Addijo stabbiltà: għall-gass tal-power station se nħallsu skont il-prezz tas-suq
Dak li żgur baqa’ fiss issa li reġa’ beda s-sajf huwa li kuljum ikollna xi qtugħ ta’ dawl xi mkien.
Il-Gvern kostrett jammetti li fl-“istopgap deal” ta’ disa’ xhur biss mal-BP, li ffirma ftit qabel jiskadi l-ftehim mal-Electrogas, ħa jimxi bis-suq isuq
Grazzi għall-pressjoni li għamlet l-Oppożizzjoni lbieraħ sew permezz ta’ stqarrija u anke fil-Parlament, issa sirna nafu li l-Gvern Laburista ma nnegozja l-ebda prezz fiss biex jixtri l-gass għat-tanker ta’ Delimara u l-prezz li se tħallas l-Enemalta mit-taxxi tagħna se jvarja skont il-prezzijiet internazzjonali tas-suq.
Minkejja l-ftaħir li ntlaħaq ftehim mal-kumpanija BP, il-Ministru Miriam Dalli kienet kostretta tammetti li l-prezz li se jħallas il-pajjiż biex nassiguraw li minn Awwissu ma nispiċċawx mingħajr provvista tal-gass għall-power station jiddependi mill-prezz tas-suq.
Filwaqt li l-Gvern ilbieraħ infexx f’attakk fuq l-Oppożizzjoni li allega li mexxiet kampanja ta’ biża’ dwar il-provvista tal-gass u fl-istess nifs li l-Labour tgħidx kemm ftaħar li ħa deċiżjoni li tassigura l-istabbiltà fil-qasam tal-enerġija, issa l-Ministru Dalli u Robert Abela kellhom jammettu li l-prezz li Malta se tħallas għad-disa’ xhur li ġejjin se jimxi bis-suq isuq. Addijo stabbiltà!
L-unika ħaġa li kienet kapaċi tagħmel fil-Parlament ilbieraħ il-Ministru responsabbli mill-enerġija kienet li tagħti stima ta’ kemm jiswa llum kull unit tal-elettriku mill-interconnector u kemm probabbli li se jiswa b’dan id-deal mal-BP, imma ma qaltilniex jekk hemmx ceiling ta’ prezz massimu miftiehem jekk il-prezz tal-gass fis-suq jerġa’ jogħla.
Minkejja li l-Gvern qed jgħid li l-prezz għall-konsumatur mhux se jinbidel, il-fatt jibqa’ li l-piż ta’ dawn il-prezzijiet jitħallas mit-taxxi tagħna jew jitgħabba fuq id-dejn.
Dalli kkonfermat ukoll li dan id-deal mhu xejn ħlief dak li hi stess sejħitlu “stopgap” u skontha l-Gvern diġà beda jaħdem fuq arranġamenti biex jixtri l-LNG wara li jiskadi dan il-ftehim f’Mejju tas-sena d-dieħla.
Il-fatt li dan il-ftehim sar biss għal ftit xhur jikkonferma li mhuwiex ftehim favorevoli, u jikkonferma n-nuqqas ta’ għaqal ta’ gvern li stenna sal-aħħar xahrejn qabel jiskadi l-kuntratt eżistenti biex jinnegozja kuntratt ġdid.
Bid-dikjarazzjonijiet tagħha fil-Parlament u barra, il-Ministru Dalli kkonfermat dak li qal il-Partit Nazzjonalista – li fil-qasam tal-enerġija, kaġun tal-fatt li l-Gvern Laburista baqa’ jkaxkar saqajh sal-aħħar meta kien jaf li l-kuntratt mal-Electrogas kien se jiskadi f’Awwissu – ma hemm l-ebda pjan serju u fit-tul. Anke f’dan il-qasam daqshekk delikat u importanti l-Gvern qed jimxi b’politika ta’ management-by-crisis.
Dak li żgur baqa’ fiss issa li reġa’ beda s-sajf huwa li kuljum ikollna xi qtugħ ta’ dawl xi mkien.
Jekk il-Gvern daqshekk kburi b’dan il-ftehim, m’għandux ikollu problema jippubblikah u jħalli l-poplu jiġġudika jekk dan hux kompetittiv u favorevoli, minflok jippretendi li noqogħdu biss fuq il-kelma tiegħu.
23.06.2026