F’Malta l-Labour iwaqqaf ir-riformi….fl-Ewropa jgħid mod ieħor

Naomi Cachia kienet preżenti għas-sessjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa li qed issir f’Parigi f’isem il-Gvern. Hi qalet ukoll li ma jistax ikun li nippermettu li Daphne Caruana Galizia tinqatel għat-tieni darba.

  • Filwaqt li d-dikjarazzjonijiet tal-Whip tal-Gvern f’Pariġi dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huma inkoraġġanti, hija ħasra li spiċċat attakkata mill-ewwel minn esponenti tal-establishment Laburista minħabba dak li qalet
  • Huwa wkoll ironiku li barra minn Malta l-Labour jgħid mod, imma f’Malta l-istess Whip waqqfet il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati mill-aktar fis b’mod sħiħ

Huwa ironiku li f’Malta l-Labour qed jibqa’ jirrifjuta kull dibattitu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u jimblokka r-riformi li qed tressaq l-Oppożizzjoni waqt li barra minn Malta, il-Whip tal-Gvern Laburista tiddikjara li l-Gvern hu impenjat li jwettaq ir-riformi meħtieġa.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota dak li qalet il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia quddiem il-Kunsill tal-Ewropa f’Pariġi fil-preżenza tal-familja tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika, dikjarazzjonijiet li huma inkoraġġanti.

Anke jekk sa ġimgħa ilu, wara li ħareġ il-verdett tal-ġuri, kienet l-istess Whip tal-Gvern Noami Cachia li waqqfet il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni li wasslet biex il-Gvern ta’ Robert Abela jimblokka r-riformi meħtieġa.

Fl-istess ħin il-PN ma jistax ma jinnutax kif dak li qalet Naomi Cachia f’Pariġi spiċċa mill-ewwel attakkat minn esponenti tal-establishment Laburista bħal Neville Gafà li ħareġ qatta’ bla ħabel kontra dik li ddeskrivieha bħala “apoloġija fl-Ewropa” li saret fil-preżenza tal-familja Caruana Galizia. Mhux talli hekk, imma talli aktar tard ippreċiża li qed jindirizza lill-Gvern kollu għax Naomi Cachia hija parti mill-Gvern Laburista.

Cachia kienet preżenti għas-sessjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa li qed issir f’Parigi f’isem il-Gvern. Hi qalet ukoll li ma jistax ikun li nippermettu li Daphne Caruana Galizia tinqatel għat-tieni darba.

Dan is-smigħ qed jiffoka proprju fuq in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika li, ħames snin wara, għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ, fosthom dawk marbuta mal-ġurnaliżmu. L-Inkjesta kienet sabet lill-Gvern Malti ħati li ħoloq kultura ta’ impunità li wasslet biex Daphne tiġi assassinata.

Naomi Cachia rrikonoxxiet li kien hemm fallimenti istituzzjonali u ammettiet li bl-ebda mod ma trid timplika li r-riformi li kellhom isiru twettqu, b’mod partikolari fil-qasam tal-libertà tal-media, u qalet li fadal ħafna xi jsir. Waqt li żiedet li ġurnalista li nqatlet minħabba xogħolha ma nistgħux inħalluha terġa’ ssir vittma għat-tieni darba — bl-indifferenza, billi nirrassenjaw ruħna għal dak li ġara, jew billi nħalluha tintesa.

Kliem li jistona ferm ma’ dak li sħab Naomi Cachia qed jgħidu hawn Malta – bl-aktar eżempju ċar ikun dak tal-Ministru Malcolm Paul Agius Galea li ftit tal-jiem ilu qalilna li mhux ċert li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba xogħolha.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela biex jagħmilha ċara liema minn dawn tirrappreżenta l-pożizzjoni tal-Gvern Laburista, waqt li jħeġġeġ Deputati oħra tal-Partit Laburista biex ikollhom il-kuraġġ isemmgħu leħinhom u jappoġġjaw is-sejħa tal-Partit Nazzjonalista biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika jiġu implimentati b’mod sħiħ mill-aktar fis.

Aktar u aktar issa li l-Oppożizzjoni ħabbret li malli jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament se tkun qed tressaq Mozzjoni b’emendi għal-liġijiet biex dawn jiġu implimentati mingħajr aktar dewmien. Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela biex jappoġġja dawn il-liġijiet li se tressaq l-Oppożizzjoni.

12.09.2026