Pajjiżna qed isejħilna: issa l-mument li tqumu u tgħidu “hawn jien, lest li nagħmel il-parti tiegħi”
Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza Mass Meeting fir-Rabat Għawdex: Nhar is-Sibt Malta se tgħajjat għal Nifs Ġdid imma Għawdex se jwerżaq għal Nifs Ġdid; Gvern Nazzjonalista se jkun il-gvern ta’ kulħadd
Il-Kap tal-PN Alex Borg jindirizza Mass Meeting fir-Rabat Għawdex: Nhar is-Sibt Malta se tgħajjat għal Nifs Ġdid imma Għawdex se jwerżaq għal Nifs Ġdid; Gvern Nazzjonalista se jkun il-gvern ta’ kulħadd
Is-siegħa tal-Maltin qiegħda fostna. Pajjiżna qed isejħilna. Issa l-mument li tqumu u tgħidu “hawn jien, lest li nagħmel il-parti tiegħi”.
Quddiem folla entużjasta fil-gżira ta’ twelidu, Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li llum qegħdin hawn biex ngħidu iva, wasalna sa hawn flimkien, imma wkoll biex ilkoll flimkien nagħtu Nifs Ġdid lil Malta u lil Għawdex.
Fir-Rabat Għawdex, erbat ijiem biss qabel ma nhar is-Sibt il-poplu jivvota fl-elezzjoni ġenerali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal lil dawk preżenti “jien illum qiegħed hawn mhux biex inkellimkom bħala l-Kap tal-Partit imma biex inkellimkom bħala l-Alex li tafu intom. Alex li hu kburi li hu minn Għawdex u li jibqa’ b’qalbu mal-Għawdxin”.
Hu beda billi sellem lil dawk li sejjaħ żewġ ikoni li għamlu ġid kbir għall-gżira ta’ Għawdex – lil Giovanna Debono, li wegħedha li se jkompli jħaddan il-politika tan-nies li dejjem ħaddnet hi, u lil Anton Tabone li kien preżenti għall-Mass Meeting fir-Rabat. Lil Anton Tabone, Alex Borg wiegħdu li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja u l-PN ikun fil-gvern, iwettaq il-ħolma tiegħu u Għawdex jagħmlu reġjun.

Alex Borg qal li kien propju minn Għawdex li tgħallem u għamel il-kuraġġ li jibda l-vjaġġ politiku tiegħu, u sostna li llum iħossu mċekken li jissejjaħ il-Kap tal-Partit li welled lil Malta Indipendenti, lil Malta Ewropea u lill-Malta li se jagħti Nifs Ġdid lill-poplu tagħha.
Il-Kap tal-PN qal li jrid li Għawdex ma jibqax afterthought imma jkun mutur b’saħħtu. “Għawdex għandu l-identità tiegħu u għandu l-kuraġġ, u rrid nagħtih l-opportunità li jilħaq l-aqwa potenzjal tiegħu”.
Hu qal li tul dawn l-erba’ ġimgħat il-Partit Nazzjonalista mexxa kampanja pożittiva msejsa fuq politika li tgħaqqad nazzjon; politika li tista’ tagħti futur sabiħ għall-ġenerazzjonijiet kollha.

Alex Borg qal li bħalma wiegħed mal-ġurament tal-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, hu qiegħed ta’ kuljum iħaddan politika tal-bajda u l-ħamra, u qal li jekk il-poplu jagħti l-fiduċja tiegħu lill-Partit Nazzjonalista, Gvern Nazzjonalista la se jkun gvern li jkeċċi n-nies u lanqas wieħed li jiddistingwi bejn l-aħmar u l-blu. “Aħna se nkunu gvern ta’ kulħadd. Sew jekk int Nazzjonalist, Laburist jew ma tivvutax, tista’ taħdem magħna”.
Alex Borg qal li fil-komunità żgħira ta’ Għawdex hemm ħafna li jibżgħu jsemmgħu leħinhom imma serraħ ras kulħadd li ħadd m’għandu għalfejn jibża’ minn Gvern Nazzjonalista li jrid isaħħaħ lil Għawdex u lill-Għawdxin. Huwa sostna li jrid imexxi gvern li jkun ta’ kulħadd u li joħloq il-ġid għal kulħadd.
Gvern Nazzjonalista jara li Għawdex ma jibqax jissemma biss lejliet l-elezzjoni imma jkun fiċ-ċentru tal-pjan nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista. Alex Borg qal li hu jħares lejn Għawdex b’tama, u jibdel l-isfidi f’opportunitajiet. Filwaqt li ħaddieħor ma rax il-potenzjal tan-nies, il-Partit Nazzjonalista ra li n-nies għatxana għal Nifs Ġdid.
Alex Borg qal li għal ħaddieħor ekonomija b’saħħitha tfisser numri fuq il-karta, imma għall-Partit Nazzjonalista l-ekonomija tkun b’saħħitha meta n-nies ikunu qed jgħixu aħjar.

