Pjan serju għall-popolazzjoni u l-immigrazzjoni: inqas burokrazija, aktar sigurtà u identità Maltija mħarsa
AĦBAR

Pjan serju għall-popolazzjoni u l-immigrazzjoni: inqas burokrazija, aktar sigurtà u identità Maltija mħarsa

Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar sitt miżuri konkreti biex Malta jkollha kontroll, ippjanar u direzzjoni f’qasam li qed jaffettwa l-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin

Il-Kap tal-PN Alex Borg iħabbar sitt miżuri konkreti biex Malta jkollha kontroll, ippjanar u direzzjoni f’qasam li qed jaffettwa l-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin

Gvern responsabbli jindirizza b’serjetà l-isfida tal-popolazzjoni u l-immigrazzjoni u Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħmel dan permezz ta’ pjan konkret mibni fuq tliet prijoritajiet ċari: li tonqos burokrazija għal min iħaddem u għaċ-ċittadini, li jkollna ppjanar nazzjonali li jlaħħaq mal-livelli tal-popolazzjoni, u li jkollna aktar sigurtà fil-komunitajiet tagħna.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-popolazzjoni u l-immigrazzjoni, indirizzata wkoll mill-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott.

Alex Borg qal li dan hu suġġett sensittiv, iżda proprju għalhekk għandu jiġi indirizzat b’responsabbiltà, serjetà u kuraġġ. Huwa qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħoss l-effetti ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni fuq il-ħajja ta’ kuljum: fuq l-infrastruttura, is-servizzi pubbliċi, is-sigurtà, l-identità Maltija u l-kwalità tal-ħajja.

Għalhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq sitt miżuri ewlenin:

  1. Riforma olistika fis-sistema tal-permessi ta’ residenza u xogħol
    Jinħolqu żewġ one-stop shops separati u ċari: waħda għaċ-ċittadini Maltin u Ewropej, responsabbli minn servizzi bħall-passaporti, karti tal-identità, reġistrazzjoni ta’ atti pubbliċi, atti ta’ stat ċivili u ċertifikati ta’ residenza; u oħra għal min iħaddem u għal ċittadini minn pajjiżi terzi, responsabbli mill-visas, permessi tax-xogħol u permessi ta’ residenza. B’hekk min iħaddem ma jibqax maqbud f’burokrazija żejda, dewmien u sistemi paralleli.
  2. Awtorità ġdida responsabbli mil-livelli tal-popolazzjoni
    Din l-awtorità tkun responsabbli biex tfassal politika nazzjonali mibnija fuq studji, pjanar u tbassir serju biex pajjiżna jsib il-bilanċ li tilef fl-aħħar snin mingħajr ma jkun hemm xokkijiet fl-ekonomija. Din l-awtorità tippubblika studju tas-suq tax-xogħol settur b’settur (Labour Market Research Study), tniedi pjan dwar il-popolazzjoni (Malta Population Levels Plan) b’rabta mal-permessi tax-xogħol u residenza, u tfassal pjan li jagħti direzzjoni ċara dwar il-bżonnijiet infrastrutturali tal-pajjiż (National Capacity Plan).
  3. Kors bażiku fil-lingwa Maltija għal ħaddiema minn pajjiżi terzi f’servizzi ta’ kuntatt mal-pubbliku
    Kull ċittadin minn pajjiż terz li jaħdem f’servizz b’kuntatt dirett mal-pubbliku jkun mitlub isegwi kors bażiku fil-lingwa Maltija fi żmien sena minn meta jidħol jaħdem f’Malta. Din hi miżura ta’ integrazzjoni, rispett lejn il-konsumatur u ħarsien tal-identità Maltija.
  4. Task Force konġunta għas-sigurtà tan-nazzjon
    Tinħoloq skwadra speċjalizzata u konġunta bejn il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Korp tal-Pulizija, responsabbli mill-infurzar tal-fruntieri u t-territorju Malti, ir-ripatriazzjoni ta’ persuni li jkunu f’Malta illegalment, u ħidma speċjalizzata kontra t-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-persuni.
  5. Investiment fil-Forzi Armati u fil-Korp tal-Pulizija f’Għawdex
    Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fl-infrastruttura u fir-riżorsi tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Korp tal-Pulizija f’Għawdex, biex ikun hemm aktar preżenza, aktar infurzar u aktar serħan il-moħħ għall-familji Għawdxin. Dan jinkludi wkoll aktar suldati u pulizija Għawdxin jaħdmu f’Għawdex stess.
  6. Riforma tal-Immigration Appeals Board
    L-Immigration Appeals Board jiġi riformat biex ikun aktar indipendenti, trasparenti u kredibbli. Dan il-bord ikun presedut minn Maġistrat u b’proċessi li jnaqqsu l-opportunità jew il-perċezzjoni ta’ influwenza politika.

Alex Borg qal li fl-2013 il-popolazzjoni ta’ Malta kienet ta’ madwar 420,000 persuna, fosthom madwar 20,000 barrani. Illum il-popolazzjoni hi ta’ madwar 570,000 persuna, b’madwar 170,000 barrani. Huwa qal li ftit ilu l-Ministru Clyde Caruana kkonferma pubblikament li jekk il-mudell ekonomiku jibqa’ dak preżenti, fi żmien 14-il sena l-popolazzjoni ta’ Malta mistennija titla’ għal madwar 800,000 persuna, b’madwar nofshom ikunu barranin.

Il-Kap tal-PN sostna li ħafna nies jinsabu mħassba fuq diversi punti: min iħaddem huwa mħasseb għax qed jiffaċċja nuqqas ta’ ħaddiema u proċessi twal u frustranti biex jingaġġa, filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin qed jinkwetaw dwar is-sigurtà, l-infrastruttura li mhix tlaħħaq, servizzi li qed jogħtru u s-sens li  l-identità Maltija li qed tiddgħajjef.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-pajjiż għandu bżonn mudell ġdid li ma jħallix l-immigrazzjoni u ż-żieda fil-popolazzjoni jimxu bla direzzjoni. Dan mhux suġġett partiġjan, iżda suġġett nazzjonali importanti li jolqot serjament il-futur ta’ Malta u Għawdex.

Darren Carabott tkellem dwar il-bżonn li l-pajjiż ikollu istituzzjonijiet li jaħdmu b’mod aktar effiċjenti, trasparenti u responsabbli, b’politika li tagħti ċertezza lil min iħaddem, tipproteġi lill-ħaddiema u fl-istess ħin tħares l-interess nazzjonali.

Permezz ta’ dawn il-miżuri, Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas drastikament il-burokrazija, jibni infrastruttura li tlaħħaq mad-domanda tal-pajjiż, isaħħaħ is-servizzi pubbliċi, iħares l-identità Maltija u jżid is-sigurtà fil-komunitajiet tagħna.

Alex Borg temm jgħid li l-għan tal-Partit Nazzjonalista hu li kull persuna f’Malta u Għawdex ikollha aċċess għal servizzi ta’ kwalità u fil-ħin, tgħix b’sens ta’ sigurtà u serħan il-moħħ, u jkollha ħajja aktar komda u fil-paċi mal-familja tagħha.

14.05.2026