Partit Laburista li wiegħed ħafna u ma wettaqx
AĦBAR

Partit Laburista li wiegħed ħafna u ma wettaqx

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif il-Partit Laburista tul is-snin għamel ħafna wegħdi li baqgħu biss paroli fil-manifesti elettorali; “nemmnu li nistgħu nagħtu Nifs Ġdid lilek u lil pajjiżna”

Tliet sptarijiet state-of-the-art: St Lukes, Karin Grech u sptar ġdid għall-Għawdxin. Dawn kienu mhux biss imwiegħda imma mħallsa b’aktar minn €900 miljun minn flus il-poplu, imma l-isptarjiet state-of-the-art issa għadhom biss taħżiża fuq karta. Il-wegħda tal-investiment massiċċ fis-saħħa tal-poplu, u li  fil-fatt spiċċat inbidlet fl-akbar serqa lill-Maltin u l-Għawdxin hi biss waħda minn lista sħiħa ta’ wegħdi li għamel il-Partit Laburista fil-Gvern u li baqgħu biss paroli. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Adrian Delia, Mark Anthony Sammut u l-kandidata ġdida Annabelle Cilia, il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja li Robert Abela qed jgħid li wettaq 82% tal-wegħdi elettorali, huwa ċar li dan mhux minnu. Jekk wieħed iniedi studju fuq wegħda dan ma jfissirx li din twettqet.

Il-wegħda ta’ Ċentru Reġjonali tas-Saħħa fit-Tramuntana taret mar-riħ. Ċentri oħra fil-lokalitijiet ingħalqu u baqgħu magħluqa, St Luke’s – li kellu jiġi rinnovat – jinsab fi stat tal-biki, Karin Grech għadu mitluq u l-Għawdxin għadhom jistennew l-istpar ġdid li issa ilhom iwegħduhom snin twal. Anke ċ-Ċentru Ċensu Moran, li dam ġej is-snin, għadu qed joffri biss nofs is-servizzi li suppost joffri. 

Illum, il-Partit Laburista qed jerġa’ jagħmel ħafna wegħdi. Ftit ġranet ilu Chris Bonett, it-tielet Ministru Laburista li kellu jsolvi l-problema tat-traffiku, ippreżenta proġett ieħor għat-trasport tal-massa. Imma ftit sigħat wara, Clyde Caruana, l-eks Ministru tal-Finanzi, qal li hu mhu se jiffirma għall-ebda proġett tat-trasport tal-massa.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista elenkaw lista sħiħa ta’ wegħdi li għamel fl-aħħar manifest elettorali l-Partit Laburista fil-qasam tal-enerġija. Wegħdi li baqgħu ma twettqux jinkludu t-tieni interconnector li suppost ilu jopera sena, skemi għad-djar għall-enerġija rinnovabbli, investiment serju fl-enerġija offshore, u investiment biex tissaħħaħ is-sistema tal-elettriku biex il-familji Maltin ma jispiċċawx bla dawl f’nofs is-sajf. Iżda minkejja l-ħafna kliem sabiħ, minn dan kollu ftit li xejn sar.

Il-Partit Laburista spiċċa jilgħab bl-enerġija ta’ pajjiżna meta ħalla li naslu erba’ xhur biss bogħod qabel jiskadi l-kuntratt għall-provvista tal-gass u issa spiċċa dahru mal-ħajt ma jistax jinnegozja u se jkollu jagħmel arranġamenti għal  perjodi qosra ta’ provvista. 

Dan kollu, qalu l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista, jikxfu Partit Laburista li bil-kliem jgħid ħafna, imma li meta jkun fil-gvern ma jwettaqx.

In-nies iridu gvern kredibbli. Gvern li jwettaq dak li qed iwiegħed. Gvern li jrid isolvi l-problemi ta’ kuljum – l-istress tat-traffiku, il-problema tad-drenaġġ fil-baħar, il-waiting lists fl-isptarijiet, il-problema biex wieħed isir sid ta’ daru. Dawn mhumiex ħolm imma r-realtajiet tan-nies li jeħtieġu gvern li jifhimhom u li jagħtihom soluzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri Nifs Ġdid – mhux biss bil-kliem imma b’direzzjoni ċara li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, għal ambjent aktar san u aktar nadif, għal infrastruttura li taħdem. “In-nies iridu soluzzjonijiet fit-tul u għall-futur – Gvern li jagħti tama reali li int tista’ tgħix ħajja aħjar. Nemmnu li pajjiżna jista’ jagħmel aħjar. Nemmnu li nistgħu nagħtu Nifs Ġdid lilek u lil pajjiżna”. 

28.04.2026