100 jum ta’ gvern ‘ġdid’: il-Labour ifakkar il-kontinwità ta’ 13-il sena ta’ fallimenti
Illum il-Partit Laburista se jipprova jbigħ l-ewwel 100 jum tiegħu f’din il-leġiżlatura bħala bidu ġdid. Iżda għall-poplu Malti u Għawdxi ma nbidel xejn, għax il-problemi li kellhom in-nies qabel it-30 ta’ Mejju huma l-istess problemi li għandhom illum – bl-istess skużi tal-istess gvern għajjien li ilu 13-il sena fil-poter. Dan hu gvern li għandu fuqu d-dnubiet ta’ dak ta’ qablu. Il-poplu llum induna kemm il-ħolm tiegħu fir-realtà mhux il-proġett li kellu f’moħħu Robert Abela.
- Il-Gvern ‘ġdid’ Laburista mhu xejn għajr il-Gvern l-antik b’terminu ġdid, gvern li qed iġorr id-dnubiet ta’ dak ta’ qablu
- Fl-ewwel 100 jum baqa’ jirreżisti l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
- Robert Abela spiċċa jiġi mwissi minn imħallef li jpoġġi l-interessi partiġjani qabel dawk nazzjonali
- Mank irnexxielu jwettaq nofs ir-riformi leġiżlattivi li wiegħed li se jwettaq fl-ewwel 100 jum – Prim Ministru assenti. Prim Ministru fuq vaganza
- Waqt li l-Labour jiċċelebra l-poter, in-nies qed ikomplu jħallsu l-prezz tan-nuqqasijiet tal-Istat, ta’ nuqqas ta’ ppjanar, ta’ kompetenza u ta’ kontabbiltà
Illum il-Partit Laburista se jipprova jbigħ l-ewwel 100 jum tiegħu f’din il-leġiżlatura bħala bidu ġdid. Iżda għall-poplu Malti u Għawdxi ma nbidel xejn, għax il-problemi li kellhom in-nies qabel it-30 ta’ Mejju huma l-istess problemi li għandhom illum – bl-istess skużi tal-istess gvern għajjien li ilu 13-il sena fil-poter. Dan hu gvern li għandu fuqu d-dnubiet ta’ dak ta’ qablu. Il-poplu llum induna kemm il-ħolm tiegħu fir-realtà mhux il-proġett li kellu f’moħħu Robert Abela.
F’mitt jum, pajjiżna reġa’ għadda minn qtugħ twil tad-dawl. Il-Gvern Laburista għal sajf ieħor ħalla familji fis-sħana u fid-dlam, anzjani u persuni vulnerabbli jinkwetaw, u negozji jinkwetaw fuq prodotti, apparat u dħul li spiċċaw tilfu. Il-kumpens imwiegħed għadu ma wasalx għand min ħallas il-prezz tan-nuqqas ta’ investiment u ppjanar tal-Gvern.
Fl-istess żmien, l-Isptar Mater Dei baqa’ taħt pressjoni u ffullat, filwaqt li s-sistemi diġitali tal-Gvern fallew b’konsegwenzi fuq ir-riżultati tal-MATSEC, il-MyHealth, il-Qrati, it-taxxa u r-Reġistru tal-Kumpaniji. Wara 13-il sena, il-Labour għadu ma jistax jiggarantixxi servizzi pubbliċi bażiċi li jaħdmu meta ċ-ċittadin ikollu bżonnhom.
Fit-toroq, is-sitwazzjoni kompliet sejra lura. Mill-2013 żdiedu madwar 140,000 vettura, minkejja mijiet ta’ miljuni minfuqa u slogan wara slogan dwar it-trasport. Il-familji qed jitilfu aktar ħin fit-traffiku, waqt li l-Gvern għadu mingħajr pjan serju u fit-tul għall-mobilità, imma l-aqwa li Robert Abela qalilna li issa ħafna Maltin għandhom il-boat.
Il-pressjoni kbira fuq il-poplu, fuq il-pajjiż u fuq l-infrastruttura tagħna, riżultat ta’ mudell ekonomiku li l-Gvern Laburista kien daħħal bla konsultazzjoni ma’ ħadd se tkompli tinħass hekk kif hu ovvju anke minn kliem Robert Abela fl-aħħar jiem, li m’ hemm l-ebda intenzjoni li nikkontrollaw iż-żieda fil-popolazzjoni. Anzi, skont Abela l-popolazzjoni se tkompli tikber b’14,000 kull sena. Dan hu l-istess mudell li stħarriġ wara l-ieħor sab li se jdaħħalna ġol-ħajt.
