Abela jiddefendi lil Alex Dalli, u jinfexx f’attakk fuq l-Ombudsman wara r-rapport dwar l-abbużi fil-Ħabs

Il-PN jesprimi solidarjetà mal-Ombudsman wara li l-Prim Ministru akkużah li faċli tkun wara l-iskrivanija u toqgħod tikteb ir-rapporti

Robert Abela qed jagħżel li jkompli jiddefendi lil Alex Dalli u l-mod kif mexxa fil-Ħabs ta’ Kordin minkejja li l-Ombudsman sab li huwa kien responsabbli għal trattament degradanti u inuman, razziżmu, intimidazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Ħabs. Taħt it-tmexxija ta’ Dalli kien hemm xejn inqas minn 14-il priġunier li mietu f’Kordin, fosthom ammont sostanzjali ta’ suwiċidji.

Imma minflok ma jieħu azzjoni u jerfa’ r-responsabbiltà, Abela mhux biss qed iżomm lil Dalli fil-kariga ta’ Mibgħut Speċjali fil-Libja, iżda saħansitra jiddefendih u, minflok, jattakka lill-Ombudsman talli għamel xogħlu u ħareġ ir-rapport. Lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, il-Prim Ministru akkużah li faċli tkun wara skrivanija u tiċċensura, u toqgħod tikteb ir-rapporti.

Fejn il-Prim Ministru ma jaqbilx ma’ dak li jgħidu l-istituzzjonijiet, addijo l-paroli “ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu” ta’ Abela, għax dan il-kliem malajr itir mar-riħ, u jinfexx jattakkahom. 

Dan il-każ jerġa’ jikkonferma kemm Robert Abela jinsab kompletament maqtugħ mir-realtà u kemm il-Gvern tiegħu hu marbut ma’ kultura ta’ xejn mhu xejn. F’pajjiż demokratiku, Prim Ministru responsabbli ma jħallix lil min instab ħati ta’ abbużi jibqa’ jokkupa karigi pubbliċi, aħseb u ara kemm jagħtih kariga oħra barra minn Malta b’salarju ta’ aktar minn €100,000 fis-sena. 

Waqt li jesprima solidarjetà mal-Ombudsman wara dan l-attakk vili tal-Prim Ministru fuqu, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-istituzzjonijiet għandhom jiġu rispettati u mhux attakkati meta jagħmlu xogħolhom. Għal darba oħra, Robert Abela qed ipoġġi l-interessi tal-klikka tiegħu qabel l-interess nazzjonali, u jkompli juri li għalih l-kontabbiltà m’għandha l-ebda valur. 

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li l-abbużi mwettqa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fi żmien it-tmexxija ta’ Alex Dalli elenkati fir-rapport tal-Ombudsman seħħew taħt għajnejn il-Ministru Byron Camilleri li wkoll baqa’ jagħti l-fiduċja sħiħa tiegħu lil min ittrasforma l-Ħabs f’post ta’ umilazzjoni għall-priġunieri u għalhekk anke l-Ministru Camilleri, li huwa politikament responsabbli għall-Ħabs, għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

Ftit tal-jiem ilu l-Oppożizzjoni ressqet fil-Parlament mozzjoni ta’ sfiduċja f’Byron Camilleri wara li l-Ispeaker irrifjuta talba għal dibatitu urġenti dwar ir-rapport tal-Ombudsman, wara l-oġġezzjonijiet li qajmet in-naħa tal-Gvern. Camilleri għandu jirriżenja, inkella jitneħħa mill-Prim Ministru.

Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom Gvern li jirrispetta l-istituzzjonijiet u li jaġixxi b’serjetà meta jiġu rrapurtati każi ta’ abbuż u ksur tad-drittijiet fundamentali. Il-PN se jkompli jġib quddiem il-poplu dawn l-abbużi u se jibqa’ jiġġieled għal Malta fejn is-saltna tad-dritt tkun prijorità assoluta.

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi

07.02.2025