Clyde Caruana f’paniku wara t-tnaqqis ġust tat-taxxa għal kulħadd imħabbar mill-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista jinnota d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u jirringrazzjah talli, minkejja l-attakki tiegħu, ikkonferma l-fatti dwar l-impatt finanzjarju tal-inizjattiva fiskali mħabbra llum mill-Kap tal-PN Alex Borg.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u jirringrazzjah talli, minkejja l-attakki tiegħu, ikkonferma l-fatti dwar l-impatt finanzjarju tal-inizjattiva fiskali mħabbra llum mill-Kap tal-PN Alex Borg.
Din hija proposta serja, responsabbli u ffukata fuq in-nies, li twassal għal tnaqqis reali u sostanzjali tat-taxxa għall-familji, il-ħaddiema, għal min jaħdem għal rasu u għall-pensjonanti, u li tinkludi garanzija soda li kull min iħallas it-taxxa fuq id-dħul se jgawdi minn minimu ta’ €1,200 fis-sena – mhux bil-kliem, iżda b’azzjonijiet konkreti permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa u mekkaniżmu ta’ rifużjoni.
Dak li l-Ministru Clyde Caruana deliberatament qed jinjora hu li, fil-budget tiegħu stess, kien diġà marbut ma’ aktar bidliet fit-tax bands għall-2027 u l-2028 li, skont kliemu stess, jammontaw għal €160 miljun fi qtugħ tat-taxxa.
Iċ-ċifra ta’ €130 miljun imħabbra llum mill-Partit Nazzjonalista tirrappreżenta l-ispiża netta addizzjonali vera, lil hinn minn dak li l-Gvern diġà impenja ruħu għalih, wara li jitqies id-dħul irkuprat min konsum akbar permezz tal-VAT u taxxi oħra frott ta’ ekonomija li taħdem aħjar. Dan ifisser, ċar u tond, li l-attakki tal-Ministru mhumiex ibbażati fuq il-fatti, iżda fuq il-paniku politiku.
Dan jikkonferma żewġ veritajiet sempliċi li l-Gvern jidher li qed jibża’ jammetti:
l-ewwel, li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista hija għalkollox implimentabbli;
u t-tieni, li l-pajjiż jista’ jiflaħ għaliha mingħajr riskju u mingħajr ma jintlaqtu s-servizzi essenzjali.
L-istimi tal-ispejjeż tal-Partit Nazzjonalista tħejjew minn esperti indipendenti u serji, bl-użu ta’ previżjonijiet kawti u responsabbli. Aħna assolutament fiduċjużi fil-konklużjonijiet tagħhom u nilqgħu d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru bħala konferma oħra li l-kalkoli tagħna huma sodi, kredibbli u realistiċi.
B’differenza minn Gvern li jagħti lura ftit lil xi wħud u jinsa lil oħrajn, il-proposta tal-Partit Nazzjonalista hija mibnija fuq prinċipju wieħed ċar: kulħadd jibbenefika, ħadd ma jitħalla lura.
07.05.2026