Fake News oħra mil-Labour – bit-tnaqqis fit-taxxa propost mill-PN kienu jgawdu ferm aktar nies

Tal-Labour jisimgħu biss dak li jaqbel lilhom u jivvintaw gidba biex jippruvaw jieħdu gwadann politiku

Bħas-soltu l-Labour, espert tal-Fake News, qed jipprova jagħti dak li hu tiegħu lil ħaddieħor.

Wara d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ilbieraħ, il-Partit Laburista ħareġ bil-gidba li l-Partit Nazzjonalista se jħalli lill-familji b’wild wieħed mingħajr tnaqqis fit-taxxa.

Din hija gidba assoluta, u kieku tal-Labour semgħu sew dak li qal Alex Borg, u mhux semgħu biss dak li jaqbel lilhom, kienu jindunaw li l-Kap tal-PN kien ċar fi kliemu meta sostna li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux talli jżomm it-tnaqqis fit-taxxi li ddaħħal fl-aħħar budget, imma talli jkompli jżid fuqu.

Mhux talli hekk, imma talli mill-Oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista diġà ressaq proposti li kieku l-Gvern Laburista implimentahom mill-ewwel kienu jgawdu ħafna aktar nies milli gawdew bil-miżura tat-tnaqqis fit-taxxa li ħabbar fil-Budget 2026.

Filwaqt li l-Gvern ipprova jikkopja l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li titnaqqas it-taxxa għall-ġenituri bit-tfal, it-tnaqqis fit-taxxa li daħal fis-seħħ mill-bidu tal-2026 huwa ferm inqas minn dak li ppropona l-PN. Għax minn dak li ħabbar il-Gvern f’dak li suppost kien “l-aqwa budget fl-istorja”, ma gawdewx il-persuni single, koppji li t-tfal tagħhom kibru, koppji mingħajr tfal u l-pensjonanti li l-piżijiet tal-għoli tal-ħajja jħossuhom daqs ħaddieħor.

B’reazzjoni għall-budget meta l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq xejn inqas minn 50 proposta li minnhom igawdi kulħadd u mhux kategorija ta’ nies biss, u anke qabel, il-PN ressaq fost l-oħrajn dawn il-miżuri:

  • Il-ħoqien tat-tax bracket “Parent 2” li minnha jgawdu l-koppji li jagħżlu li jkollhom aktar minn wild wieħed bi €8,500 aktar fis-sena
  • Iċ-Child Trust Fund fejn il-Gvern jiddepożita €5,000 għal kull wild ġdid li jiżdied minn sena għal sena u jissarraf meta dak il-wild ikun irid jagħmel pass importanti f’ħajtu
  • L-ebda taxxa fuq l-ewwel €10,000 li taqla’ minn fuq il-part-time jew l-overtime
  • Pakkett ta’ miżuri biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin fil-familja, bl-ispiża tinġarr mill-Istat
  • Espansjoni tal-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom aktar ħin flimkien
  • Leave mħallas mill-gvern għal kull ħaddiem, inkluż dawk li jaħdmu għal rashom
  • Estensjoni tal-leave tal-maternità u l-leave tal-ġenituri mħallas mill-gvern għal sena sħiħa – miżura li tapplika għall-ħaddiema kollha kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fil-privat
  • Għajnuna finanzjarja lil ġenituri li jridu jibqgħu d-dar biex irabbu lil uliedhom għat-tieni sena tal-wild, ekwivalenti għal dik li jagħti l-gvern liċ-childcare centres
  • Appoġġ għall-kura tat-tfal u r-remote working
  • Żieda ta’ tax credits għal min iħaddem biex jipprovdi aktar opportunitajiet ta’ xogħol hybrid ħalli l-impjegati jkollhom aktar flessibbiltà

Minn dan kollu, il-Labour ma semma xejn fl-istqarrija tiegħu. Bħalma ma semmiex lanqas li t-titjib fil-livell tal-għajxien ma jsirx biss bit-tnaqqis fit-taxxi imma billi jiġi indirizzat ukoll dak li l-aktar li qed jinkwieta lill-familji Maltin u Għawdxin, xi ħaġa li l-Gvern naqas li jagħmel fl-aħħar budget.

Problemi li eluf ta’ nies jiffaċċjaw ta’ kuljum bħalma huma t-traffiku u t-tniġġis, in-nuqqas ta’ housing affordabbli għal dawk li jridu jsiru sidien ta’ djarhom, it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan, l-infrastruttura li qed tikkrolla, il-waiting lists u l-kjuwijiet fl-isptarijiet flimkien mal-mediċini out-of-stock, l-ambjent li qiegħed imur lura u l-għoli tal-ħajja li minkejja kull tnaqqis fit-taxxa xorta qed jibqa’ jispara ’l fuq b’ħafna familji, anzjani, pensjonanti u vulnerabbli mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. F’dan il-każ, il-Gvern Laburista għadu sa issa jirrifjuta li jneħħi t-taxxa minn fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja kif ilu jipproponi l-Partit Nazzjonalista.

Dan huwa dak li messu tkellem fuqu l-Partit Laburista fl-istqarrija tiegħu, minflok għażel li jivvinta gidba biex jipprova jieħu xi tip ta’ gwadann politiku.

Il-Partit Nazzjonalista ma għandu l-ebda problema jgħid li dak li huwa tajjeb iżommu, u jkompli jibni fuqu. Imma għandu wkoll id-dover li juri fejn il-Gvern qed ifalli għax huwa maqtugħ mir-realtajiet tan-nies.

Għall-kuntrarju, il-Labour kapaċi biss biex jagħti l-ispin, u joħroġ bil-Fake News.

02.02.2026