F’sena jirdoppja d-defiċit u d-dejn jaqbeż it-€12-il biljun: il-Gvern bla kontroll fuq in-nefqa u bla direzzjoni ekonomika

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-finanzi tal-Gvern juru li sal-aħħar ta’ Ottubru 2026 id-dejn nazzjonali tela’ għal €12,182.7 miljun, żieda ta’ kważi biljun ewro fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan ifisser li f’sena waħda biss, il-Gvern ta’ Robert Abela, li diġà għandu r-rekord tal-aktar Prim Ministru li għabba lil Malta bid-dejn, kompla jżid id-dejn ta’ pajjiżna b’mod sostanzjali.

Fis-sena tal-elezzjoni, id-dejn ta’ pajjiżna qabeż it-€12-il biljun, id-defiċit kważi rdoppja u l-Gvern kompla jżid il-piż finanzjarju fuq il-familji Maltin u Għawdxin

Iċ-ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar il-finanzi tal-Gvern juru li sal-aħħar ta’ Ottubru 2026 id-dejn nazzjonali tela’ għal €12,182.7 miljun, żieda ta’ kważi biljun ewro fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dan ifisser li f’sena waħda biss, il-Gvern ta’ Robert Abela, li diġà għandu r-rekord tal-aktar Prim Ministru li għabba lil Malta bid-dejn, kompla jżid id-dejn ta’ pajjiżna b’mod sostanzjali.

L-istess statistika turi li d-defiċit tal-Gvern – jiġifieri d-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ fuq sena partikolari – kważi irdoppja, minn €373.9 miljun fl-aħħar ta’ Ottubru 2025 għal €695.4 miljun fl-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena. U dan ifisser żieda ta’ €321.5 miljun, jew madwar 86%.

Fil-fatt, bejn Jannar u Ottubru 2026, il-Gvern nefaq biljun ewro aktar meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Żieda li qabżet sew dik tad-dħul. Minn din iż-żieda, €863.6 miljun marru fin-nefqa ta’ kuljum, filwaqt li €33.7 miljun oħra marru f’aktar imgħax fuq id-dejn tiegħu stess. Dan ifisser li kważi 84% taż-żieda kollha fin-nefqa marret biex tkopri nefqa rikorrenti u imgħaxijiet, filwaqt li ż-żieda fin-nefqa fuq investiment kapitali, li pajjiżna tant għandu bżonn, kienet ta’ €172 miljun biss jew 16.1%.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-imgħax fuq id-dejn pubbliku laħaq il-€276.4 miljun fl-ewwel għaxar xhur tas-sena jew żieda ta’ €33.7 miljun fuq l-istess perjodu tal-2025. Dawn huma flus il-poplu li qed jintefqu biex jitħallas id-dejn, mingħajr ma joħolqu investiment jew valur miżjud għall-pajjiż. Hekk kif id-dejn ikompli jikber, jikber ukoll il-piż tal-imgħax li jrid jitħallas mit-taxxi tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Dawn iċ-ċifri huma konferma ta’ Gvern bla kontroll fuq in-nefqa pubblika, bi tberbiq tal-fondi pubbliċi u li ma jiddejjaq xejn ikompli jissellef u qed jalloka l-parti l-kbira taż-żieda fin-nefqa tiegħu biex ikopri spejjeż rikorrenti, aktar milli jinvesti fil-futur tal-pajjiż.

Din iż-żieda bl-addoċċ fin-nefqa qed tiġi rrappurtata fid-dawl ta’ aktar stejjer ta’ tberbiq ta’ finanzi pubbliċi minn Ministeri, aġenziji u entitajiet tal-Gvern, li għal darba darbtejn qalgħu ċamati mill-Awditur-Ġenerali. Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw it-tħassib tal-imsieħba soċjali li esprimew dubju dwar kemm huma reali ċ-ċifri meta Robert Abela jgħidilhom li kollox sew u Clyde Caruana jgħidilhom mod ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell għal aktar trasparenza fl-użu tal-flus pubbliċi u nefqa li toħloq valur u investiment fit-tul minflok mhux mudell li jkompli jgħabbi lill-familji u lill-ġenerazzjonijiet futuri b’dejn dejjem akbar.

Adrian Delia
Shadow Minister għall-Finanzi

Darren Carabott
Shadow Minister għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi

27.11.2026