Ninvestu fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-kultura, f’Għawdex – ninvestu fin-nies
AĦBAR

Ninvestu fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-kultura, f’Għawdex – ninvestu fin-nies

Ma ġejniex Għawdex b’kumbinazzjoni. Hawn jien tgħallimt il-valuri. Tgħallimt li li tkun fil-politika huwa privileġġ. Qegħdin hawn għax jien determinat li Għawdex ma jibqax afterthought imma jkun fiċ-ċentru tal-politika.

F’Għajnsielem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ikompli jispjega l-viżjoni tal-PN għal Għawdex

Ma ġejniex Għawdex b’kumbinazzjoni. Hawn jien tgħallimt il-valuri. Tgħallimt li li tkun fil-politika huwa privileġġ. Qegħdin hawn għax jien determinat li Għawdex ma jibqax afterthought imma jkun fiċ-ċentru tal-politika.

Waqt attività politika llejla f’Għajnsielem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kompla jispjega l-viżjoni tiegħu għall-gżira ta’ Għawdex.

Huwa qal li Gvern Nazzjonalista se jibni fejn hemm it-tajjeb u jirranġa fejn hemm x’jitranġa. Aktar kmieni Alex Borg beda jniedi parti mill-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex – 110 proposti li għandhom itejbu l-ħajja tal-
Għawdxin u jagħmlu minn Għawdex gżira ta’ kwalità, fosthom poposti fis-saħħa. Waħda mill-wegħdiet prinċipali hija l-isptar ġdid li l-Għawdxin ilhom 13-il sena jistennewh. Alex Borg qal li ma jistax ikun li l-wegħdi jibqgħu fuq il-karta. Bħalma sar fl-aħħar snin, u mal-ewwel jum tiegħu, Gvern Nazzjonalista jibda x-xogħol fuq investiment fl-isptar ta’ 400 sodda għall-Għawdxin.

Proposta oħra hi li ċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex jibda jibqa’ jiftaħ 24 siegħa kuljum.

Gvern Nazzjonalista se jagħmel investiment bla preċendent fl-infrastruttura Għawdxija – investiment fuq 150km toroq, u dawn jibdew isiru mill-ewwel ġurnata, mhux lejliet l-elezzjoni.  

Gvern Nazzjonalista, bħalma għamel fl-imgħoddi, jerġa jinvesti fil-konnettività,  b’żewġ vapuri ġodda bejn Malta u Għawdex – vapur għall-passiġġieri li jkun qed jopera sal-2029, u vapur separat għall-merkanzija li jkun jopera lejn il-Port il-Kbir u l-Freeport. Dan filwaqt li jsir l-investiment meħtieġ fil-portijiet biex ikunu jistgħu joperaw il-vapuri kollha kemm fl-Imġarr kif ukoll fiċ-Ċirkewwa.  

Alex Borg semma wkoll l-investiment li se jagħmel Gvern Nazzjonalista fl-arti u l-kultura – investiment ta’ €9 miljuni fit-teatri f’Għawdex u €2 miljuni f’investiment f’ċentri għaż-żgħażagħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal Gvern Nazzjonalista jrid jinvesti wkoll bis-serjetà fin-newrodiverġenza u se jkun qed jinvesti €8 miljun fl-iskola f’Ta’ Sannat biex isiru hydropool u sensory area.

Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista ma jrid iħalli lil ħadd lura.

Waqt l-attività tal-lejla għamlu intereventi wkoll diversi kelliema.

Michael Galea tkellem dwar l-istigma li għad hawn fejn tidħol is-saħħa mentali u kif ħafna nies jippruvaw jitfgħu l-problemi li jkollhom taħt it-tapit. Dan sfortunatament iwassal biex pazjent imur lura fis-saħħa tiegħu. Hu qal li jeħtieġ li l-kura fis-saħħa mentali tersaq aktar qrib in-nies fil-komunitjiet. Hu tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u qal li hemm bżonn ninċentivaw aktar żgħażagħ jidħlu f’dan il-qasam. Michael Galea qal li pajjiżna għadu lura f’dik li hi kura preventiva u hemm nuqqas ukoll ta’ sapport għas-saħħa mentali fl-iskejjel. Huwa qal li kull invesiment li jsir f’dan il-qasam jissarraf f’ħajja aħjar għan-nies.

Kevin Cauchi tkellem dwar kif inbidlet il-ħidma tal-kunsilli. Fi żmien Gvern Nazzjonalista l-kunsilli lokali kellhom is-saħħa finanzjarja u r-riżorsi biex jaħdmu u jwettqu proġetti sbieħ. Illum spiċċaw bla riżorsi u ma jistgħux iwettqu proġetti importanti. Hu tkellem ukoll dwar kif il-Gvern qiegħed jinjora kompletament lill-Kunsilli Lokali kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ investiment fil-konnettività f’dawn it-13-il sena – kemm fil-vapuri kif ukoll fil-portijiet. Kevin Cauchi semma wkoll in-nuqqas ta’ investiment li kien hemm fit-toroq ta’ Għawdex u sostna li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jinvesti bis-sħiħ f’din il-gżira.  

