Fit-turiżmu pajjiżna jeħtieġ strateġija nazzjonali li tiffoka fuq il-kwalità, aktar milli fuq il-kwantità
Dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa waqt festival mifrux fuq tlett ijiem jikkonferma dak li ilu jisħaq fuqu l-Partit Nazzjonalista li fil-qasam tat-turiżmu pajjiżna għandu jimmira lejn il-kwalità, aktar milli l-kwantità.
Dak li rajna jseħħ fi tmiem il-ġimgħa waqt festival mifrux fuq tlett ijiem jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista fuq l-importanza ta’ turiżmu sostenibbli li jirrispetta wkoll il-kwalità tal-ħajja tar-residenti
Dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa waqt festival mifrux fuq tlett ijiem jikkonferma dak li ilu jisħaq fuqu l-Partit Nazzjonalista li fil-qasam tat-turiżmu pajjiżna għandu jimmira lejn il-kwalità, aktar milli l-kwantità.
L-Oppożizzjoni tifhem li avvenimenti bħal dawn huma importanti għall-industrija tat-turiżmu, u li fil-maġġoranza tal-każi l-organizzaturi ta’ dawn l-attivitajiet jagħmlu minn kollox biex ma jinħolqux inkonvenjenti.
Madanakollu, min-naħa l-oħra ma tistax ma tikkundannax dak li seħħ, b’mod partikolari l-aġir ta’ għadd ta’ persuni li wassal għal ksur inkwetanti tal-ordni pubbliku u inkonvenjent sostanzjali għal ħaddieħor.
Huwa kundannabbli wkoll dak li seħħ fi stabbiliment tal-ikel f’Paceville, kif joħroġ mill-filmati mxandra fuq il-media soċjali li juru xeni li certament xejn ma jagħmlu ġieħ lil pajjiżna, lir-reputazzjoni ta’ Malta fil-qasam internazzjonali u lid-dehra li rridu nagħtu lill-prodott turistiku li rridu noffru. Dan minbarra li dan kollu joħloq ukoll riskju għas-sigurtà tal-istaff u ta’ persuni oħra li ma kellhom x’jaqsmu xejn ma’ dak li kien qed jiġri.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni responsabbli tal-organizzaturi li jikkanċellaw il-parties li kien għad fadal isiru.
Il-Gvern u l-awtoritajiet fis-settur għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jiżguraw li dak li seħħ ma jirrepetix ruħu, biex jaċċertaw ruħhom li l-organizzaturi ta’ avvenimenti bħal dawn ikunu qed jimxu mal-kundizzjonijiet tal-permess li jkunu ngħataw u għandha ssir evalwazzjoni serja tal-mod kif jingħata l-finanzjament minn fondi pubbliċi għal attivitajiet simili, waqt li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex kull min jikser il-liġi jħallas ta’ għemilu.
Il-Gvern għandu jagħti prijorità lil strateġija ċara li tagħti direzzjoni lejn turiżmu ta’ kwalità li jħalli aktar valur lill-ekonomija, fost l-oħrajn billi nattiraw turisti li jiġu Malta għal niċeċ turistiċi speċifiċi bħalma huma l-kultura, il-gastronomija, il-wirt religjuz, it-turiżmu mediku u n-natura, fost l-oħrajn.
Kif stqarret l-MHRA, episodji bħal dawl li seħħew fl-aħħar jiem itappnu l-ħidma kollha tal-istakeholders f’dan is-settur waqt li jimminaw l-isforzi biex nattiraw lejn Malta turiżmu ta’ kwalità u ta’ valur miżjud li l-iskop tiegħu għandu jkun li jirrendi benefiċċji għall-ekonomija u għal Malta, u mhux jagħmel ħsara lil isem pajjiżna.
Il-PN jappella lill-Gvern biex mingħajr aktar dewmien jagħmel Carrying Capacity Plan nazzjonali li jistabbilixxi dak li pajjiżna jiflaħ illum, u dak li mistenni jkun jiflaħ fis-snin ġejjin – mill-aspetti kollha, inkluż fit-turiżmu. Mhux aktar turisti akkost ta’ kollox, iżda turiżmu ta’ kwalità: aktar valur għal kull viżitatur, sostenibbiltà, infrastruttura li tiflaħ u prodott li joffri esperjenza aħjar għat-turist.
Huwa ċar li pajjiżna jeħtieġ strateġija u mudell ġdid, anke f’dan il-qasam daqshekk importanti għall-ekonomija tagħna.
B’turiżmu ta’ kwalità, aktar milli tal-kwantità, li fl-istess ħin u bħala element tassew essenzjali, jirrispetta wkoll il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Malta u Għawdex.
Alex Perici Calascione
Shadow Minister għat-Turiżmu
15.09.2026