Fl-enerġija nadifa wkoll, Gvern ta’ ftit wisq u tard wisq
Il-Labour ħela 11-il sena u l-miljuni minflok investa f’enerġija nadifa
Fl-2006, Gvern Nazzjonalista beda jesplora l-possibbiltà li nużaw ir-riħ u x-xemx għall-produzzjoni tal-elettriku.
Fl-2009 ressaq proposta għal windfarm fis-Sikka l-Bajda.
Fl-2012 kien hemm pjan sħiħ għal proġett li kien jinkludi 36 turbina. Tant li kumpanija barranija kienet diġà ressqet il-proposta tagħha għal floating windfarm quddiem l-awtoritajiet Maltin bil-pjan li tibda topera fl-2014.
Fl-2013 tela’ Gvern Laburista u bi skuża jew oħra rema dan il-pjan.
Illum nafu li Gvern Laburista fl-2013 kellu biss roadmap li jitħanżer u jiffroda.
Illum nafu li Gvern Laburista bena powerstation li, bħal ħafna proġetti oħra, instabet mgħarrqa fil-korruzzjoni.
Illum nafu li Gvern Laburista ma riedx windfarms f’Malta imma mbagħad ħawwad deal għal windfarms fil-Montenegro.
Illum, Gvern Laburista, wara li ħela aktar minn 11-il sena, irid jerġa’ jikkonsidra l-windfarms.
Il-Partit Nazzjonalista huwa favur kull sforz biex sa fl-aħħar ikollna enerġija nadifa kif jixirqilna bħala pajjiż Ewropew.
Fl-2021, il-Partit Nazzjonalista nieda pjan ta’ enerġija sal-2050 li kien jinkludi proġett kbir offshore li permezz tiegħu stajna nilħqu l-miri tagħna għall-enerġija li tiġġedded.
L-għada li l-PN nieda dan il-proġett, il-Gvern Laburista ħabbar li kien se jagħmel impjant kbir ta’ offshore windfarm ’il barra minn Għawdex. Dan l-impjant naturalment sal-lum għadu fl-arja u kien biss reazzjoni ta’ malajr biex ibellagħha lin-nies li kienu qed jagħmlu xi ħaġa wara l-pjan imħabbar mill-PN.
Li kieku Gvern Laburista ma kienx moħħu biss kif se jħaxxen butu kif għamel bil-powerstation u bil-windarms fil-Montenegro, minflok kif se jtejjeb il-ħajja tal-Maltin, kieku dan il-proġett il-Maltin u l-Għawdxin ilhom is-snin igawdu minnu.
Gvern Laburista hu Gvern ta’ ftit wisq tard wisq.
Ryan Callus
Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni
05.12.2024