Bernard Grech jattendi s-Summit mal-mexxejja Ewropej tal-PPE fi Brussell
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illum ħa sehem fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar fi Brussell.
B’84 partit politiku bħala membri jew msieħba minn 44 pajjiż differenti, il-PPE huwa l-partit taċ-ċentru-lemin fl-UE u l-akbar familja politika fl-Ewropa. Huwa wkoll l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew.
Bernard Grech ingħaqad mal-kumplament tal-mexxejja tal-PPE għal taħditiet dwar diversi suġġetti importanti bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se tkun qed issir fi tmiem din il-ġimgħa. Apparti dwar it-tkabbir tal-UE, id-diskussjonijiet fis-Summit iffukaw fuq temi oħra importanti b’interess partikolari għal Malta, ewlenija fosthom is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran, bid-diskussjoni tiffoka wkoll fuq l-isfidi parikolari li tiffaċċja Malta bħala gżira f’dan ir-reġjun.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir futur tal-Unjoni Ewropea, matul is-Summit il-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew laqgħu wkoll fosthom għat-taħditiet lill-mexxejja tal-istati li jiffurmaw ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. Il-mexxejja ddiskutew ir-relazzjonijiet tal-UE ma’ dawn il-pajjiżi li qed jaspiraw li jingħaqdu bħala membri tal-Unjoni Ewropea fil-futur qarib. Uħud minn dawn ilhom għexieren ta’ snin jistennew li jissieħbu, saħansitra minn qabel Malta saret Stat Membru.
Fuq l-aġenda tas-Summit kien hemm ukoll – ma jistax jonqos – is-sitwazzjoni attwali fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna. Is-Summit ħa wkoll nota tal-ħatra tal-President Donald Trump wara l-elezzjoni Presidenzjali riċenti li saret fl-Istati Uniti.
Għas-Summit, li tmexxa mill-President tal-PPE Manfred Weber, attendew fost l-oħrajn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Prim Ministru tal-Polonja Donald Tusk u d-Deputat Prim Ministru Taljan Antonio Tajani, li kollha jiffurmaw parti mill-familja politika tal-PPE, bħall-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea.
19.12.2024



