Biljun ewro dejn fis-sena tal-elezzjoni, u iktar imgħax għall-poplu Malti

Maż-żieda rekord fid-dejn, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Fl-aħħar ta’ Mejju dan kien jammonta għal €128 miljun – żieda ta’ kważi €10 miljuni meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Skont l-istatistika tal-lum, fl-aħħar ta’ Ġunju din iċ-ċifra telgħet għal €158 miljun, żieda ta’ kważi €15-il miljun fuq l-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

Statistika tal-NSO dwar il-finanzi tal-gvern turi li d-dejn komplessiv tal-Gvern issa qed iqarreb it-€12-il biljun


Fis-sena tal-elezzjoni, il-Gvern Laburista żied id-dejn ta’ pajjiżna b’biljun ewro.

Din iċ-ċifra toħroġ minn stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-finanzi tal-gvern li ġiet ippubblikata llum, u li turi kif issa d-dejn ta’ pajjiżna qed iqarreb it-€12-il biljun.

Din iċ-ċifra ta’ €11,929.3 miljun hi ekwivalenti għal aktar minn €29,200 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi u tfisser li f’sena d-dejn nazzjonali żdied bi kważi biljun ewro (€937 miljun), jew 8.5% fuq l-istess xahar fl-2025.

L-istatistika tal-NSO li tkopri l-ewwel nofs ta’ din is-sena tikkonferma wkoll li sa Ġunju 2026 il-Gvern kien diġà tella’ żbilanċ ta’ €463.5 miljun, meta mqabbel maċ-ċifra ta’ €457.4 miljun fl-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

Skont l-istess statistika tal-NSO, il-Gvern irnexxielu jżid id-defiċit u d-dejn ta’ pajjiżna minkejja li tul l-istess perjodu ta’ bejn Jannar u Ġunju 2026 il-Gvern daħħal €582 miljun f’taxxi iżjed mis-sena ta’ qabel – konferma ta’ kemm il-Gvern tilef kull kontroll fuq in-nefqa rikorrenti.

Maż-żieda rekord fid-dejn, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Fl-aħħar ta’ Mejju dan kien jammonta għal €128 miljun – żieda ta’ kważi €10 miljuni meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Skont l-istatistika tal-lum, fl-aħħar ta’ Ġunju din iċ-ċifra telgħet għal €158 miljun, żieda ta’ kważi €15-il miljun fuq l-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

Dan ifisser ukoll li bejn l-aħħar ta’ Mejju 2026 u l-aħħar tax-xahar li għadda (Ġunju 2026) l-imgħax fuq id-dejn f’xahar wieħed biss żdied bi €30 miljun.

Skont il-previżjoni tal-Gvern fil-Budget 2026, din is-sena hu proġettat li l-poplu Malti jħallas bejn €340 u €350 miljun f’imgħax fuq id-dejn pubbliku, li jfisser bejn wieħed u ieħor miljun ewro kuljum f’imgħaxijiet biss.

Il-livell qawwi ta’ dejn li għabba lill-poplu bih Robert Abela jfisser li kemm ilu Prim Ministru rnexxielu jiddejjen iktar milli ddejnu l-Prim Ministri kollha ta’ qablu flimkien. Dwar dan id-dejn, tkellmu bosta istituzzjonijiet lokali u internazzjonali, l-aktar riċenti fosthom il-Bank Ċentrali ta’ Malta li f’analiżi estensiva ta’ aspetti tal-finanzi pubbliċi ġibed l-attenzjoni fuq in-nefqa tal-awtoritajiet u l-entitajiet tal-gvern, infiq li ħafna drabi – skont l-istess rapport – ikun diffiċli li tispjegah, waqt li appella għal aktar trasparenza dwar kif jintefqu flus il-poplu.

F’sajf fejn il-kwalità tal-ħajja kompliet nieżla, bi traffiku ma jaqta’ qatt, provvista tad-dawl ġejja u sejra, drenaġġ fil-baħar u tkabbir tal-popolazzjoni bla kontroll, il-Gvern baqa’ konsistenti f’aspett wieħed: li jiddejjen fuq li jiddejjen, u jgħabbi l-piż tal-imgħaxijiet fuq il-familji Maltin u Għawdxin.

Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi

31.07.2026