu sehem bħala osservaturi elettorali, membri fi proċessi elettorali u voluntiera f’inizjattivi dwar l‐edukazzjoni demokratika.


37. Il‐bullying online, il‐fake news u d‐diskors ta’ mibegħda

Insaħħu l‐edukazzjoni, l‐infurzar u r‐riżorsi kontra l‐bullying online, il‐fake news u d‐diskors ta’ mibegħda u kif għandna nġibu ruħna f’dawk is‐sitwazzjonijiet. Iż‐żgħażagħ jeħtieġu protezzjoni online bl‐istess saħħa kemm nipproteġuhom fiżikament.


38. Youth workers f’kull lokalità

Nintroduċu youth workers mifruxin mal‐lokalitajiet biex jagħtu gwida, joħolqu spazji ta’ parteċipazzjoni u jkunu punt ta’ kuntatt għaż‐żgħażagħ dwar kwistjonijiet personali, edukattivi, komunitarji u ta’ saħħa mentali.

Niżżel il-PDF

Programm Elettorali

Agħżel kapitlu
Kapitli oħra
Żgħażagħ
PARTIT NAZZJONALISTA | NIFS ĠDID
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.