Il-Kap tal-PN indirizza lil dawk li dejjem ivvutaw lill-Partit Laburista u llum m’għadhomx jidentifikaw ruħhom mal-partit li dejjem ħaddnu, u qalilhom biex ma jibżgħux jagħżlu Nifs Ġdid bħalma ma beżgħux Ivan Bartolo, Charles Azzopardi, Edmond Cuschieri u Conrad Borg Manchè li lkoll ħassew li l-Partit Laburista m’għadux jirrappreżentahom u ngħaqdu mal-Partit Nazzjonalista. Appella lil dawk li snin ilu kienu jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista imma fl-aħħar snin ivvutaw lil ħaddieħor u qalilhom biex jerġgħu jkollhom il-kuraġġ li jagħrfu l-bżonn ta’ bidla. Lil dawk li jħossuhom tilfu l-fiduċja fil-politika qalilhom “ingħaqdu magħna f’din il-mixja sabiħa ħalli nagħmlui l-ġid u nibnu lil Malta u lil Għawdex”.
Alex Borg għadda wkoll messaġġ ċar dwar id-delizzji. Hu qal li lllum jista’ jgħid b’umiltà u bi kburija, li jgħid x’jgħid ħaddieħor, il-kaċċa u l-insib ikunu salvagwardjati. “Ħaddieħor ħa jbeżża’ bil-passat għax għadu mwaħħal 13-il sena ilu. Jien qed inħares biss lejn il-futur u miegħi tafu fejn qegħdin”.
Il-Kap tal-PN qal li dan hu l-mument li nieqfu għall-arroganza, tal-passat, tal-mibegħda u tal-blu u l-aħmar. Irridu naħsbu biss fl-interess nazzjonali.

Alex Borg irringrazzja lill-media tal-partit, lill-ġurnalisti, lill-ħaddiema tal-partit, lill-voluntiera, lil dawk li ħadmu fis-skiet u lil dawk li wieġbu għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista u mlew il-pjazez fl-attivitajiet tul din il-kampanja.
“Fit-30 ta’ Mejju m’għandniex għażla bejn żewġ partiti imma għażla fuq il-futur ta’ pajjiżna. Jew more of the same jew Nifs Ġdid. Alex waħdu mhux se jagħmilha. Imma bikom miegħi nista’ nagħmilha. Is-siegħa tagħna waslet: qumu u għidu hawn jien, lest biex nagħmel il-parti tiegħi”.
Qabel id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellmu wkoll Noel Formosa u Abigail Micallef.

Noel Formosa, Sindku Nazzjonalista ta’ San Lawrenz, qal li din hi elezzjoni providenzjali għaliex il-poplu għandu ċ-ċans jerġa’ jpoġġi lill-pajjiż fuq il-binarji t-tajbin lejn żvilupp sostenibbli. Huwa qal li Gvernijiet Nazzjonalista dejjem ħadu deċiżjonijiet favur Għawdex u l-Għawdxin – deċiżjonijiet li għadna ngawdu minnhom illum. Semma kif il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista li welled Malta Ewropea ssarrfet f’investimenti b’saħħithom tul dawn is-snin kollha.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern dejjem kien gvern li jħaddem politika li trendi lura lin-nies. U hekk se jerġa’ jkun – gvern li se jħallilek aktar flus fil-but, se jagħtik ġustizzja fit-taxxa tas-suċċessjoni, aktar ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali tiegħek, u politika li tħares kemm lejn il-familji kif ukoll lejn persuni single. Noel Formosa radd ħajr lil Alex Borg talli f’dawn is-seba’ xhur irnexxielu jagħti nifs ġdid lill-Partit Nazzjonalista. “Grazzi, għażiż Alex, talli qed toffri ż-żgħożija tiegħek lill-pajjiż. Grazzi talli fejjaqt il-grieħi ta’ ħafna nies. Grazzi talli llum qed toffri tama lil ħafna Maltin u Għawdxin. Kuraġġ. It-tiġrija qatt ma kienet daqshekk sabiħa”.

Min-naħa tagħha, il-Viċi Sindku ta’ Ta’ Kerċem Abigail Micallef tkellmet bħala żagħżugħa Għawdxija ta’ 22 sena li dejjem emmnet li ż-żgħażagħ posthom hu fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet, għaliex il-bidla tiġi meta jkun hemm nies li jemmnu li jistgħu jagħmlu differenza. Qalet li għalkemm hi qatt ma ħasbet li kienet se tkun attiva fil-politika, illum, għax kien hemm xi ħadd li emmen fiha, il-politika hija l-ħajja tagħha ta’ kuljum. Iż-żgħożija iġġib magħha enerġija u ideat fil-politika.
Abigail Micallef qalet li fl-aħħar sentejn tgħallmet ħaġa importanti: li politika li tagħmel id-differenza l-ewwel tisma’, imbagħad tiddjaloga u twettaq. Hekk dejjem għamel Gvern Nazzjonalista, u hekk se jerġa’ jagħmel b’Alex Borg Prim Ministru – b’investiment f’konnettività aħjar, aktar vapuri u tkabbir tal-Port tal-Imġarr, iżda wkoll b’politika li tifhem li Għawdex hu komunità, identità, volontarjat, għaqdiet, festi u nies. Hi qalet li temmen f’Alex Borg – għax minkejja li hu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista hu jibqa’ bniedem ġenwin, umli u qrib in-nies – Kap li jisma’, jifhem u jagħti tama lil ġenerazzjoni ġdida li trid tibqa’ ssejjaħ lil Għawdex u Malta d-dar tagħha. Hi qalet li temmen li l-bidla hi possibbli u li Alex Borg jista’ jġib il-bidla li nixtiequ, u li temmen li din hi ġenerazzjoni li tista’ tagħti Nifs Ġdid lill-pajjiż.
L-attivitajiet tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista jkomplu għada fis-6.30pm fin-Naxxar, b’attività politika bis-sehem tal-Kap tal-PN Alex Borg.
Għada wkoll għall-ħabta tad-9.15pm jixxandar id-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir fuq TVM bejn Alex Borg u Robert Abela.
26.05.2026











