23 għaqda tas-soċjetà ċivili jingħaqdu mas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista

Għaldaqstant, qabel il-vot finali fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista jerġa' jappella biex il-proċess jiġi estiż, u ssir konsultazzjoni aktar estensiva mal-għaqdiet interessati. Dan huwa l-uniku mod kif Malta tista' tassigura li din il-liġi tkun waħda li tgawdi l-fiduċja tal-Parlament kollu, tas-soċjetà ċivili u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Jappellaw lill-Gvern biex ma jibqax għaddej bl-għaġla fil-każ tal-Liġi dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, u jikkonsulta

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li numru sostanzjali ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet mhux governattivi u entitajiet li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza qed jingħaqdu mas-sejħa tiegħu biex il-Parlament jagħti aktar żmien għal konsultazzjoni serja u skrutinju dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jistabbilixxi l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.

B’kollox kien hemm 23 organizzazzjoni li ddikjaraw l-istess ħsieb tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid b’mod ċar li jaqbel mal-prinċipji li fuqhom huwa mibni dan l-abbozz. Malta għandha bżonn istituzzjoni b’saħħitha, indipendenti u kredibbli li tħares id-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna u tippromwovi l-ugwaljanza.

Madankollu, proprju għax din hija riforma ta’ importanza kostituzzjonali u istituzzjonali, il-proċess leġiżlattiv għandu jkun wieħed inklussiv, trasparenti u msejjes fuq konsultazzjoni reali ma’ dawk kollha li se jkunu affettwati mil-liġi.

Is-sejħa li qed issir minn diversi għaqdiet tas-soċjetà ċivili tikkonferma li hemm tħassib ġenwin li l-proċess għandu jingħata aktar ħin biex il-proposti jiġu analizzati fid-dettall u, fejn meħtieġ, imtejba. Dan mhux dewmien għall-fini tad-dewmien, iżda investiment fil-kwalità tal-liġi li se tkun qed tħares id-drittijiet fundamentali tal-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk iġedded l-appell tiegħu lill-Gvern biex juri maturità demokratika u jilqa’ din is-sejħa mifruxa tas-soċjetà ċivili. Ftit ġimgħat jew xhur oħra ta’ konsultazzjoni ma jdgħajfux ir-riforma – għall-kuntrarju, isaħħuha u jagħtuha leġittimità akbar.

Il-Parlament għandu d-dmir li jisma’ lil dawk li jaħdmu kuljum favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Meta tant vuċijiet qed jitolbu aktar spazju għad-djalogu, il-Gvern għandu jisma’ u mhux jgħaġġel.

Għaldaqstant, qabel il-vot finali fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella biex il-proċess jiġi estiż, u ssir konsultazzjoni aktar estensiva mal-għaqdiet interessati. Dan huwa l-uniku mod kif Malta tista’ tassigura li din il-liġi tkun waħda li tgawdi l-fiduċja tal-Parlament kollu, tas-soċjetà ċivili u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

22.07.2026