Aktar nies qed jitilfu l-opportunità li jsiru sidien ta’ dar
Żieda qawwija fost dawk li llum qed jagħżlu li jikru għax mhux qed jirnexxilhom jixtru proprjetà tagħhom
Dawk li qed jirnexxilhom isiru sidien ta’ darhom qegħdin dejjem jonqsu, u aktar żgħażagħ u familji qed ikollhom jikru għax ma jifilħux jixtru propjretà.
Skont statistika li ppubblika dan l-aħħar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ta’ pajjiżna, in-numru ta’ familji li qed imorru għall-kera rdoppja fl-aħħar ħames snin.
Fl-2021 ir-rata ta’ dawk li kienu sidien ta’ djarhom kienet fil-livell ta’ 78% imma fl-2024 din niżlet għal 66%.
Ċifra oħra inkwetanti hija dik dwar l-ammont ta’ familji li qed ikollhom jiddejnu biex jixtru proprjetà. Fl-2011 kien hawn 78% tal-familji li ma kellhomx dejn fuq id-dar tagħhom, imma dan il-perċentwal naqas għal 57% fl-2021 u għal 48% is-sena l-oħra.
Wara kull wieħed minn dawn in-numri hemm persuna. Wara kull statistika hemm familja. Qegħdin ngħixu r-realtà ta’ generazzjoni sħiħa li qed tbati, ta’ eluf ta’ żgħażagħ li qed jaraw l-aspirazzjonijiet tagħhom li jgħixu b’mod indipendenti jisfaxxaw fix-xejn, u ta’ adulti li kif jibidlu ftit iċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom jispiċċaw ukoll bla dar. Illum jistgħu isiru biss sidien ta’ darhom dawk li huma pprivileġġjati jew li għandhom xi tip ta’ għajnuna li mhux kulħadd għandu.
Din is-sitwazzjoni qed tkompli titfa’ piż fuq ħafna Maltin u Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieħu din il-materja b’serjetà u biex jaġixxi b’urġenza.
L-ebda Malti jew Għawdxi m’għandu jiġi mċaħħad mill-opportunità li jgħix f’pajjiżna b’dinjità. Ħadd m’għandu jispiċċa vittmi ta’ politika li ma ħasbitx fit-tul.
Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jfassal politika li tħares ’il quddiem biex aktar Maltin u Għawdxin iwettqu l-ħolma tagħhom li jkollhom id-dar tagħhom.
Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni
Bernice Bonello
Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali
16.10.2025