Malta fost tal-aħħar fl-Unjoni Ewropea fir-riċerka u l-iżvilupp

Fl-2025, Malta allokat biss €73.70 għal kull persuna għar-riċerka u l-iżvilupp, ċifra li tpoġġi lil pajjiżna bit-tielet l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea, qabel biss l-Ungerija u r-Rumanija, u ferm taħt il-medja Ewropea ta’ €288.90.

Ċifri li ppubblikat l-aġenzija tal-istatistika tal-UE, il-Eurostat, jikkonfermaw kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fost l-aħħar prijoritajiet tal-Gvern.

Fl-2025, Malta allokat biss €73.70 għal kull persuna għar-riċerka u l-iżvilupp, ċifra li tpoġġi lil pajjiżna bit-tielet l-inqas rata fl-Unjoni Ewropea, qabel biss l-Ungerija u r-Rumanija, u ferm taħt il-medja Ewropea ta’ €288.90.

Agħar minn hekk, jekk wieħed iħares lejn dan l-investiment bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross, l-allokazzjoni tal-Gvern Malti niżlet minn 0.24% fl-2015 għal 0.17% fl-2025, fost l-aktar livelli baxxi fl-UE. Dan ma jawgurax tajjeb fi żmien meta pajjiżi oħra qed iżidu l-investiment fir-riċerka biex joħolqu ekonomiji aktar innovattivi, produttivi u sostenibbli.

Dawn mhumiex sempliċement ċifri, iżda r-riżultat ta’ għażla politika. Gvern li ma jinvestix fir-riċerka u l-innovazzjoni jkun qiegħed jillimita l-opportunitajiet tar-riċerkaturi, tal-istudenti u tan-negozji tagħna, filwaqt li jdgħajjef il-kompetittività futura ta’ Malta.

Il-Gvern ma jistax jippretendi li jittieħed bis-serjetà dwar il-Viżjoni Malta 2050 meta fl-istess ħin qed iħalli l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fost l-aktar baxxi fl-Ewropa. Viżjoni fit-tul ma tinbeniex bis-slogans u bid-dokumenti, iżda b’investiment konkret fl-għarfien, fit-talent u fl-innovazzjoni. Jekk il-Gvern verament irid ekonomija aktar kompetittiva, reżiljenti u ta’ valur miżjud sal-2050, irid jibda jalloka r-riżorsi meħtieġa minn issa.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li Malta teħtieġ pjan serju, b’miri ċari u finanzjament adegwat, biex issaħħaħ ir-riċerka fl-Università u fl-istituzzjonijiet edukattivi, tħeġġeġ l-investiment mis-settur privat u tittrasforma l-innovazzjoni f’impjiegi ta’ kwalità u valur miżjud.

Malta ma tistax tkompli titkellem dwar ekonomija tal-futur filwaqt li tibqa’ tinvesti daqshekk ftit biex tibniha.

Joe Giglio
Shadow Minister għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

George Vital Zammit
Kelliem għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

10.08.2026