Pajjiżna ma jistax jimxi ‘l quddiem mingħajr ma jinvesti fl-infrastruttura
Filwaqt li n-nefqa rikorrenti tal-Gvern qegħda dejjem tikber, dik fil-proġetti kapitali qegħda tonqos. Minflok ma qed ninvestu aktar fl-infrastruttura tal-pajjiż biex issostni t-tkabbir fil-popolazzjoni, qed ninvestu inqas.
Waqt laqgħa maċ-Chamber of SMEs, il-Kap tal-PN Alex Borg saħaq fuq il-bżonn ta’ investiment serju fl-infrastruttura tal-pajjiż
Filwaqt li n-nefqa rikorrenti tal-Gvern qegħda dejjem tikber, dik fil-proġetti kapitali qegħda tonqos. Minflok ma qed ninvestu aktar fl-infrastruttura tal-pajjiż biex issostni t-tkabbir fil-popolazzjoni, qed ninvestu inqas.
Waqt laqgħa ta’ qabel il-Budget ma’ delegazzjoni miċ-Chamber of SMEs, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li huwa inkwetanti li minkejja l-wegħda ta’ qabel l-elezzjoni mill-Partit Laburista dwar investiment fit-trasport tal-massa, illum jidher li hemm diskrepanza kbira bejn dak li qed jgħid il-Ministru responsabbli mill-mobbiltà u l-Ministru tal-Finanzi, li qed jixħet dubji kbar dwar jekk dan il-proġett jistax jitwettaq.

Huwa semma diversi oqsma oħra li jeħtieġu pjan serju u investiment bi pjan, fosthom l-enerġija, fejn qal li rridu nkunu aktar ambizzjużi fl-investiment fl-enerġija rinovabbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-qagħda ekonomika, fejn sostna li rridu niżguraw li t-tkabbir qed jissarraf f’titjib reali kemm għan-negozji kif ukoll għan-nies.

Fejn tidħol il-produttività, il-Malta Chamber of SMEs qalet li dak li qed jitkellem dwaru l-Partit Nazzjonalista huwa rifless f’diversi proposti tagħha u qalet li jkun żball jekk ma nifhmux li l-problemi li għandu l-pajjiż għandhom jiġu indirizzati b’mod olistiku u kollettiv.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni se tkompli bil-ħidma tagħha anke fejn tidħol il-governanza u se tkun qed tara li fil-Parlament ikun hemm diskussjoni serja li twassal għall-implimentazzjoni tar-riformi li hemm bżonn, sabiex in-nies u n-negozji jerġgħu jiksbu fiduċja fl-istituzzjonijiet, għax dan ukoll jimpatta n-negozji ta’ pajjiżna.
Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Kapitali Darren Carabott.
08.10.2026
