Pajjiżna jeħtieġ gvern b’viżjoni bħalma kien Gvern Nazzjonalista fil-gaming u niċeċ oħra
AĦBAR

Pajjiżna jeħtieġ gvern b’viżjoni bħalma kien Gvern Nazzjonalista fil-gaming u niċeċ oħra

Il-Kap tal-PN Alex Borg iżur in-National Lottery; jgħid li l-espansjoni fil-qasam tal-gaming fl-aħħar snin hija xhieda ta’ kif viżjoni ta’ Gvern tista’ tissarraf f’impjiegi ta’ kwalità u f’suċċess għall-ekonomija għal snin sħaħ

Il-viżjoni li kellu Gvern Nazzjonalista fil-qasam tal-gaming għadha sal-lum tħalli ħafna frott. Pajjiżna jeħtieġ gvern frisk b’viżjoni li tista’ tkompli tmexxih aktar ’il quddiem.

Waqt żjara fl-uffiċċji tan-National Lottery fl-Imrieħel, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li meta Gvern Nazzjonalista pprivatizza dak li kien id-Dipartiment tal-Lottu, dan kien pass ’il quddiem li ssarraf fis-suċċess li llum hija l-Lotterija Nazzjonali.

L-IZIGROUP, li jopera n-National Lottery, jimpjega mal-550 ħaddiem  u huwa l-akbar grupp tal-gaming f’pajjiżna li huwa mħaddem minn Maltin, bin-National Lottery issa estendiet il-firxa ta’ servizzi tagħha, kemm mill-fergħat tagħha kif ukoll online.

Iċ-Chief Commercial Officer tal-Grupp Franco De Gabriele, li laqa’ lid-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, qal li s-settur tal-gaming baqa’ jikber u jiżviluppa mas-snin u dan iġib miegħu diversi sfidi, fosthom biex wieħed isib ħaddiema mħarrġa u biex jibqa’ kompetittiv f’suq dejjem jinbidel.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss irid jara li l-qasam tal-gaming jibqa’ b’saħħtu f’pajjiżna imma jrid jassigura wkoll li jibqa’ joffri dejjem aktar opportunitajiet lill-ħaddiema Maltin permezz ta’ impjiegi ta’ kwalità fejn jistgħu jibqgħu jimirħu fil-karriera tagħhom.

Bħalma għamel bil-qasam tal-gaming, Gvern Nazzjonalista jrid jiġbed lejn pajjiżna niċeċ ġodda li jistgħu jibqgħu isaħħu lil Malta u lil Għawdex tul is-snin.

Għal din iż-żjara kienu wkoll preżenti l-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione, ix-Shadow Minister Ryan Callus u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Joseph Grech.

21.04.2026