Ħtieġa ta’ sostenibbiltà anke fejn tidħol il-kura tas-saħħa
L-Oppożizzjoni tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ pjan studjat li jiġi diskuss u maqbul bejn l-istakeholders kollha f’dan il-qasam bil-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja anke fil-kura tas-saħħa.
L-Oppożizzjoni tħeġġeġ għal aktar kontabbiltà fl-infiq fil-qasam tas-saħħa skont pjan studjat li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja anke f’dan il-qasam daqshekk importanti
Pajjiżna għandu jkun sostenibbli anke fejn tidħol il-kura tas-saħħa.
Waqt diversi diskussjonijiet u laqgħat li kellha l-Oppożizzjoni fl-aħħar ġimgħat ma’ stakeholders f’dan il-qasam importanti, kienet enfasizzata l-ħtieġa li jkun hemm ħidma ffukata lejn aktar sostenibbiltà fil-kura tas-saħħa, bi pjan maqbul li jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja anke f’dan is-settur.
Huwa tajjeb li naraw budget b’saħħtu għas-servizzi u l-kura nazzjonali tas-saħħa, però hemm bżonn ta’ aktar kontabbiltà fl-infiq tal-flus miġbura mit-taxxi tagħna.
Irridu nrażżnu l-ħela u l-infiq żejjed fuq mediċini li jispiċċaw mormija għal diversi raġunijiet. Huma meħtieġa wkoll soluzzjonijiet għal mediċini żejda li jinġabru mill-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) u ma jintużawx.
Dawn il-flus moħlija jistgħu jintużaw aħjar, biex tassew itejbu l-kura tas-saħħa f’pajjiżna.
Eżempju ċar ta’ dan huma l-mediċini innovattivi għall-kura tal-kancer, mediċini li għadhom mhumiex fuq is-sistema tal-POYC u b’hekk iridu jinxtraw minn pazjenti fil-bżonn, u servizzi bħal dak tal-Continuous Glucose Monitoring li għandhom jinfirxu għal kull min huwa dijabetiku u mhux jingħataw biss lil grupp selezzjonat biss.
L-infiq mingħajr pjan f’outsourcing ta’ servizzi bħal dak tal-Emerġenza wkoll huwa eżempju ta’ dan – infiq li qed isir għax dan il-Gvern ma ħasibx għal infrastruttura adegwata li tkun kapaċi tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber.
Dan huwa servizz li qed jiswa l-miljuni mit-taxxi tal-poplu Malti. Flus li jistgħu jintużaw aħjar fil-bini ta’ sptarijiet ġodda li joffru l-ispazju tant meħtieġ biex titjieb il-kwalitaà tal-kura tas-saħħa u s-servizzi li noffru f’pajjiżna.
Malta u Għawdex għandhom bżonn ippjanar serju u viżjoni fit-tul, mhux azzjoni reattiva.
Din hija it-triq ’il quddiem, li twassal verament għal saħħa sostennibli li jgawdi minnha kulħadd.
L-Oppożizzjoni tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ pjan studjat li jiġi diskuss u maqbul bejn l-istakeholders kollha f’dan il-qasam bil-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja anke fil-kura tas-saħħa.
Il-Partit Nazzjonalista mill-oppożizzjoni jħares lejn din id-direzzjoni li toffri soluzzjonijiet f’dan is-settur tant importanti għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Stephen Spiteri
Shadow Minister għas-Saħħa
30.07.2026