“Pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax” – il-PN iniedi l-Festi tal-Indipendenza 2026
Il-messaġġ taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza ta’ din is-sena huwa wieħed ta’ tama iżda wkoll ta’ determinazzjoni. Malta ġġieldet biex tkun ħielsa u indipendenti. Illum għandna d-dmir li nħarsu dak li ksibna billi nkomplu naħdmu favur il-verità, il-ġustizzja u istituzzjonijiet li verament jaqdu liċ-ċittadin. Pajjiż li ġġieled għall-ħelsien u l-indipendenza se jibqa’ jiġġieled għall-ġustizzja.
Wara tmien snin, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza jirritornaw fuq il-Fosos tal-Furjana bejn it-18 u l-20 ta’ Settembru – il-qofol jintlaħaq bil-Mass Meeting indirizzat minn Alex Borg u bit-tlugħ tal-bandiera Maltija f’nofsillejl
“Pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax.”
Dan huwa l-messaġġ li bih il-Partit Nazzjonalista se jfakkar is-62 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta, b’sensiela ta’ attivitajiet li din is-sena se jaraw ir-ritorn tal-Festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana wara nuqqas ta’ tmien snin.
Waqt żjara fuq il-Fosos biex isegwu t-tħejjijiet għall-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u t-Teżorier tal-PN Veronica Perici Calascione spjegaw kif 62 sena ilu, Malta bdiet tiddeċiedi d-destin tagħha bħala pajjiż sovran u indipendenti. Iżda l-Indipendenza mhijiex biss ġrajja li seħħet fl-1964. Il-libertà trid tibqa’ titħares u tiġi difiża kuljum.
Pajjiż tassew ħieles huwa pajjiż fejn il-ġurnalisti jistgħu jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’; fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu mingħajr indħil; fejn il-verità tista’ toħroġ; fejn iċ-ċittadin ma jibżax mill-poter; u fejn ħadd ma jkun ’il fuq mil-liġi.
Fid-dawl ta’ dak li ħareġ mill-ġuri dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, pajjiżna għadu qed jiffaċċja mistoqsijiet serji dwar il-ġustizzja, ir-responsabbiltà u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet.
Għalhekk, il-messaġġ taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza ta’ din is-sena huwa wieħed ta’ tama iżda wkoll ta’ determinazzjoni. Malta ġġieldet biex tkun ħielsa u indipendenti. Illum għandna d-dmir li nħarsu dak li ksibna billi nkomplu naħdmu favur il-verità, il-ġustizzja u istituzzjonijiet li verament jaqdu liċ-ċittadin. Pajjiż li ġġieled għall-ħelsien u l-indipendenza se jibqa’ jiġġieled għall-ġustizzja.
Din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet se jkollhom ukoll sinifikat simboliku importanti, hekk kif wara nuqqas ta’ tmien snin il-Festi tal-Indipendenza se jsiru mill-ġdid fuq il-Fosos tal-Furjana – id-dar naturali tagħhom ftit passi ‘l bogħod mix-Xagħra tal-Furjana fejn kienet saret iċ-ċerimonja tal-Indipendenza.
Il-Fosos huma marbuta ma’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin li matul is-snin inġabru hemm biex jiċċelebraw l-Indipendenza u mumenti importanti fl-istorja politika ta’ Malta.
Bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Settembru, il-Fosos se jerġgħu jinbidlu fi spazju miftuħ għal kulħadd, b’attivitajiet ta’ politika u diskussjoni, iżda wkoll divertiment għall-familji u ż-żgħażagħ, sport, mużika, ikel u spettaklu. (ara l-programm sħiħ aktar ‘l isfel).
