Għaddew 48 siegħa, u Robert Abela għadu ma ċaħad l-ebda akkuża li għamillu l-Imħallef Wenzu Mintoff taħt ġurament

Il-Kap tal-PN Alex Borg isostni li l-poplu jistenna rġulija mill-politiċi u mhux li process bħall-għażla ta’ Prim Imħallef jiddawwar f’ballun politiku

Il-poplu tagħna jistħoqqlu rġulija mill-politiċi tiegħu. Dejjem u f’kollox, imma aktar u aktar fi process serju bħall-għażla tal-Prim Imħallef.

F’messaġġ li għadda fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li sa mill-bidu tal-proċess, hu mexa bi rġulija ma’ Robert Abela. Ressaq mhux inqas minn erba’ ismijiet biex ikunu kkunsidrati għal din il-kariga importanti.

Imma Robert Abela għal darba oħra reġa’ għażel li anke din il-kariga tintuża bħala ballun politiku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li tul dan il-proċess, hu flimkien mal-bqija tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, dejjem baqa’ konsistenti: żamm il-kunfidenzjalità kif ukoll ir-rispett u d-distanza mill-ġudikatura, kif dejjem għandu jsir. Alex Borg qal li fl-ebda mument ma kellem lil xi imħallef dwar din il-pożizzjoni.

Minkejja li għaddew aktar minn 48 siegħa minn mindu ħarġet fil-beraħ l-istqarrija ġuramentata tal-Imħallef Wenzu Mintoff, il-Prim Ministru għadu ma ċaħad l-ebda akkuża magħmula mill-Imħallef.

Skont l-ittra ġuramentata tiegħu, l-Imħallef Wenzu Mintoff Robert Abela rrifjuta n-nomina tal-istess Mintoff u ta’ mħallfin oħra, mhux għax ma kellhomx il-kredenzjali meħtieġa imma għax kieku għamel dan kien jidher li qed ibaxxi l-istatura tiegħu bħala Prim Ministru.

Din, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, mhijiex opinjoni ta’ xi ħadd li qiegħed jara l-proċess minn barra. Din hija ittra ġuramentata ta’ mħallef li lill-Prim Ministru kellmu kemm-il darba, u li għalih, iktar minn kulħadd, ġurament iġorr piż kbir.

Issa aktar minn qatt qabel, ħareġ ċar li kull ma tipproponi l-Oppożizzjoni – sew jekk hux proposti biex itejbu l-ħajjiet tan-nies, sew jekk hux nomina għall-ġid tal-pajjiż, jintrema mill-Prim Ministru mhux għax ikun nieqes mill-mertu, imma sempliċiment għax il-prijorità tiegħu hi li jipproteġi l-istatura tiegħu.

Alex Borg qal li n-nies ma jridux din it-tip ta’ politika. In-nies iridu koperazzjoni. Xi ħaġa li hu sostna li offra tul dan il-proċess kollu. Għax il-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin jiġi qabel kollox.

Wasalna hawn minħabba l-imġiba tal-Prim Ministru, u l-poplu għadu qed jistenna t-tweġiba mingħand Robert Abela, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

26.02.2026

– Ara l-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg fuq il-media soċjali hawn.