Abela u l-Labour f’paniku

Għall-kuntrarju tal-gideb ta’ Robert Abela, id-dibattitu fil-Parlament Ewropew se jsir biss għax qablu miegħu s-Soċjalisti li tagħhom hu Viċi President id-Depitat Mexxej tal-Partit Laburista

Robert Abela u l-Labour illum komplew jikkonfermaw kemm jinsabu f’paniku u daharhom mal-ħajt.

Tlett ijiem ilu ivvintaw gidba li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg mar Brussell biex b’xi mod jimbotta xi dibattitu kontra l-interessi ta’ Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Imbagħad, ilbieraħ irrepetaw din il-Fake News minkejja li jafu li dan dibattitu li jsir kull sena, u li kien ilu deċiż li jsir minn ħafna qabel ma Alex Borg kien preżenti fi Brussell.

Issa, illum, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista reġa’ rrepeta din il-gidba u appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iwaqqaf lill-Parlament Ewropew milli jagħmel dan id-dibattitu.

Li ma qalx Abela hu li dan id-dibattitu se jsir biss għax qablu miegħu s-Soċjalisti Ewropej – grupp li tiegħu l-Partit Laburista huwa membru, u li d-Deputat Mexxej ta’ Abela innifsu – Alex Agius Saliba – huwa l-Viċi President tiegħu.

Robert Abela qed jibqa’ jirrepeti l-gideb tiegħu stess. Gideb li llum ma jemmnu ħadd, ħlief il-Labour innifsu.

Għall-kuntrarju ta’ Robert Abela u l-Partit Laburista, Alex Borg u l-Partit Nazzjonalista jibqgħu ffukati biex jindirizzaw il-problemi li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin bħalma huma l-kriżi tat-traffiku u l-għoli tal-ħajja, it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan u l-qerda tal-ambjent – b’ħidma kemm f’Malta kif ukoll fuq livell Ewropew.

19.10.2025