Talitha Buttigieg, studenta żagħżugħa Għawdxija, qalet li l-istudenti Għawdxin jiffaċċjaw problemi differenti minn dawk tal-Maltin. Hija semmiet kif ħafna jridu jagħżlu jitilqux mid-dar u jgħixu Malta sakemm jistudjaw jew inkella hux se jaqsmu kuljum bejn iż-żewġ gżejjer. Semmiet ukoll in-nuqqas ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex kif ukoll in-nuqqas ta’ postijiet ta’ divertiment għaż-żgħażagħ. L-istudenta qalet li l-proposti tal-PN għal aktar investiment fl-edukazzjoni f’Għawdex, f‘konnettività aħjar u f’ċentri biex iż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom fejn imorru biex jiddevertu se jfissru titjib fil-ħajja taż-żgħażagħ Għawdxin.

Nicolai Vella qal li Prim Ministru Għawdxi kapaċi jilħaq l-aspettattivi tal-Għawdxin għax jista’ jifhem x’inhuma d-diffikultajiet tagħhom. Huwa qal li ż-żgħażagħ Għawdxin jispiċċaw jaħlu ħafna ħin fi vvjaġġar u meta jkunu Għawdex iħossu li m’għandhomx fejn imorru wara x-xogħol jew l-iskola. Huwa semma wkoll il-bżonn ta’ aktar inċentivi għall-intrapriżi privati biex dawn ikunu jistgħu jikbru u joffru aktar xogħlijiet ta’ kwalità. Huwa semma wkoll l-isfidi li għandhom iż-żgħażagħ biex jidħlu fil-volontarjat u qal li investiment fil-kultura jgħin u jinċentiva aktar il-volontarjat fost iż-żgħar. Huwa qal li jħares ‘il quddiem biex jara Prim Ministru Għawdxi li jifhem verament l-isfidi tal Għawdxin .

Stanley Portelli tkellem dwar l-ammont ta’ xogħlijiet mal-gvern li f’Għawdex ħerġin qishom pastizzi. Huwa rrakkonta kif riċentement edukatur qallu li meta kien qed jistaqsi lill-istudenti x’jixtiequ li jsiru la jikbru, diversi studenti, minflok semmew xi karriera jew professjoni partikolari li qed jaspiraw għaliha wieġbu li jridu job mal-gvern. Din, qal Stanely Portelli, hija l-mentalità li qed idaħħlu f’moħħ l-istudenti żgħar. Huwa tkellem ukoll dwar in-nuqqas ta’ investiment fl-edukazzjoni f’oqsma bħall-biedja u s-sajd u l-artiġjanat fost l-oħrajn biex dawn jibqgħu jkunu oqsma li jitħajru jidħlu għalihom iż-żgħażagħ Għawdxin. Fil-politika, qal Stanley Portelli, ma nistgħux naħsbu biss għal-lum imma jrid ikollna viżjoni għall-futur.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita qal li bħalma 22 sena ilu ħadna deċiżjoni li tat Nifs Ġdid lil pajjiżna bis-sħubija fl-Ewropa, hekk issa fit-30 ta’ Mejju għandna fuq spallitna l-istess responsabbiltà – jew li nibqgħu b’more of the same jew nagħtu Nifs Ġdid lil pajjiżna.

Huwa qal li mhux se jagħmel bħal ħaddieħor u jwiegħed l-ilma jiżfen imma qed iwiegħed prijorità lis-saħħa tan-nies u investiment fis-saħħa – fl-infrastruttura b’kullana ta’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex; fil-prevenzjoni b’Park Nazzjonali tas-Saħħa; fis-saħħa mentali, b’ċentri ta’ appoġġ fil-komunitajiet; fil-ħaddiema tas-saħħa b’pagi aħjar; fi studenti li jidħlu għal karriera f’dan il-qasam bi stipendji daqs il-minimum wage; fil-professjonisti Malti li jaħdmu barra biex dawn jiġu lura jaħdmu f’pajjiżna; fil-kura tal-kanċer li tkun kollha b’xejn għall-pazjenti.

“Dan hu verament in-Nifs Ġdid li rridu nagħtu lil pajjiżna. Dan hu l-mument biex ningħaqdu flimkien biex nagħtu dan in-Nifs Ġdid”.

L-attività tmexxiet minn Kevin Curmi u għaliha kienu preżenti l-kandidati Għawdxin tal-PN. Il-kampanja elettorali tal-PN tkompli għada b’Mass Rally fil-qalba tal-Kottonera li jibda fil-11am.

30.04.2026