Flok jattakka lill-ġurnalisti, jew jipprova jnaqqas mis-serjetà ta’ dak li seħħ fi tmiem il-ġimgħa, il-Gvern għandu jwieġeb dwar in-nuqqas ta’ infurzar
Ma jitwemminx kif illum għandna Ministru li wara x-xeni ta’ għajb li rajna fl-aħħar jiem jipprova jiskredita ġurnalista li kienet qed tagħmel xogħolha u esponenti ewlieni tal-Partit Laburista li jipprova jiskuża l-aġir irresponsabbli u l-ksur tal-ordni pubbliku waqt party billi jwieġeb li anke fil-festi jkun hemm il-ġlied.
Mhux aċċettabbli li l-Ministru Bedingfield jakkuża ġurnalista b’motivazzjoni razzjali talli tagħmel mistoqsijiet leġittimi dwar l-infurzar, waqt li Jason Micallef jipprova jmewwet l-inċidenti billi jqabbilhom ma’ ġlied waqt il-festi fl-irħula
Fl-aħħar sigħat kellna żewġ esponenti tal-Gvern Laburista li għamlu dikjarazzjonijiet inkredibbli fir-rigward tax-xeni xokkanti li rajna fi tmiem il-ġimgħa b’rabta ma’ party mifrux fuq tlett ijiem li kien qed isir f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jqis bħala serji ħafna d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield u ta’ Jason Micallef – id-Delegat Speċjali ta’ Robert Abela għall-implimentazzjoni tal-manifest elettorali Laburista, Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali – li t-tnejn li huma kkummentaw mal-media dwar dak li seħħ.
Meta ġie mistoqsi minn ġurnalist tal-MaltaToday dwar is-sitwazzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ infurzar fil-pajjiż li kulħadd qed jitkellem dwarha, u b’mod speċifiku dwar l-inċidenti li seħħew fi tmiem il-ġimgħa, il-Ministru Glenn Bedingfield dawwar il-kanuni fuq il-ġurnalista li kienet qed tagħmillu l-mistoqsijiet u akkuża lill-gazzetta b’motivazzjoni razzista. L-ewwel reazzjoni tal-Ministru għall-Intern kienet li jesprimi t-tħassib tiegħu li l-festival imsemmi kien qed jiġi indikat b’mod partikolari minħabba li dawk li attendew kienu ta’ “kulur differenti”. Akkuża li wasslet biex il-MaltaToday tkun kostretta tiċħad b’mod kategoriku l-allegazzjoni ta’ Bedingfield.
Din mhix risposta li wieħed jistenna minn Ministru responsabbli mill-infurzar fil-pajjiż.
Ġurnalist għandu kull dritt – u dmir – jistaqsi lill-Gvern dwar l-infurzar, is-sigurtà u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet. Li mistoqsija leġittima bħal din tiġi milqugħa b’insinwazzjoni dwar razziżmu hija attakk bla bżonn fuq il-ġurnalist minflok tweġiba għall-kwistjoni li tqajmet.
Il-kwistjoni qatt ma kienet il-kulur tal-ġilda, in-nazzjonalità jew l-oriġini ta’ min attenda. Il-kwistjoni hija waħda sempliċi: kien hemm biżżejjed infurzar? Min kien responsabbli? X’mar ħażin? U x’se jsir biex dak li seħħ ma jerġax iseħħ?
Il-Ministru Bedingfield dawwar ukoll fuq il-ġurnalista li kienet qed tintervistah il-mistoqsija li għamlitlu dwar is-sentiment li qed iħossu n-nies madwar il-pajjiż li l-Gvern u l-Prim Ministru Robert Abela donnhom mhumiex entużjasti li jiżguraw li jkun hawn aktar infurzar madwar il-pajjiż. Hu akkuża lill-ġurnalista – li ġabitlu diversi eżempji ta’ nuqqas ta’ infurzar – li forsi dan hu sentiment li qed tħoss hi.
Daqstant ieħor inkwetanti huma l-kummenti li għadda ċ-Chairman tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali Jason Micallef, li pprova jnaqqas mis-serjetà ta’ dak li seħħ billi jqabbel dak li ġara waqt il-party f’Ta’ Qali mas-sitwazzjoni fil-festi li jsiru fil-bliet u l-irħula Maltin. Micallef argumenta li kultant jinqala’ ġlied anke waqt il-festi fl-irħula, imma f’ħafna minn dawn il-każi ma jkun jaf ħadd.
Ma jitwemminx kif illum għandna Ministru li wara x-xeni ta’ għajb li rajna fl-aħħar jiem jipprova jiskredita ġurnalista li kienet qed tagħmel xogħolha u esponenti ewlieni tal-Partit Laburista li jipprova jiskuża l-aġir irresponsabbli u l-ksur tal-ordni pubbliku waqt party billi jwieġeb li anke fil-festi jkun hemm il-ġlied.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela biex jiddiżassoċja ruħu minn dawn l-attakki u dikjarazzjonijiet u jwieġeb il-mistoqsijiet li qed jagħmel kulħadd dwar in-nuqqas ta’ infurzar madwar il-pajjiż li kulma jmur qed iwassal biex ikompli jiżdiedu inċidenti bħal dawn li ma jagħmlux ġieħ lil pajjiżna, minbarra li joħolqu theddida għas-sigurtà u inkonvenjent għar-residenti fil-komunitajiet.
Minflok min jipprova jdawwar mistoqsijiet dwar l-infurzar f’argument dwar ir-razza, il-pubbliku jrid Gvern li jagħti spjegazzjoni ċara u rendikont dwar x’preparamenti jsiru, xi jkun falla, u x’miżuri qed jittieħdu f’każi bħal dawn.
U minflok min jipprova jmewwet dak li seħħ billi jagħmel paraguni mal-festi, il-pubbliku jistħoqqlu Gvern li jagħraf li dawn l-inċidenti jqajmu mistoqsijiet leġittimi dwar it-tip ta’ turiżmu li rridu nattiraw, dwar il-kapaċità ta’ pajjiżna li jlaħħaq ma’ attivitajiet ta’ din ix-xorta u, fuq kollox, dwar l-infurzar.
Il-ġurnalisti għandhom jingħataw tweġibiet, mhux jiġu attakkati talli jistaqsu.
U l-pubbliku għandu jingħata serħan il-moħħ permezz ta’ infurzar serju, mhux skużi.
16.09.2026