L-għoli tal-ħajja kompla jagħfas u l-prezzijiet tad-djar żdiedu kważi 7% f’sena. Fl-istess waqt, id-dejn tal-Gvern ċentrali tela’ għal €11.7 biljun — €540 miljun aktar minn sena qabel — u l-iżbilanċ bejn Jannar u Lulju laħaq €552 miljun. Dan mhuwiex investiment fi kwalità ta’ ħajja aħjar, imma kont dejjem akbar li l-Gvern qed iħalli biex jitħallas mill-familji u mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Il-Gvern qed joħloq ukoll dubji serji dwar il-linja tal-ajru l-ġdida. Filwaqt li investa €350 miljun f’fondi pubbliċi fil-KM Malta Airlines u nefaq aktar minn €2.5 miljun f’konsulenzi, il-Gvern qed iħalli lill-kontribwenti fid-dlam dwar l-investiment tagħhom hekk kif qed jibqa’ jaħbi l-kotba tal-linja nazzjonali tal-ajru. Il-Gvern komdu juża flus il-poplu, imma mhux lest ikun kontabbli għalihom.
Għal aktar minn nofs dawn l-ewwel 100 jum ta’ dan il-Gvern, il-poplu kien qed isegwi ġuri dwar assassinju li l-istess Gvern Laburista nstab li kien ippermetta meta daħħal kultura ta’ impunità. Tul il-ġuri smajna bl-oxxenitajiet li kienu għaddejjin f’Kastilja – minn nies għarwenin sa kriminali li jidħlu qishom mhux huma mill-bieb ta’ quddiem. Uħud minn dawk li kienu Kastilja dakinhar għadhom hemm – u wieħed minnhom saħansitra huwa Prim Ministru ta’ pajjiżna. Issa għandna verdett li llibera lil Yorgen Fenech mill-akkużi dwar dan l-assassinju.
Dan hu l-istess Gvern li ta maħfra lill-middleman, l-istess Gvern li kien jiltaqa’ mal-kriminali f’Kastilja u l-istess Gvern li għal snin sħaħ wara l-assassinju ppermetta li tiġi mżebilħa Daphne Caruana Galizia, li ppermetta r-rimi ta’ xemgħat u fjuri mqiegħda għall-memorja tagħha. Dan hu l-istess Gvern. U kull wieħed u waħda mit-42 Membru Parlamentari tal-Gvern illum qed iġorru fuqhom il-piż ta’ dan l-assassinju.
Fl-ewwel 100 jum, Robert Abela reġa’ għażel li jpoġġi l-interess partiġjan fuq l-interess nazzjonali u rrifjuta dibattitu parlamentari biex jiġu implimentanti r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika mitlub mill-Oppożizzjoni. Xhieda oħra ta’ kemm l-interessi tiegħu jiġu qabel dawk tal-pajjiż ingħatat meta mħallef bagħat ittra ġuramentata lill-Kabinett ta’ Abela dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef u akkużah li aktar jagħti importanza lill-kunsiderazzjonijiet politiċi milli l-interessi tal-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jinsisti fuq ġustizzja għal Daphne, għall-familja tagħha u għan-nazzjon kollu. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal pajjiż ħieles, għal pajjiż li ma jibżax.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti fuq gvern li jaħdem għall-poplu – fuq gvern li jippjana għalih. Se jibqa’ jkun Oppożizzjoni li tesiġi l-kontabbiltà, li tpoġġi l-kwalità tal-ħajja qabel il-propaganda u Oppożizzjoni li tkun il-vuċi tan-nies ma’ Gvern li lin-nies qed jibqa’ jinsiehom.
Fuq kollox f’dawn l-ewwel 100 jum spikka kif il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela ma wettaqx riformi leġiżlattivi importanti li wiegħed li se jwettaq fl-ewwel mitt jum tal-Gvern “ġdid” immexxi minnu. Fit-2 ta’ Lulju, fl-għeluq tal-konferenza ġenerali straordinarja tal-Labour wara l-aħħar elezzjoni, Abela wiegħed seba’ riformi fil-liġijiet li suppost kellhom jitwettqu sal-lum. Imma minn dawn mank irnexxielu jwettaq in-nofs. Fost dawn hemm ir-riforma tal-IVF, il-protezzjoni legali tal-parks u l-ispazji miftuħa, ir-riforma tal-appelli tal-ippjanar u t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tal-Bniedem.
Dwar dan kollu rajna Prim Ministru assenti. Prim Ministru fuq vaganza. U waqt li l-Labour issa moħħu biex jiċċelebra, in-nies għadhom qed jistennew li jiddaħħlu dawn il-liġijiet. Kif għadhom qed jitolbu li jsibu d-dawl id-dar, li ma jeħlux fit-traffiku u li jkunu jistgħu jaffordjaw li jixtru dar.
Din mhix ċelebrazzjoni ta’ 100 jum ta’ Gvern ġdid – għax il-problemi li kellhom in-nies qabel it-30 ta’ Mejju għadhom hemm.
Din hi ċelebrazzjoni ta’ 100 jum ieħor ta’ Gvern li fi 13-il sena ħoloq problemi ġodda u li jidher ċar li la għandu pjan u lanqas rieda biex isolvihom.
F’għeluq dawn il-100 jum ta’ gvern ‘ġdid’, il-Labour qed ifakkar il-kontinwità ta’ 13-il sena, u tliet leġiżlaturi ta’ fallimenti.
06.09.2026