Biex jinstemgħu, it-tobba qed ikollhom jirrikorru għal azzjoni industrijali
Bid-deċiżjonijiet ħżiena li l-Gvern Laburista ħa u qed ikompli jieħu fis-saħħa, qed jispiċċa jitlef kulħadd – kemm il-ħaddiema tas-saħħa li qed jeħlu fil-burokrazija kif ukoll il-pazjenti li jkunu jistgħu jinqdew aktar malajr jekk ikun hemm aktar tobba disponibbli.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li Gvern burokratiku u bla pjan qed joħloq problema wara l-oħra fis-saħħa
Biex jinstemgħu, it-tobba qed ikollhom jirrikorru għal azzjoni industrijali.
Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb serjament li, fi żmien meta s-settur tas-saħħa qed jipprova jlaħħaq ma’ domanda dejjem tikber, il-burokrazija tal-Gvern qed tkompli xxekkel lit-tobba tagħna fix-xogħol tagħhom mal-pazjenti.
Il-MAM, il-union li tirrappreżenta lit-tobba, kellha ssejjaħ lill-membri tagħha għal azzjoni industrijali wara li għal snin sħaħ ħadd ma ta widen għat-tħassib tagħha dwar il-burokrazija li qed iddewwem lit-tobba milli jibdew jitħarrġu f’Malta biex isiru speċjalisti fil-mediċina jew fil-kirurġija.
Aktar minn sitt xhur wara li nfetħet is-sejħa għall-applikazzjonijiet, dawn it-tobba għadhom ma semgħu xejn dwar meta se jibdew it-taħriġ.
Bid-deċiżjonijiet ħżiena li l-Gvern Laburista ħa u qed ikompli jieħu fis-saħħa, qed jispiċċa jitlef kulħadd – kemm il-ħaddiema tas-saħħa li qed jeħlu fil-burokrazija kif ukoll il-pazjenti li jkunu jistgħu jinqdew aktar malajr jekk ikun hemm aktar tobba disponibbli.
Sadanittant, l-MUMN, il-union li tirrappreżenta lill-infermiera u lill-qwiebel, qed iddoqq l-allarm dwar is-sitwazzjoni tal-infermiera barranin. Bosta minnhom qed jaqtgħu qalbhom li jistgħu jibqgħu jaħdmu f’pajjiżna minħabba l-piżijiet kbar li tefgħu fuqhom il-miżuri l-ġodda li ħabbar il-Gvern fil-Budget.
Il-Partit Nazzjonalista wissa mill-ewwel li l-miżuri tal-Budget ma kienu xejn għajr frott ta’ Gvern f’paniku. Issa aktar unions qed jgħidulu li żbalja bil-kbir.
Is-sistema tas-saħħa titħallas mit-taxxi tagħna. Il-Gvern għandu l-obbligu li jmexxiha bi pjan ċar u b’mod effiċjenti biex kull min ikollu bżonn jużaha jsib is-servizz li jeħtieġ.
Imma minflok, dan il-Gvern qed jagħmel fjask wara l-ieħor fis-saħħa.
Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa
19.11.2026