Fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali, dan hu mument li jitlob responsabbiltà u għaqda
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg iwieġeb fil-Parlament għal Stqarrija Ministerjali mill-Prim Ministru dwar l-aħħar żviluppi internazzjonali
L-iżviluppi fil-Lvant Nofsani qed juru kemm is-sitwazzjoni fir-reġjun tista’ teskala malajr u kemm pajjiż żgħir bħal Malta jista’ jkun affettwat direttament minn avvenimenti internazzjonali bħal dawn.
Fi tweġiba għal Stqarrija Ministerjali mill-Prim Ministru fil-Parlament dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lill-ħaddiema tas-servizz diplomatiku Malti, lill-Forzi Armati ta’ Malta u lil dawk kollha li ħadmu b’dedikazzjoni biex ċittadini Maltin li kienu fir-reġjun setgħu jirritornaw Malta b’mod sigur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li meta kien infurmat dwar l-istqarrija Ministerjali mill-Gvern ma kienx jaf li kien sejjer għal attività tal-Ħadd tal-Partit Laburista, b’referenza għad-diskors li għamel Robert Abela waqt l-Istqarrija Ministerjali li suppost kellha tiffoka fuq is-sitwazzjoni internazzjonali imma ma kienet xejn għajr diskors mimli propaganda.
Alex Borg qal li minkejja dan, hu jibqa’ joffri l-id tal-ħbiberija lill-Gvern u ma kienx se juża sitwazzjoni bħal din biex jipprova jiskorja xi punti politiċi.
Huwa sostna li f’mumenti ta’ tensjoni bħal dawn naraw kemm huwa importanti li l-politiċi jpoġġu l-ewwel u qabel kollox il-ġid nazzjonali u mhux il-partit.
Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li l-istituzzjonijiet tal-Istat jaħdmu flimkien biex jipproteġu lill-poplu tagħna.
Madanakollu Alex Borg qal li dawn l-avvenimenti jfakkruna wkoll li Malta ma tistax tħares lejn dawn il-kunflitti biss mill-perspettiva konsulari. Huwa qal li pajjiżna għandu wkoll responsabbiltà politika u diplomatika usa’, partikolarment bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li Malta għandha tkun parti minn vuċi Ewropea aktar b’saħħitha li taħdem b’mod attiv għad-de-eskalazzjoni, għar-rispett tal-liġi internazzjonali u għall-istabbiltà fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.
Alex Borg wissa li l-kunflitt bejn l-Iran, l-Iżrael u l-preżenza militari Amerikana fir-reġjun qed joħloq riskji serji ta’ eskalazzjoni li jista’ jkollhom konsegwenzi diretti għall-Ewropa kollha, inkluż fuq is-sigurtà, ir-rotot tal-enerġija, il-prezzijiet u l-istabbiltà ekonomika.
Għalhekk Malta għandha taħdem mill-qrib mal-imsieħba tagħha fl-Unjoni Ewropea biex tkun promossa triq diplomatika ċara li tnaqqas it-tensjonijiet u tipprevjeni eskalazzjoni ulterjuri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħalma għamlet f’sitwazzjonijiet simili fil-passat, l-Oppożizzjoni qed toffri l-appoġġ tagħha lill-Gvern f’dak kollu li hu meħtieġ biex jiġu protetti ċ-ċittadini Maltin u biex pajjiżna jagħti kontribut responsabbli f’dan il-mument delikat.
Huwa enfasizza li f’dan il-mument il-prijorità trid tibqa’ waħda ċara: is-sigurtà taċ-ċittadini Maltin. Il-familji ta’ dawn iċ-ċittadini f’Malta jistħoqqilhom informazzjoni ċara, koordinazzjoni effettiva u s-serħan il-moħħ li l-Istat qed jagħmel dak kollu possibbli biex jipproteġihom.
Alex Borg tkellem dwar il-prezzijiet tal-enerġija u tenna li l-Partit Nazzjonalista kkommetta ruħu li jżomm is-sussidju fuq il-kontijiet tal-enerġija għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li dak li hu tajjeb għandu jiġi rikonoxxut u miżmum.
Huwa fakkar ukoll li l-Partit Nazzjonalista ilu jitlob lill-Gvern jippjana aħjar għal kriżijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw l-ekonomija u l-prezzijiet. Fost oħrajn kien ressaq Mozzjoni fil-Parlament biex jitwaqqaf fond nazzjonali li jgħin lill-importaturi jtaffu l-impatt ta’ żidiet fil-prezzijiet tas-shipping – proposta li l-Gvern ivvota kontriha.
Alex Borg appella lill-Gvern biex, fid-dawl tas-sitwazzjoni internazzjonali preżenti, jerġa’ jikkunsidra miżuri bħal dawn biex il-konsegwenzi ta’ żidiet internazzjonali ma jkomplux jaqgħu fuq il-familji u n-negozji Maltin.
Fl-istess waqt, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fuq kwistjonijiet ta’ politika barranija u sigurtà internazzjonali m’għandux ikun hemm politika partiġjana, u li Malta għandha tkompli taħdem biex tibqa’ vuċi li tħeġġeġ il-paċi u d-djalogu.
Huwa kompla li l-istorja turina li anke pajjiż żgħir bħal Malta jista’ jkollu rwol pożittiv, u li minkejja ċ-ċokon tagħha Malta ħafna drabi serviet bħala pont bejn popli u kulturi differenti.
Alex Borg temm jgħid li dan hu mument li jitlob sens ta’ responsabbiltà u għaqda nazzjonali fejn Malta għandha tkun il-vuċi li tappoġġja l-paċi, li tiddefendi l-liġi internazzjonali, u li taħdem flimkien mal-imsieħba Ewropej tagħha biex il-Mediterran u r-reġjuni ta’ madwarna jibqgħu spazju ta’ stabbiltà u sigurtà.
09.03.2026