Għandna Prim Ministru kompromess li spiċċa jiddefendi l-frodi tal-Ministri tiegħu biex ma jikxfulux għawaru
Waqt li l-ħaddiema Maltin joħorġu għax-xogħol xemx u xita, u jwettqu ħidmiethom kif mistenni, il-Ministri Laburisti u dawk ta’ madwarhom qishom allat li jistgħu jisirqu €70,000 minn flus il-poplu biex jitħanżru huma, u ma jiġri xejn.
Waqt il-preżentazzjoni tal-Estimi tal-Budget 2025 għal Għawdex fil-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li huwa tal-mistħija kif il-Gvern jiftakar biss f’Għawdex fid-diskorsi, imma nesieh għal kollox fl-infrastruttura, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u f’kull qasam ieħor.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri medhi jservi lill-Ministru sieħbu Clayton Bartolo minflok lill-Għawdxin. Minflok Ministru iffukat fuq il-ħidma għal Għawdex aħjar u għall-Għawdxin, għandna Ministru medhi jħokk dahar sieħbu u moħħu kif se jiffroda lill-ħaddiem biex iħallas €1,300 fil-ġimgħa mit-taxxi tiegħek lill-mara ta’ Ministru ieħor.
Anke l-Prim Ministru Robert Abela jinsab kompromess u biċċa waħda mal-Ministri frodisti li għandu, moħħu biss biex jiddefendi lil sħabu biex jikxfulux għawaru.
Għall-Gvern Laburista, il-prijorità hija biss il-bwiet tagħhom u ta’ dawk qrib tagħhom u ta’ madwarhom.
Għal Gvern ġdid Nazzjonalista, post Għawdex ma jibqax fid-diskorsi biss, imma jkun fil-qalba tad-deċiżjonijiet. Aktar minn qatt qabel illum l-Għawdxin qed jistennew li xi ħadd jerġa’ jiftakar fihom u f’Għawdex.
Għall-Partit Nazzjonalista l-Għawdxin jibqgħu prijorità.
11.11.2024