Aktar taxxi fuq it-turiżmu minn Gvern li għadu mhux qed jikkonsulta

It-turiżmu huwa pilastru ekonomiku li jibqa’ jsostni lil tant familji Maltin u Għawdxin. Dan huwa settur li jġib lejn pajjiżna flus minn barra, joħloq xogħol għal eluf kbar ta’ ħaddiema, isostni l-investiment privat, jagħti ħajja lill-kummerċ u jżomm għaddej għadd kbir ta’ attivitajiet ekonomiċi.

It-turiżmu huwa pilastru ekonomiku li jibqa’ jsostni lil tant familji Maltin u Għawdxin. Dan huwa settur li jġib lejn pajjiżna flus minn barra, joħloq xogħol għal eluf kbar ta’ ħaddiema, isostni l-investiment privat, jagħti ħajja lill-kummerċ u jżomm għaddej għadd kbir ta’ attivitajiet ekonomiċi.

Għalhekk ħadd qatt ma għandu jħares lejn it-turiżmu bħala settur li għandu jiġi ntaxxat kull meta l-Gvern ikollu bżonn aktar flus biex ikopri xi spiża li jkun ikkommetta ruħu għaliha.

F’pajjiżna, is-settur privat investa bil-kbir fil-prodott turistiku Malti, b’riskju personali għal dawk li investew, u baqa’ jinvesti regolarment biex dan il-prodott jitjieb. Għalhekk il-privat qiegħed jagħmel il-parti tiegħu fil-mixja mill-volum għall-valur u fil-kompetizzjoni ma’ destinazzjonijiet oħra ta’ kwalità.

Fil-Baġit li għadu kemm ġie ppreżentat u bil-miżuri li tħabbru bla mistenni warajh, jidher li, sfortunatament, il-Gvern qed jagħmel bil-kontra.

Iż-żidiet imħabbra jfissru li Malta se tgħaddi minn waħda mill-inqas rati ta’ ekokontribuzzjoni fil-Mediterran għal waħda mill-ogħla.

Din il-miżura diġà qajmet reazzjoni fost l-operaturi fis-settur turistiku kollu u jidher ċar li ddaħħlet mingħajr konsultazzjoni xierqa.

Il-proposti li ressqet illum il-Gozo Tourism Association jixhdu kif is-setter qed jipprova jimmitiga l-impatt negattiv li din il-miżura se jkollha fuq settur tant importanti għal Għawdex. L-istess jgħodd għal Malta fejn, minbarra ż-żidiet li ħabbar, il-Gvern ma għamel ebda distinzjoni bejn l-eqqel tal-istaġun turistiku u x-xhur ta’ qablu u ta’ warajh.

Mat-tħassib li diġà hemm jiżdiedu ż-żidiet sostanzjali li għadhom kemm tħabbru fil-ħlasijiet tal-liċenzji għal-lukandi kollha, mingħajr distinzjoni.

Ir-reazzjoni immedjata tal-Malta Hotels and Restaurants Association tixhed li anke din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni xierqa.

Il-Partit Nazzjonalista jappella bil-qawwa lill-Gvern biex jimxi b’aktar għaqal u b’responsabbiltà akbar. Il-Gvern għandu jieqaf jaħleb is-settur turistiku kull darba li jkollu bżonn jiġbor aktar flus, mingħajr ma jqis il-konsegwenzi.

Miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu biss wara konsultazzjoni serja mal-operaturi kollha fis-settur u wara li jitqiesu l-istaġuni differenti tat-turiżmu. Għandu jitqies ukoll il-kontribut fundamentali li t-turiżmu jagħti, direttament u indirettament, lill-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ lill-Gvern biex jidħol b’urġenza f’konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet kollha li jirrappreżentaw lill-operaturi fis-settur. Kull deċiżjoni għandha tittieħed b’għaqal u b’bilanċ biex titħares din l-industrija li minnha jiddependu eluf ta’ familji u n-negozji li jħaddmuhom.

Alex Perici Calascione
Shadow Minister għat-Turiżmu

26.11.2026