Fil-qasam tal-housing soċjali hu meħtieġ ippjanar fit-tul, mhux opportunitajiet ta’ pubbliċità
Il-familji li jgħixu fil-housing soċjali jixirqilhom aktar minn ritratti u stqarrijiet tal-Ministru jżur xogħlijiet ta’ manutenzjoni li huma dmir bażiku tal-Gvern
Il-familji li jgħixu fil-housing soċjali jixirqilhom aktar minn ritratti u stqarrijiet tal-Ministru jżur xogħlijiet ta’ manutenzjoni li huma dmir bażiku tal-Gvern
L-Oppożizzjoni tħeġġeġ lill-Gvern jieqaf bil-pubbliċità u minflok, jibda jagħti prijorità lill-manutenzjoni regolari tal-housing soċjali.
L-Oppożizzjoni tilqa’ kull investiment li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-housing soċjali. Madankollu, huwa inaċċettabbli li l-Gvern jippreżenta bħala kisba straordinarja xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ li huma dmir bażiku tiegħu.
Il-familji li jgħixu fil-housing soċjali ma għandhomx ikollhom jistennew snin twal biex isiru tiswijiet essenzjali fuq il-faċċati, is-soqfa, il-gallariji u l-partijiet komuni. Dawn mhumiex proġetti ta’ lussu, iżda xogħlijiet ta’ manutenzjoni li kellhom isiru b’mod regolari biex ma jitħallewx il-binjiet jiddeterjoraw.
Fl-istess waqt li l-Ministru Owen Bonnici qed jagħmel konferenzi tal-aħbarijiet u żjarat f’postijiet fejn qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni, ir-rapporti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qed ikomplu juru nuqqasijiet fil-governanza u fil-kontrolli amministrattivi f’oqsma taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern.
Il-prijorità għandha tkun amministrazzjoni effiċjenti u ppjanar fit-tul, mhux eżerċizzji ta’ pubbliċità.
L-Oppożizzjoni tfakkar ukoll li programmi ta’ riġenerazzjoni u manutenzjoni tal-housing soċjali ilhom jeżistu għal snin twal u ma bdewx illum. Dak li jistennew ir-residenti huwa manutenzjoni kontinwa, mhux li kull xogħol bażiku jiġi ppreżentat bħala inizjattiva ġdida.
Nappellaw lill-Ministru biex minflok ifittex opportunitajiet ta’ pubbliċità, jippubblika pjan nazzjonali ta’ manutenzjoni preventiva għall-proprjetà kollha tal-housing soċjali, b’targets ċari, budgets trasparenti u skedi ta’ żmien li r-residenti jkunu jistgħu jsegwu.
Il-familji li jgħixu fl-akkomodazzjoni soċjali jixirqilhom aktar minn ritratti u stqarrijiet. Jixirqilhom manutenzjoni regolari, ambjent sigur u amministrazzjoni li taħdem fl-interess tagħhom kuljum, mhux biss meta jkun hemm kamera preżenti.
Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Politika Soċjali, il-Familja u l-Housing Soċjali
08.07.2026
Ara l-messaġġ tax-Shadow Minister Ivan Bartolo hawn