Il-Partit Nazzjonalista ħabbar tliet spettakli kbar li se jkunu qed jittellgħu fuq il-palk prinċipali matul dawn it-tlett ijiem. Fl-ewwel ġurnata, il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru, ABBAFever se jwasslu l-maġija tal-mużika tal-grupp Żvediż ABBA permezz ta’ spettaklu minn waħda mill-aktar tribute bands magħrufa fl-Ewropa. L-għada s-Sibt 19 ta’ Settembru, QueenMania featuring Giacomo Voli se jtellgħu spettaklu ddedikat lill-grupp leġġendarju Queen. Giacomo Voli huwa rebbieħ tal-programm televiżiv All Together Now u kien runner-up ta’ The Voice fl-Italja. Il-Ħadd 20 ta’ Settembru, wara l-Mass Meeting, il-band Pink’s One minn Siracusa se twassal vjaġġ mużikali mibni fuq ir-repertorju ta’ Pink Floyd.




L-attivitajiet se jerġgħu jinkludu wkoll l-esibizzjoni rottArti li fir-raba’ edizzjoni tagħha se tiġbor taħt saqaf wieħed fid-Dar Ċentrali xogħlijiet tal-arti minn 68 artist lokali u internazzjonali bejn l-24 ta’ Settembru u l-Ħadd 11 ta’ Ottubru. L-etajiet tal-artisti jvarjaw minn 17 sa 91 sena u l-wirja se tkun tinkludi diversi forom ta’ arti, fosthom tpinġija, pittura, skultura, ċeramika, bronż u fuħħar.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħaq il-Ħadd filgħaxija bil-Mass Meeting indirizzat minn Alex Borg, Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN, u aktar tard, mat-tokki ta’ nofsillejl, b’kommemorazzjoni awdjoviżiva u t-tlugħ tal-bandiera Maltija biex jitfakkar il-mument li fih Malta kisbet l-Indipendenza taħt it-tmexxija ta’ Ġorġ Borg Olivier 62 sena ilu.
Tnejn u sittin sena wara li Malta saret pajjiż indipendenti, irridu nkomplu naħdmu għal pajjiż ħieles. Pajjiż li ma jibżax.
Narawkom fit-18, id-19 u l-20 ta’ Settembru. Mill-ġdid fuq il-Fosos tal-Furjana.
11.09.2026
Programm tal-Festi tal-Indipendenza 2026
Il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru
- 18:30 – Ftuħ tal-food & bar stalls
- 18:30 – 5km Independence Run/Walk, organizzata minn TimSport PN, mill-Fosos mad-dawra tal-Belt Valletta u lura
- 19:00 – Kids Area u divertiment
- 20:00 – Diskussjoni politika
- 21:00 – ABBAFever, tribute show ta’ ABBA
- Wara – Karin Duff Unplugged Session fil-Lounge Area
Is-Sibt 19 ta’ Settembru
- 18:30 – Ftuħ tal-food & bar stalls
- 19:00 – Kids Area u divertiment
- 20:00 – Diskussjoni politika
- 21:00 – QueenMania featuring Giacomo Voli
- Wara – Krista Sujak Unplugged Session fil-Lounge Area
Il-Ħadd 20 ta’ Settembru – il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet
- 09:00 – Table Football fil-Każin La Vallette fil-Belt, organizzat minn Tim Sport PN u l-klabbs fi ħdan l-MTFSA
- 18:30 – Ftuħ tal-food & bar stalls
- 18:30 – Kids Area u divertiment
- 19:00 – Programm ta’ qabel il-Mass Meeting ma’ DJ Gabii u DJ Izak, flimkien ma’ Carl u Karla
- 19:30 – Tqegħid ta’ kuruna mal-Monument tal-Indipendenza minn uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista
- 20:30 – Mass Meeting indirizzat minn Alex Borg, Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN
- 21:30 – Post Meeting ma’ DJ Saydon
- 22:00 – Pink’s One, tribute band ta’ Pink Floyd
- Mat-tokki ta’ nofsillejl – kommemorazzjoni awdjoviżiva tal-Indipendenza u t-tlugħ tal-bandiera Maltija biex jitfakkar it-62 anniversarju mill-Indipendenza
It-Tnejn 21 ta’ Settembru – Jum l-Indipendenza
- 09:00 – Kompetizzjonijiet tal-isparar organizzati minn Tim Sport PN f’Ta’ Kandja u l-Bidnija flimkien mal-Malta Shooting Federation

