Għaddiet l-elezzjoni u l-Gvern diġà nesa lil niesu
Id-diskussjoni, mitluba mill-membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq l-istess Kumitat, twaqqfet mill-membri tal-Gvern bl-iskuża li din għandha tiġi posposta sakemm isir aġġornament tar-rapport, u mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni lejn dak li għaddew minnu għexieren ta’ eluf ta’ nies fil-ġranet li għaddew. Tattika ċara intiża biss biex tevita u tipposponi sa wara s-sajf l-iskrutinju parlamentari ta’ rapport li jesponi l-falliment tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija.
Il-membri tal-Gvern fuq il-PAC iwaqqfu d-diskussjoni dwar il-kriżi tad-dawl; l-Oppożizzjoni riedet tiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali
Is-sigħat u l-ġranet sħaħ ta’ tbatija għan-nies u n-negozji ma jfissru xejn għad-Deputati tal-Gvern.
Il-membri kollha tal-Gvern Laburista fuq il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) aktar kmieni llum ivvutaw kontra d-diskussjoni dwar il-qtugħ tal-provvista tal-elettriku u biex issir diskussjoni u skrutinju tar-rapport tal-Awditur Ġenerali li sentejn ilu wera kif il-provvista tad-dawl ta’ pajjiżna fis-sajf tal-2023 kellna problemi serji fid-distribuzzjoni.
Dan ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li l-Gvern qed jirrifjuta li jiddiskuti wera kif kien in-nuqqas ta’ investiment fin-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku li wassal għall-kriżi fil-provvista tad-dawl li ħalliet lil Malta u Għawdex fid-dlam tliet snin ilu. L-istess nuqqasijiet komplew jerġgħu jgħollu rashom f’dawn l-aħħar ġimgħat, meta eluf ta’ Maltin u Għawdxin, inklużi persuni vulnerabbli, reġgħu spiċċaw mingħajr aċċess għall-elettriku.
Id-diskussjoni, mitluba mill-membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq l-istess Kumitat, twaqqfet mill-membri tal-Gvern bl-iskuża li din għandha tiġi posposta sakemm isir aġġornament tar-rapport, u mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni lejn dak li għaddew minnu għexieren ta’ eluf ta’ nies fil-ġranet li għaddew. Tattika ċara intiża biss biex tevita u tipposponi sa wara s-sajf l-iskrutinju parlamentari ta’ rapport li jesponi l-falliment tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija.
Jidher ċar li l-membri tal-Gvern m’għadhomx b’idejhom fuq il-polz tal-poplu u wisq inqas jinteressahom mit-tbatija tan-nies issa li m’għadx għandhom bżonn il-vot tagħhom.
Il-Gvern mhux biss aġġorna l-Parlament sa Ottubru mingħajr ma kompla jiddiskuti l-akbar kriżi fl-enerġija li qed ngħixu fl-istorja ta’ pajjiżna, imma talli lanqas biss irid jiddiskutiha fil-Kumitati Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi. Bil-membri tiegħu fuq il-PAC jagħżlu li jipproteġu lill-Ministru Miriam Dalli u lill-Gvern minn kull forma ta’ trasparenza u kontabbiltà.
Għal dan il-Gvern jidher li l-poplu qiegħed hemm għall-vot u biex iħallas it-taxxi. Dak li qed jieħdu lura hu Gvern li lanqas biss hu kapaċi jiddiskuti dwar il-qtugħ tad-dawl, aħseb u ara jsolvih.
Darren Carabott
Deputat Nazzjonalista u Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC)
Graham Bencini
Deputat Nazzjonalista u Membru tal-PAC f’isem l-Oppożizzjoni
Eve Borg Bonello
Deputat Nazzjonalista u Membru tal-PAC f’isem l-Oppożizzjoni
29.07.2026
- Ara l-filmat tal-membri tal-Gvern iwaqqfu d-diskussjoni dwar il-kriżi tad-dawl hawn.