Ninvestu fl-istudenti u l-isportivi, u nsaħħu l-isport b’Ministru ddedikat għalih
AĦBAR

Ninvestu fl-istudenti u l-isportivi, u nsaħħu l-isport b’Ministru ddedikat għalih

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur il-Mediterranean College of Sport; jisħaq fuq l-importanza li niftħu aktar opportunitajiet għat-tfal u ż-żgħażagħ fl-isport

Gvern ġdid Nazzjonalista jkompli jeleva lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-isport u jsaħħaħ aktar lill-isportivi kollha billi jkollna Ministru ffukat esklussivament fuq l-isport.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal dan waqt żjara fil-Mediterranean College of Sport f’Birkirkara fejn – akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Isport u l-Volontarjat David Agius, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Dione Borg – dar il-kumpless u ra kif bosta studenti qed jibbenefikaw minn mudell edukattiv li qed jgħaqqad b’suċċess l-akkademja u l-isport biex jagħtihom l-iżvilupp olistiku li jixtiequ. Alex Borg iltaqa’ wkoll mal-istudenti ta’ din l-iskola indipendenti waqt li kienu qed jipprattikaw id-diversi dixxiplini sportivi.

Iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, Natalie Briffa Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-istess Grupp Pio Vassallo flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ Charlò Bonnici, il-Kap tal-Iskola Mariucca Fenech u d-Direttur għall-Iżvilupp Sportiv u r-Reklutaġġ George Micallef laqgħu lil Alex Borg u lid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u filwaqt li dawruhom mal-faċilitajiet state-of-the-art li għandu dan il-Kulleġġ, spjegaw li hekk kif issa daħal fit-tieni sena akkademika, il-Kulleġġ illum għandu aktar minn 170 student bil-mira li s-sena d-dieħla dawn jitilgħu għal 345.

Il-Mediterranean College of Sport huwa mgħammar b’faċilitajiet tal-ogħla livell, b’gym estensiv, pitch professjonali tas-7-a-side, pixxina u saħansitra recovery room professjonali li tinkorpora fiha sauna, hot and cold baths u aktar.

Apparti s-suġġetti akkademiċi, dan il-Kulleġġ joffri taħriġ fil-futbol, fil-water polo, l-għawm u l-għawm artistiku, fil-ġinnastika artistika, fil-karate, fl-ibburdjar, fit-tennis, fil-padel, fil-basketball u fiż-żfin, fost oħrajn.

Alex Borg żar ukoll il-klassijiet li fihom isir it-tagħlim akkademiku hekk kif il-Kulleġġ joffri tista’ tgħid is-suġġetti akkademiċi importanti kollha. Bħalissa fil-Kulleġġ hemm studenti kemm ta’ età primarja kif ukoll sekondarja u akbar, fil-livell ta’ Sixth Form.

It-tmexxija tal-Kulleġġ spjegat kif dan qed jilqa’ wkoll numru ta’ studenti bi scholarships u li jittamaw li jkun hemm aktar studenti li jingħataw din l-opportunità.

Min-naħa tiegħu, Alex Borg wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss se jagħti s-sostenn sħiħ lil kulleġġi bħal dawn, imma se jiżgura wkoll li aktar tfal u żgħażagħ ikunu jistgħu jibbenefikaw minn scholarships biex igawdu minn dak kollu li għandu x’joffri l-Mediterranean College of Sport.

Hu temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jemmen verament li kull tifel u tifla, kull żagħżugħ u żagħżugħa, għandu jkollhom l-opportunità li jivżiluppaw mhux biss akkademikament imma anke fid-dixxiplini sportivi li jħobbu.

Dan mhux biss jissarraf f’atleti ta’ suċċess imma fuq kollox f’ċittadini b’saħħithom.

15.04.2026